Żgur li ħafna minna semgħu bil-belt ta’ Assisi, belt li nsibu fir-reġjun tal-Umbria fl-Italja u nemmen li ħafna minna żaruha wkoll. Jien żort dan il-post l-ewwel darba fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena 1990 u minn dak iż-żmien sal-lum ma nafx kemm-il darba erġajt żortha. U nistqarr li kemm ikolli okkażjonijiet inżurha nipprova ma nitlifx waħda minnhom. Imma x’hemm eżatt f’din il-belt li tant jiġbed turisti u pellegrini kull sena? Xi jħajjar li dak li jkun jerġa’ jżur dan il-post?
Sliem
Il-paċi li wieħed iħoss meta jkun
Assisi mhux lakemm wieħed ifissru bil-kitba. Din hija belt marbuta b’mod
partikolari ma’ San Franġisk, li wkoll jissejjaħ “Ta’ Assisi” għax hemm seħħ
it-twelid tiegħu, hemm ħa l-aħħar nifs u hemmhekk ukoll jinsabu l-fdalijiet
tiegħu. San Franġisk huwa qaddis sinonimu mas-sliem. Fil-fatt il-kantiku
magħruf tiegħu jibda hekk: “Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.” Mela
forsi dan huwa wieħed mis-sigrieti li f’din il-belt wieħed isib il-paċi
tal-qalb. Dan ma jfissirx li din hija xi belt li fiha ma ssibx dak kollu li
wieħed issib fi bliet oħra, bħal ngħidu aħna ħwienet tal-ikel u xorb, ħwienet
tas-souvenirs, lukandi u elf ħaġa oħra, biss donnu li hawn il-paċi interna hija
l-ordni tal-ġurnata. Dan il-ħsieb tiegħi
naf li hemm min jaqsmu miegħi mija fil-mija. Ħabib tiegħi kull meta jkollu
bżonn ftit mistrieħ hemm ifittex u jgħaddi jiem jimxi u jterraq fil-belt u
fl-inħawi. Forsi għax hawn wieħed jista’ jsib dak li ma jsibx postijiet oħra!
Santa Maria degli Angeli
Quddiem il-bażilika hemm wesgħa
kbira ħafna u minn hemm wieħed jista’ jaqbad karozza tal-linja li twasslu
sal-qalba tal-belt ta’ Assisi.
Dwar Assisi
Madwar elf sena qabel Kristu mewġa ta' immigranti
stabbiliet ruħha fil-wied ta’ fuq tax-xmara Tevere sax-xatt tal-Baħar
Adrijatiku allura wkoll fil-qrib ta' Assisi. Dawn kienu l-Umbri, li kienu
jgħixu f'insedjamenti żgħar li kienu jkunu fortifikati. Mis-sena 450 QK dawn
l-insedjamenti ġew bil-mod il-mod meħuda mill- Etruski. Ir-Rumani ħadu
l-kontroll taċ -ċentru tal-Italja wara l-Battalja ta’ Sentinum fis-sena 295 QK.
Huma bnew il-municipium Asisium li beda jiffjorixxi fuq serje ta' binjiet fuq
il-Monte Subasio . Fdalijiet Rumani għadhom jinstabu f’Assisi bħalma huma
l-ħitan tal-belt, il-forum li llum jissejjaħ Piazza del Comune, teatru ,
anfiteatru u t-Tempju ta’ Minerva, issa mibdula fil-Knisja ta ’ Santa Maria
sopra Minerva.
Belt ta’ qaddisin
Assisi hija belt li jżuruha bosta
u bosta pellegrini. Bla dubju ta’ xejn l-aktar qaddis marbut mal-post huwa
San Franġisk li twieled hawn fis-sena
1181 jew fis-sena ta’ wara u miet hawn ukoll fis-sena 1226. Warajh insibu lil Santa Kjara wkoll imsejħa ta’
Assisi. Din twieldet fis-sena 1194 u mietet fis-sena 1253. Biss dan l-aħħar din
il-belt laqgħet fi ħadnha l-fdalijiet ta’ żagħżugħ li għex u miet fil-qdusija. Qed
nirreferi għall-Beatu Carlo Acutis li għandu l-qabar tiegħu fil-knisja ta’
Santa Maria Maggiore f’Assisi stess. Illum dan il-beatu qed jiġbed eluf ta’
pellegrini fuq qabru. Illum żjara lill-belt ta’ Assisi ma tkunx kompluta jekk
wieħed ma jagħmilx żjara lil din il-knisja li darba kienet isservi ta’ katidral
u jara l-ġisem intatt ta’ Carlo Acutis.
Carlo Acutis
Xieraq mela ngħidu xi ħaġa dwar dan il-beatu ta’ żminjietna. Carlo Acutis twieled fit-3 ta’ Mejju, 1991, f’Londra, fejn il-ġenituri tiegħu kienu jaħdmu. Ftit xhur biss wara, il-ġenituri tiegħu, Andrea Acutis u Antonia Salzano, marru joqogħdu f’Milan. Carlo nstab li kellu l-marda tal-lewkimja. Huwa offra t-tbatijiet tiegħu għall-Papa Benedittu XVI u għall-Knisja u qal: "Noffri t-tbatija kollha li se jkolli nbati għall-Mulej, għall-Papa u għall-Knisja." Minn età żgħira, Carlo deher li kellu mħabba speċjali lejn Alla u lejn l-Ewkaristija. Carlo kien iħobb jilgħab il-logħob tal-kompjuter. Il-console tal-għażla tiegħu kienet Playstation. Kien ukoll programmatur u bena websajt li tikkataloga u tippromwovi l-mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja kollha. Miet fit-12 ta’ Ottubru 2006, u ġie midfun f’Assisi, fuq talba tiegħu, minħabba l-imħabba tiegħu lejn San Franġisk ta’ Assisi. Il-kawża tiegħu għall-kanonizzazzjoni bdiet fl-2013. Huwa sar “Venerabbli” fl-2018, u kien innominat “Beatu” fl-10 ta’ Ottubru 2020.
Kemm hemm x’tara u x’tagħmel
f’Assisi. Hemmhekk mhux żjara tagħmel imma esperjenza!
Fr Reno Muscat
Dan l-artitklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Novembru 2023
Nessun commento:
Posta un commento