Meta kont għadni nistudja Bologna kelli professur magħruf
li tant kien iħobb lil Malta u aktar u aktar lil Għawdex. Kont naħseb li huwa
kien żar pajjiżna kemm-il darba għax kien isemmi bosta ħwejjeġ jew poĊtijiet li
jew tkun qrajt sewwa dwarhom jew tkun żorthom tal-anqas darba f’ħajtek. Darba
staqsejtu kemm-il darba kIEn żar pajjiżna u stagħġibt meta qalli li qatt ma
kien ġie Malta għax huwa jibża’ jirkeb ajruplan u biex jasal bil-baħar irid
ħafna ħin biex minn Bologna jinżel sa Napli u mbagħad jaqbad vapur minn hemm
jew jibqa’ nieżel sa Sqallija u jasal bil-baħar minn hemmhekk.
Issa nistqarr magħkom li tħawwadt. Kif jista’ jkun li
bniedem qatt ma jkun żar pajjiż u jkun jafu daqstant sewwa? Staqsejtu biex
naqta’ din il-kurżità. Qalli li huwa jħobb ħafna lil Malta u aktar u aktar lil
Għawdex għax hemm għex Ulisse għal snin sħaħ. Dan il-professur, għani fl-għerf
u maħbub tal-kultura, sar jaf pajjiżna għax jissemma fil-mitoloġija Griega.
Kollu ta’ xejn li stedintu fuq li stedintu biex jiġi jara lil dan il-pajjiż li
tant kien jaf dwaru, il-biża’ mill-ajrupalani ċaħditlu din l-opportunità.
Fakkarni fi kliem wieħed xiħ li fi tfuliti ġieli smajtu jgħid li l-ajru
għall-għasafar u l-baħar għall-ħut.
Min kien Ulisse?
Ulisse jew l-isem tiegħu propju, Odissew ġej mill-Grieg
tal-qedem: Ὀδυσσεύς [odysse͜ús]. Dan huwa karattru ċentrali fil-mitoloġija
Griega. Imwieled fil-gżira Griega ta’ Itaka, imsejħa wkoll l-art tax-xemx, kien
iben Laertes, wieħed mill-eroj Akei deskritti u rrakkontati minn Omeru
fl-Iljada u fl-Odissea, ix-xogħol letterarju li għandu bħala l-protagonist lil
Ulisse jew Odissew u li jieħu ismu minnu.
Ulisse għex għal għadd ta’ snin ġewwa l-għar ta’ Calipso. Skont
l-istorja ta’ Omeru, l-awtur tal-Odissea, Calipso kienet it-tifla ta’ Atlas u għexet
fil-gżira ta’ Oġiġja. Calipso kienet mara sabiħa u immortali li ġiet
ikkastigata mill-allat. Hija ġiet sfurzata tibqa’ tgħix fuq il-gżira ta’ Oġiġja,
fejn kienu jintbagħtulha rġiel sbieħ li wara li kienet issir tħobbhom kienu
jitilqulha.
Darba waħda Ulisse, wara li ħarab minn Karibdi, monstru
tal-baħar tal-mitoloġija Griega, niżel fuq il-gżira ta’ Oġiġja u ltaqa’ ma’ Calipso
u ħabbha mill-ewwel. Fl-Odissea nsibu li Calipso ħabbitu u żammitu magħha,
skont Omeru, għal seba’ snin iżda skont Pseudo-Apollodorus ħames snin u skont Hyginus sena waħda biss. Calipso
offriet lil Ulisse l-immortalità iżda dan l-eroj baqa’ jirrifjutaha. Ulisse
kellu fil-fond ta’ qalbu x-xewqa li jirritorna f’Itaka, u ma ħalliex lilu
nnifsu jiġi sedott minn din il-mara sabiħa.
Għawdex
Bosta jaħsbu li l-gżira Oġiġja ma hija mkien għajr
il-gżira ta’ Għawdex. Ovvjament, il-kitba ta’ Omeru hija mitoloġija u mhux
storika, imma poġġiet li din in-nitfa ta’ gżira Maltija fuq il-kotba
tal-mitoloġija Griega.
Fil-ġejjieni
Jekk il-professur Taljan li semmejt fil-bidu ta’ dan
l-artiklu kien jibża’ jsiefer, mhux bħalu huma bosta oħrajn. Għalhekk tajjeb li
pajjiżna jieħu vantaġġ mill-fatt li Għawdex huwa l-post fejn kienet mibgħuta
Calipso u fejn inżamm Ulisse. Żgur li bosta turisti jkunu interessati jżuru
l-postijiet fejn il-mitoloġija Griega tal-qedem poġġiet lil dawn il-personaġġi.
Pajjiżna għandu jisfrutta dan il-fatt u joffri l-possibilità ta’ żjajjar
gwidati fuq il-passi ta’ Calipso u Ulisse.
Jekk Malta u Għawdex ikunu l-istess, konkos, bini għoli,
storbju u l-kumplament, xi jmur jagħmel dak li jkun fil-gżira tat-tliet
għoljiet? Jekk l-id tal-progress tibqa’ teqred, fejn se nsibu fejn kien jgħix
Ulisse?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Lulju 2021
Nessun commento:
Posta un commento