Illum kulħadd bl-ismartphone li suppost huwa telefon imma fih mitt ħaġa oħra, tant li kważi kważi t-telefon ċellulari l-anqas li nużawh hu biex inċemplu minnu. Gadget li fihom it-telefon ċellulari tal-lum hija l-kamra tar-ritratti. Nieħdu ritratti ta’ kollox, tagħna nfusna, tal-postijiet li nżuru, tal-ikel li nkunu ser nieklu, insomma ta’ kollox. Imma kemm jgħaddi minn moħħna li l-fotografija għandha storja twila?
Isem u naqra storja
Il-kelma Fotografija ġejja mill-Grieg
antik, phôs u graphè, li tfisser kitba tad-dawl jew kitba bid-dawl,
il-fotografija hija dik l-arti jew it-teknoloġija li permezz tal-istrument
tal-kamera fotografika jew tal-vidjokamera, tippermetti li tinkiseb
reġistrazzjoni definittiva ta’ xbieha statika fuq materjal solidu bħalma hija
l-karta.
L-istorja tal-fotografija
tradizzjonalment tibda fis-seklu dsatax. Madankollu, il-prinċipju ta’ dik li
tissejjaħ “Dark room”, il-bażi tal-fotografija, kien diġà magħruf mill-qedem:
wieħed mill-ewwel li ddeskriva dan il-proċess kien il-filosfu Ċiniż Mo Di
(470-391 QK), iżda komplew warajh u semmewha wkoll il-Griegi Aristotele (384/383
- 322 QK) u Ewklide (4 seklu QK). L-ewwel li uża wiċċ biex fuqu pproġetta xbieha
mid-“dark room” kien il-matematiku Għarbi Alhazen (965-1039). Din is-sistema aktar tard intużat
mill-astronomu Franċiż William of Saint-Cloud (seklu 13) u mix-xjenzat Ingliż
Roger Bacon (ċ. 1214 - ċ. 1292).
Età moderna
Matul is-sekli 16 u 17, id-dark room kellha
ħafna tibdil biex l-ewwel nett tagħmel ix-xbieha aktar ċara u fl-istess waqt tikkoreġi l-immaġni maqluba, għax l-ewwel
teknika kienet toħroġ ix-xbieha bil-kontra. Fl-1657 il-patri Ġiżwita Ġermaniż
Gaspar Schott (1608-1666) kompla jiżviluppa l-arti tal-fotografija billi ħoloq
lenti li tista’ tiffoka fuq ix-xbieha li tkun sejra tiġi fotografata; filwaqt
li fl-1685, l-inventatur Ġermaniż Johann Zahn (1641-1707) kompla jipperfezzjoni
l-funzjonament tal-kamera attwali. Komplew l-esperimenti biex jinstab mod kif
jiġu merfugħin ix-xbihat b'mod permanenti. Biex jikkumpensa għall-kapaċità
grafika limitata tiegħu, l-inventur Franċiż Joseph Nicéphore Niépce (1765-1833)
żviluppa l-proċess tal-eljografija. L-eljografija hija proċess fotografiku
għar-riproduzzjoni ta' xbihat, insomma process li mhux faċli tispjegah
fil-qosor.
Fotografija moderna
L-iżviluppi fit-teknika fotografika kienu
enormi matul it-tieni nofs tas-seklu dsatax: il-moda għar-ritratti kienet bdiet
tinfirex sewwa, l-aktar man-nies nobbli, iżda ritratti tal-pajsaġġi kien wkoll bdew
ikollhom domanda kbira. Wara li nnota d-domanda kbira għal tagħmir fotografiku
u ritratti, l-imprenditur Amerikan George Eastman fl-1883 fetaħ fabbrika fi New
York li tagħmel il-magni tar-ritratti u ħoloq l-ewwel kamera tassew li fiha
kien hemm roll ta' karta speċjali li fuqaha setgħu jittieħdu mitt ritratt. Il-fotografija
kienet għodda li ħafna artisti użaw biex jirreklamaw lilhom infushom u
l-attivitajiet tagħhom.
Il-ħanut tar-ritratti
Ritratt hu dejjem tifkira u f’okkażjonijiet speċjali dak li jkun kien jara kif jieħu ritratt, F’tieġ, f’xi praċett jew f’xi griżma dak li jkun kien imur f’xi ħanut tar-ritratti biex dak il-jum jibqa’ mfakkar permezz ta’ ritratt. Kien żmien ieħor, kienet teknika differenti, fejn anke l-kulur kien jingħata bl-idejn fuq ritratt abjad u iswed. Il-ħwienet tar-ritratti kien ikollhom xeni differenti biex iservu ta’ sfond għar-ritratt, hekk pereżempju f’ritratt ta’ tieġ kien ikun hem xi xena ta’ xi ġnien bil-kolonni u x’naf jien, filwaqt li għar-ritratt tal-praċett kien ikun hemm xbieha ta’ Kristu biex it-tifel jew it-tifla jpoġġu ħdejha. Kien għadu lura żmien il-photo shop!
L-istorja tkompli
Dawk li għandhom ċerta età jiftakru
l-fotografija kif kienet fi tfulitna. Nixtru l-film u meta jispiċċa noħduh
għand tal-ħanut tar-ritratti biex niżviluppaw dak li nkunu ġbidna. Biż-żmien
bdejna nsibu l-kamera diġitali, fejn ir-ritratt narawh dak il-ħin stess.
L-ewwel apparat diġitali għar-ritratti kien fis-suq lejn l-aħħar tas-snin
sittin tas-seklu li għadda imma kellhom jgħaddu għexieren ta’ snin biex
il-poplu komuni kien jista’ jikseb kamera minn dawn. Mal-qalba tal-millenju dawn il-kameras saru
komuni u bdejna nużawhom waqt li warrabbna l-kameras tar-roll tal-film.
Mit-telefon
Lejn tmiem is-seklu l-ieħor żviluppat
it-teknoloġija fejn jidħol it-telefon ċellulari. Ma baqgħux aktar kbar, goffi u
tqal. Issa kulħadd beda jixtri telefon ċellulari li wara ftit bdew ukoll
ikollhom fihom kamera tar-ritratti. Aktar tard bdejna nużaw l-ismartphone. L-ewwel
telefon bil-kamera kien ħareġ fil-Ġappun f'Mejju 1999. Sal-bidu tat-tieni
deċenju ta’ dan is-seklu kważi l-ismartphones kollha kellhom kamera diġitali
integrata. It-tnaqqis fil-bejgħ ta' kameras waħedhom żdied minħabba l-użu
dejjem jiżdied ta' smartphones b'teknoloġija tal-kameras għall-fotografija
każwali. Kull progress għandu prezz!
Tajna ħarsa lejn il-fotografija, illum meta
tieħu ritratt mill-mowbajl tiegħek ftakar li ma kienx dejjem hekk, li wara dik it-teknoloġija
li tkun qed tuża hemm storja twila, anzi
twila ħafna.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Novembru 2023
Nessun commento:
Posta un commento