sabato 2 dicembre 2023

Sorijiet tal-Klawsura

 

Minkejja li jiena saċedot, dawn l-artikli tiegħi ma humiex ta’ xejra spiritwali, biss ġieli nikteb xi ħaġa relatata mal-Knisja, sewwasew kif ser nagħmel illum. Nistqarr li bosta huma dawk li jinteressaw ruħhom f’dawn il-kitbiet.

Persuna ftit ilu kienet qed titkellem miegħi u billi l-kliem bħaċ-ċirasa, waqa’ fuq is-sorijiet u n-nuqqas tagħhom illum kif ukoll fuq is-sorijiet tal-klawsura. Din il-persuna qaltli li tifhem ix-xogħol li tagħmel soru, mat-tfal, mal-anzjani, mal-morda jew ma’ nies oħra imma ma tifhimx il-ħajja ta’ soru li tingħalaq f’kunvent għal ħajjitha kollha. Bdejt infiehem lil din il-persuna li hemm sorijiet ta’ ħajja attiva, jiġifieri dawk li jkollhom kuntatt man-nies kuljum u hemm sorijiet ta’ ħajja kontemplattiva, jew dawk li nsejħulhom tal-klawsura. Id-differenza bażikament hija li tal-ewwel jiddedikaw ħinhom għal servizzi fil-komunitajiet u tat-tieni huma mixħutin għat-talb.

Il-qaddis ta’ Kalaroga

Bdejt ngħid lil din il-persuna li qabel ma San Duminku waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, jew kif isejħulna: id-Dumnikani, huwa waqqaf is-sorijiet tal-klawsura. Huwa kien jaf li ’l quddiem kien ser iwaqqaf ordni ta’ patrijiet, li x-xogħol tagħhom sa dak iż-żmien ma kienx jeżisti: il-predikazzjoni, ħaġa li kienu jagħmluha biss l-isqfijiet. Kien jaf li dawn kien ser ikollhom ħafna ġiri ’l hemm u ’l hawn u għalhekk kellhom bżonn ħafna talb. Ried li dawn ikollhom sostenn mit-talb tas-sorijiet tal-klawsura. L-ewwel komunità ta’ sorijiet Dumnikani twaqqfet f’Notre-Dame-de-Prouille, ħdejn Fanjeaux, fi Franza bejn l-1206 u l-1207. San Duminku ta’ Gużman ġabar flimkien grupp ta’ nisa li kien ikkonverta għall-Kattoliċiżmu mill-ereżija Katara u li kienu esprimew ix-xewqa li jiddedikaw ħajjithom għat-talb u l-penitenza.

Il-qaddis ta’ Assisi

L-istorja tas-sorijiet tal-klawsura li waqqaf San Franġisk hija xi ftit differenti. Dawn ma kinux l-ewwel fondazzjoni Franġiskana imma t-tieni. It-tieni Ordni Franġiskan twieled fil-lejl ta’ Ħadd il-Palm, bejn it-28 jew id-29 ta’ Marzu 1211 jew it-18 u d-19 ta’ Marzu 1212, meta Kjara, wara li ħarbet mid-dar ta’ missierha, Favarone, Konti ta’ Coccorano, marret il-Porziuncola ta’ Assisi u hemm talbet li jkollha xagħarha maqtugħ minn Franġisku. Dakinhar hija rċeviet il-velu monastiku. Għall-ewwel hija kienet marret tgħix f’monasteru tas-sorijiet Benedittini , iżda meta ngħaqdet magħha oħtha Agnese kif ukoll xi sħabha oħra, huma ġew mogħtijin il-kmamar fqajra li kien hemm mal-knisja ċkejkna ta’ San Damjanu. Illum dawn is-sorijiet jissejħu Klarissi.

Fejn jgħixu

Ħaġa li tajjeb ngħidu hija li sa dak iż-żmien ma kienux jeżistu kunventi imma biss monasteri. U hawn nistħajjilkom tistaqsu x’inhi d-differenza. L-isem stess juri d-differenza: Monasteru ġejja minn mono stare, toqgħod waħdek filwaqt li Kunvent ġejja minn con vivere, tgħix flimkien. Id-djar fejn bdew joqgħodu l-patrijiet li waqqfu San Franġisk u San Duminku bdew jissejħu kunventi iżda s-sorijiet tal-klawsura baqgħu joqgħodu fil-monasteri. Malta għandna sorijiet tal-klawsura fosthom il-Klarissi, iżda sorijiet tal-klawsura Dumnikani ma għandniex. Għandna sorijiet tal-klawsura oħrajn bħalma huma l-Benedittini, it-Tereżjani, l-Agostinjani u s-Sorijiet ta’ Sant Ursola, imwaqqfa mill-kavallieri ta’ Malta.

Il-ġurnata fil-klawsura

Bosta jistaqsu kif jgħaddu l-jum fil-monasteru dawn is-sorijiet. L-ewwel ħaġa kull monasteru għandu orarju għalih imma l-ħaġa komuni fil-monasteri kollha huwa n-numru ta’ sigħat li dawn is-sorijiet jgħaddu jitolbu. Jagħtu importanza speċjali għall-Uffiċċju Divin jew il-Liturġija tas-Sigħat. Dan huwa t-talb uffiċjali tal-Knisja Kattolika, Ortodossa u Anglikana li jingħadu fis-sigħat kanoniċi. Ma jonqosx ukoll li jkollhom il-quddiesa kuljum.

Ikun hemm ukoll ħin ta’ silenzju u ħin ta’ xogħol. Il-monasteri normalment ikollhom raba’ u ġonna magħhom u dawn is-sorijiet jaħdmu dawn ir-raba’ u ġonna. Mhux biss, huma jagħmlu ħafna xogħol tal-idejn, fosthom ir-rakkmu, xogħol tal-ganċ, pittura jew xogħol ieħor. F’monasteru Dumnikan qrib Napli jinkitbu (mhux jitpittru) ħafna ikoni tant li sar famuż għalihom. U l-jum itir f’din il-ħidma. Illum xi sorijiet tal-klawsura anke jsegwu xi korsijiet fl-universitajiet (ma nafx jekk dan il-każ jiġrix Malta wkoll, biss l-Italja jsir żgur) għalhekk wieħed għandu jneħħi minn moħħu li dawn huma sorijiet midfunin. Huma sorijiet kontemplattivi li anke x-xogħol tagħhom jagħmluh bħala talba.

Ħajja moħlija?

Ikun hawn min jgħidlek li kien ikun aħjar li kieku dik is-soru minflok marret fil-klawsura marret f’kunvent fejn tgħin in-nies. Hawn min jaraha ħajja moħlija. Ngħidu hekk għax fil-ħajja sfrenata li qed ngħixu llum tlifna is-sens tat-talb, ma għadniex nagħtu valur għat-talb, la flimkien u lanqas personali. Biss meta taħseb bejnek u bejn ruħek tgħid f’qalbek li tassew, it-talb huwa importanti tant li meta ma jkollniex lejn min induru nirrikorru għalih. U fin-nuqqas ta’ talb li hemm fil-ħajja tal-bniedem tal-lum, hemm is-sorijiet tal-klawsura jagħmlu tajjeb.

U żgur li mhix ħajja moħlija!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Diċembru 2023



Nessun commento:

Posta un commento