sabato 24 luglio 2021

Ir-reġjun tal-Basilicata

 

Aktar ma jidħol is-sajf aktar dak li jkun iħoss ix-xewqa ta’ xi vaganza lil hinn mix-xtut ta’ pajjiżna. Il-pandemija ħarbtet lil kulħadd, ħassret il-pjanijiet kollha li kellna u kkanċellat is-safar li kellna ppjanat imma qatt ma tista’ tnaqqas ix-xewqa li nsiru nafu dwar xi post jew pajjiż li nistgħu nżuru ladarba nerġgħu naqbdu r-rutina ta’ qabel. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar reġjun Taljan li għandi l-impressjoni li ma tantx huwa popolari magħna l-Maltin minkejja li mhux wisq imbiegħed. Qed ngħid għall-Basilicata. Jekk l-Italja narawha bħala żarbuna, dan ir-reġjun jiġi sewwasew fl-għaksa.

Ir-reġjun

Bħala reġjun dan insibuh imiss mal-Calabria, il-Puglia u l-Campania. Għandu parti fix-xatt tal-baħar Tirren kif ukoll xatt fil-baħar Jonju. Huwa reġjun żgħir minkejja li ma huwiex l-iżgħar reġjun Taljan. Huwa it-tielet l-iżgħar bil-Molise u Valle d’Aosta jiġu warajh. Hawn qed nirreferi għall-popolazzjoni għax bħala kobor insibu li minbarra dawn iż-żewġ reġjuni li diġà semmejt, lill-Umbria, lill-Friuli-Venezia Giulia, lill-Liguria u lill-Marche wkoll iżgħar fid-daqs. Il-Basilicata jgħixu fiha ftit aktar minn nofs miljun ruħ u hija mifruxa fuq ftit aktar minn għaxat elef kilometru kwadru. Hemm żewġ provinċji, dik ta’ Potenza, li tinsab fuq in-naħa tal-baħar Tirren, u dik ta’ Matera li tmiss mal-baħar Jonju. Il-capoluogo tar-reġjun hija l-belt ta’ Potenza. Hemm mija u wieħed u tletin kunsill lokali, mija minnhom fil-provinċja ta’ Potenza u l-kumplament f’dik ta’ Matera. Ta’ interess partikolari huwa l-fatt li n-nies ta’ dan ir-reġjun ma jissejħux Basilikati jew xi ħaġa simili imma jgħidulhom Lucani.

Dan huwa reġjun muntanjuż li 8% tal-art tiegħu biss hija pjanura u l-bqija muntanji u għoljiet. Fir-reġjun hemm vulkan mhux attiv bl-isem ta’ Monte Vulture. Fenomeni vulkaniċi sekondarji kienu nnutati minnu sal-1820. Bil-klima Mediterranja u bil-muntanji u l-widien li jinstabu f’dan ir-reġjun, huwa post tajjeb ħafna għall-industrija tal-films kif ukoll għal vaganza għall-kwiet.

Potenza

Potenza
Tassew li Potenza hija l-akbar proivinċja ta’ dan ir-reġjun imma minbarra isem ta’ provinċja nsibu wkoll Belt. Din hija belt li tinsab aktar minn tmien mitt metru ’l fuq mill-baħar u fiha jgħixu madwar sitta u sittin elf ruħ. Iċ-ċentru storiku ta’ din il-belt huwa għani fejn jidħol bini li jmur lura għal żmien il-Medjuevu. Insibu knejjes u palazzi li mhux ta’ min ma jżurhomx ladarba jkun hemmhekk.

Il-katidral ta’ San Ġerardu huwa l-knisja prinċipali tal-post u nsibuh fil-qalba tal-belt. Minn skavi li saru sar magħruf li dan inbena fuq xi binja Rumana, biss il-binja tal-lum hija waħda medjevali. Fl-1930 kien ġarrab ħsarat kbar f’terremot li kien sar u għalhekk kellu jsiru restawr estensiv fuqu. Reġa’ sofra bosta ħsarat waqt it-tieni gwerra dinjija għax intlaqat waqt ħbit mill-ajru. Reġa’ kien restawrat u nfetaħ fl-1950, biss kif ngħidu aħna l-Maltin, fuq tliet toqgħod il-borma. Fl-1980 ġarrab ħsarat oħra mit-terremot li kien heżżeż liż-żona. Hemm bosta knejjes oħra ta’ interess bħalma huma dawk ta’ San Franġisk, ta’ San Mikiel u l-monasteru ta’ San Luqa. Fost il-bosta palazzi tal-belt ma nsitgħux ma nsemmux dak li jissejjaħ Palazzo della Prefettura. Wieħed jista’ jżur ukoll bosta ġonna li jsebbħu lil din il-belt.

Matera

Matera
Belt oħra popolari fir-reġjun ta’ Basilicata hija dik li wkoll isimha huwa wkoll isem tal-provinċja. Matera tinsab aktar lejn il-Puglia u jgħixu fiha madwar sittin elf ruħ. Tinsab erba’ mitt metru ’l fuq il-livell tal-baħar. Hawn isibu dak li jissejjah Sassi di Matera, post magħruf mad-dinja kollha għaliex huwa parti minn belt l-aktar antika fid-dinja li għadha abitata sal-lum. Fl-1993 il-UNESCO għarfet dan il-post bħala wirt tal-umanità. Hemm ħafna x’wieħed jara fil-belt, il-katidral fuq stil Romanesk u l-knejjes ta’ San Ġwann Battista, u dik maestuża ta’ San Franġisk ta’ Assisi fost oħrajn. Fost il-bosta palazzi sbieħ tal-belt wieħed għandu jżur Palazzo Sedile u Palazzo Lanfranchi.

Matera kien il-post li fih inħadmu bosta films popolari. Insemmi biss The Gospel According to St. Matthew  ta’ Pier Paolo Pasolini, Ben Hur tal-2016 u The Pasion of the Christ ta’ Mel Gibson. Minħabba l-ambjent naturali primittiv li għadu kkonservat f’dawn l-inħawi, bosta diretturi tal-film jippreferu dan il-post meta jkunu ser jaħdmu xi xeni antiki, l-aktar fil-films bibliċi. Mhux films bibliċi biss inħadmu f’Matera imma bosta oħrajn ukoll.

Biex tasal

Billi l-Basilicata tmiss ma’ Campania u mal-Puglia wieħed jista’ jasal għaliha kemm mill-ajruport ta’ Bari kif ukoll minn dak ta’ Napli. Jekk wieħed minn Ruma jkun irid jinżel Matera jew Potenza bil-ferrovija jrid ilesti ruħu għal vjagg ta’ bejn sitta u di’sa sigħat u jkollu jbiddel xi erba’ ferroviji. Tabilħaqq li s-servizz tal-ferrovija f’din il-parti tal-Italja mhux effiċjenti daqs in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, imma wieħed jista’ jinqeda bih faċilment.

Illum rajna ftit reġjun Taljan li ftit nafu dwaru imma li fih ħafna x’wieħed jara.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Lulju 2021





Nessun commento:

Posta un commento