Bħal kull għaqda jew istituzzjoni li teżisti, il-Knisja għandha wkoll
il-ġerarkija tagħha. Bħalma d-dinja hija maqsuma f’pajjiżi, hekk ukoll
il-knisja hija maqsuma f’partijiet jew nistgħu nsejħulhom żoni. Kull żona, li
tissejjaħ Djoċesi, tkun immexxija minn isqof. Illum nixtieq ngħidilkom xi
ħwejjeġ interessanti marbutin mal-isqof.
L-isqof huwa r-responsabbli jew kif spiss jissejjaħ “ir-ragħaj” ta’ djoċesi
f’xi Knejjes Kristjani bħalma huma l-Knisja Kattolika, dik Ortodossa kif ukoll
dik Anglikana. Fil-Knejjes kollha li jemmnu fl-episkopat storiku, l-isqof huwa
meqjus bħala s-suċċessur tal-appostli. Minkejja li aħna l-Maltin insejħulu
“Isqof”, għal dak kollu marbut miegħu nużaw il-kelma li għandha għeruq Griegi.
Aħna ngħidu “Episkopat” għaż-żmien li jdum imexxi l-isqof. Pereżempju ngħidu:
Dan il-Millenju Malta diġà rat l-Episkopat ta’ Ġużeppi Mecieca, Pawlu Cremona u
Charles Scicluna. Nistgħu wkoll nirreferu għall-palazz tal-isqof bħala l-Palazz
Episkopali. Il-kelma ġejja mill-Grieg επίσκοπος (epìscopos), li tfisser “dak li
jħares”, “sorveljant”. Fil-Greċja tal-qedem dan it-terminu kien użat biex
jindika kap ta’ skola filosofika jew direttur ta’ akkademja, peress li dawn
ħafna drabi kellhom funzjoniji ta’ sorveljanza.
Suċċessjoni Appostolika
Aħna ngħidu li l-isqof huwa suċċessur tal-appostli jew inkella li għandu
s-suċċessjoni appostolika. Imma xi jfisser sewwa dan il-kliem?
Kull isqof biex ikun ikkonsagrat irid ikun “midluk” isqof minn tliet
isqfijiet oħra, wieħed prinċipali u tnejn oħra assistenti. Din ir-regola ma
tgħoddx kemm-il darba isqof ikun ikkonsagrat mill-Papa. F’dan il-każ ma jkunx
hemm il-ħtieġa li jkunu tliet isqfijiet imma l-Papa jista’ jikkonsagra isqof
waħdu. Issa dawn l-isqfijiet li jkunu qed jikkonsagraw isqof ġdid, kienu xi
darba huma wkoll ikkonsagratri minn isqfijiet oħra li dawn ukoll kienu
kkonsagrarti minn oħrajn. Wieħed wara l-ieħor dawn l-isfijiet jibqgħu sejrin sa
żmien l-appostli, isqof jikkonsagra lil ieħor. Din hija li tfisser
is-suċċessjoni appostolika, li l-konsagrazzjoni ta’ dan l-isqof hija ħolqa
f’katina li bdiet mill-appostli u baqħet ma nqatgħet qatt.
L-isqfijiet ta’ Malta
La qed isemmu s-suċċesjoni appostolika tajjeb naraw ftit l-isqfijiet ta’
pajjiżna minn min kienu kkonsagrati. Ser insemmu biss il-konsagrant prinċipali
(tinsewx li għidna li jridu jkunu tlieta, wieħed prinċipali u żewġ assistenti)
Mons. Charles Scicluna kien ikkonsagrat isqof minn Monsinjur Pawlu Cremona
u dan minn Monsinjur Ġużeppi Mercieca. Il-konsagratur prinċipali ta’ Mons.
Mercieca kien l-Arċisqof Mikiel Gonzi u dan kien ikkonsagrah l-Arċisqof Mauro
Caruana li kien ikkonsagrat mill-Kardinal Rafael Merry del Val. Il-katina
tibqa’ sejra sal-appostli imma nieqfu hawn. Tajjeb ngħidu wkoll li Monsinjur
Scicluna kien l-isqof prinċipali fil-konsagrazzjoni ta’ Mons. Joseph Galea
Curmi, mela fil-katina, wara Mons Scicluna nsibu lil Mons Galea Curmi.
Mons. Anton Teuma kien ikkonsagrat mill-Kardinal Mario Grech u dan kien
midluk isqof minn Mons Nikol Cauchi. Lil Cauchi kien nikkonsagrah l-Arċisqof
Amerikan Mons. Martin John O'Connor.
Maltin
Minkejja li f’Malta għandna żewġ djoċesijiet, bosta Maltin oħra qed iservu
ta’ isqfijiet lil hinn minn xtutna. Nibda billi nsemmi l-Isqof Mons Ġorġ
Frendo. Dan kien ikkonsagrat isqof minn Mons Rrok Kola Mirdita ta’ Tirana
l-Albanija li kien midluk isqof mill-Papa qaddis, Ġwanni Pawlu II. Mons. Antoine
Camilleri u Mons Alfred Xuereb kienu ordnati isqfijiet minn Papa Franġisku. Ma’
dawn hemm lista oħra ta’ Maltin li qed iservu bħala isqfijiet madwar id-dinja,
biex ngħidu d-dritt; fil-ħames kontinenti, bħall-Isqfijiet Cefai fil-Perù, Alessandro
fil-Kenja, Bonello fil-Ħonduras, Bugeja fil-Libja, Costa fil-Brażil, Zammit f’Ġibiltà,
Baldacchini fl-Istati Uniti, Spiteri fil-Libanu u Gauci l-Awstralja. Ma’ dawn
hemm l-Isqof Darmanin li huwa rtitat.
Mhux isem wieħed
Isqof Ko-adjutur huwa isqof awżiljari fi djoċesi bi dritt li jieħu post
l-isqof ladarba dan iwarrab jew imut. Mhux kull isqof awżiljarju huwa
Ko-adjutur. Isqof titulari huwa dak li jingħata titlu ta’ mexxej ta’ djoċesi li
tkun spiċċat imma nżamm it-titlu tagħha.
Pereżempju l-Isqof Awżiljaru ta’ Malta, Mons. Galea Curmi huwa Isqof
Titulari ta’ Cebarades, djoċesi li llum ma għadiex teżisti li kienet testendi
mit-Tuneżija sax-xatt tal-Libja.
Ilum tajna ħarsa ħafifa dwar persuna li minkejja li nisimgħu dwarha spiss,
jew narawha sikwiet, ftit li xejn inkunu nafu dwar ir-rwol tagħha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Lulju 2021
Nessun commento:
Posta un commento