Dokumentarju xjentifiku ġdid dwar din ir-relikwija
Bla dubju
ta’ xejn, waħda mill-egħeżeż relikwiji li għandha l-Knisja Kattolika huwa
l-liżar li fih huwa maħsub li kien imkeffen Sidna Ġesù Kristu. Dan jinsab
fil-katidral ta’ Turin, l-Italja u miegħu hemm marbuta storja twila,
interessanti u misterjuża.
Sa issa
Fl-1988,
testijiet tal-karbonju biex
jistabbilixxu l-qedem tal-kefen ta’ Turin ikkonkludew kien falzu li kien ta’ xi
700 sena qabel. Ħamsa u tletin sena wara, ix-xjenza tas-seklu XXI qed tindika
konklużjoni differenti. It-testijiet tal-karbonju li kienu saru mill-British
Museum u l-Università ta’ Oxford minn dakinhar ġew skreditati. Dak iż-żmien, għal
raġunijiet li ma ġewx spjegati, ir-riċerkaturi kienu analizzaw biss kampjun żgħir
tal-fibra meħud minn xifer tal-liżar li ġie f’kuntatt man-nar fl-1532 u kien
ġie mraqqa mis-sorijiet Klarissi li kienu wkoll użaw xi żebgħa tal-ħwejjeġ.
Sadanittant,
eżamijiet xjentifiċi dejjem aktar sofistikati tad-drapp, it-tbajja’ tad-demm, u
x-xbieha tridimensjonali perfett tagħha qed joħorġu evidenza dejjem akbar li l-liżar
ta’ Turin inħoloq fl-ewwel seklu minn “avveniment nukleari” li ma jistax jerġa’
jsir mit-teknoloġija tal-lum.
Dokumentarju
Il-produttur
tal-films Robert Orlando jidħol fin-nofs tad-dibattitu dwar l-oriġini u
l-awtentiċità ta’ da nil-liżar b’dokumentarju ġdid, “The Shroud: Face to Face”,
li f’Novembru 2023 beda jintwera. Orlando, li kiteb ktieb bl-istess isem,
jifforma s-suġġett tiegħu bħala investigazzjoni kontemporanja ta’ “kriminalità
vera”, billi juża xeni u effetti viżwali jagħtu lill-film atmosfera artistika.
Il-film fih
intervisti ma’ esperti miż-żewġ naħat tad-dibattitu, inkluż l-istoriku Amerikan
u professur tas-Seminarju Teoloġiku ta’ Princeton, Dale Allison, Cheryl White,
mill-Assoċjazzjoni għall-Edukazzjoni u Riċerka tal-Liżar ta’ Turin, u Mark
Goodacre, direttur tat-televiżjoni, studjuż tat-Testment il-Ġdid, u professur
f’id-Dipartiment tar-Reliġjon ta' Duke University. Patri Andrew Dalton, LC,
STD, professur tat-teoloġija fl-Università Pontifiċja Regina Apostolorum
f’Ruma, li kiteb id-daħla għall-ktieb ta’ Orlando, jidher ukoll fil-film, kif
jidher ukoll Patri Robert J. Spitzer, SJ, l-istudjuż Ġiżwita, awtur u l-mistieden
popolari tat-televiżjoni EWTN.
Lejn tmiem Lulju, Spitzer ingħaqad ma’ Orlando għal viżjoni
qasira ta’ 15-il minuta tal-film. Din il-viżjoni kienet segwita minn sessjoni
ta’ mistoqsijiet u tweġibiet waqt il-konferenza annwali tas-sajf tan-Napa
Institute f’Napa, California.
Dwar il-film Spitzer qal: “Hu aktar minn dokumentarju
fis-sens li jinvolvi kollox: is-sens estetiku, l-eċċitament
tal-investigazzjoni, il-multimedja, is-sensi kollha.” Spitzer jittama li
x-xogħol ta’ Orlando jintroduċi l-Liżar ta’ Turin għal “udjenza ġdida” li
x’aktarx li ma jżurux mużew ta’ din ir-relikwija u lanqas jaqra xi ktieb dwar
is-suġġett. Huwa qal ukoll li jaħseb li dan huwa l-mod biex joħroġ il-messaġġ
sewwa u b'mod konvinċenti li ma jġiegħelx lin-nies jieħdu deċiżjoni għalihom
infushom bla ma jkunu jafu s-sewwa kollha.
Orlando, il-produttur tal-film, qal li l-proċess
investigattiv tal-film jarrah ukoll bħala parti minn tfittxija aktar personali
għal tweġibiet għall-“mistoqsijiet kbar” tal-ħajja.
L-iskoperti xjentifiċi reċenti diskussi fil-film jinkludu
s-sejba li r-raġel ta’ fuq il-liżar sofra ġrieħi f’rasu li kienu kkawżati minn
“elmu” ta’ xewk, xi ħaġa li falsifikatur medjevali mhux probabbli li jimmaġina,
peress li l-Evanġelji jirreferu biss għal “kuruna ta’ xewk” u qatt ma jsemmu
elmu.
Minbarra dan, l-ispalla tal-lemin tar-raġel hija aktar baxxa
minn dik tax-xellug, ħaġa li Spitzer jgħid li hija kawża ta’ dislokazzjoni tal-ispalla,
probabbli kkawżata minn waqgħa. Dan jispjega għala s-suldati Rumani kienu ġiegħlu
lil xi ħadd li kien jinsab fil-qrib, li nzerta Xmun taʼ Ċirene, biex jgħin lil
Ġesù fil-ġarr tas-salib.
Sejba oħra konvinċenti hija li l-biċċa l-kbira tal-fossili
tal-polline ta’ fjuri jew ħxejjex li tħallew fuq il-liżar huma ġejjin
mit-Tramuntana tal-Lhudija, mhux minn Franza jew minn postijiet oħra fejn hu
magħruf li d-drapp kien matul dawn l-aħħar 700 sena. Spitzer jikkonkludi li dan
kollu juri l-qedem ta’ dan il-kefen.
Ibbażat fuq ir-riċerka tiegħu matul is-snin, Spitzer huwa
konvint mill-awtentiċità tal-Liżar ta’ Kristu. Huwa joqgħod għat-teorija li
“deġenerazzjoni nukleari spontanja f’temperatura baxxa” taʼ kull ċellula
fil-ġisem tar-raġel imsallab ħolqot radjazzjoni intensa li ħalliet warajha
evidenza fiżika tal-Qawmien.
Imma veru?
Il-mistoqsija tibqa’ dejjem: “Imma dan huwa veru l-liżar li
fih tkeffen Ġesù?” Il-fidi tagħna ma għandhiex tkun ibbażata fuq affarijiet li
naraw b’għajnejna jew immissu b’idejna. Dawn jistgħu biss jgħinuna fil-fidi
tagħna imma qatt ma għandhom ikunu l-bażi tat-twemmin. Niftakru dejjem x’kien
qal il-kittieb u l-ekonomista Stuard Chase: “Għal dawk li jemmnu, m’hemmx bżonn
ta’ prova. Għal dawk li ma jemmnux, l-ebda prova mhi biżżejjed."
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Novembru 2023
Nessun commento:
Posta un commento