sabato 2 aprile 2022

Is-Sinjal tas-Salib

 l-ewwel parti

Is-sinjal tas-salib huwa s-sinjal Nisrani l-aktar magħruf. Għall-Insara huwa s-simbolu li jfakkar fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien mill-imwiet li ssegwi. Għar-Rumani kien il-mezz li bih tingħata l-piena kapitali. San Pawl jgħidilna li s-salib kien “skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani” (1 Kor 1, 23) imma għan-Nisrani huwa fidwa. Illum is-salib bil-ġisem ta’ Ġesù imsallab fuqu jissejjaħ kurċifiss u nsibu r-rapreżentazzjoni tiegħu mhux biss fil-knejjes imma f’mużewijiet, palazzi u fi djar privati. Bosta artisti ta’ fama kbira ħallewlna din ir-rapreżentazzjoni ta’ Kristu fuq is-salib. Illum il-kurċifiss huwa s-simbolu magħruf tal-Kristjanità. Insibu wkoll kurrent kontra il-kurċifiss f’postijiet pubbliċi. Tajjeb inkunu nafu li l-qima lejn il-kurċifiss ma kinitx teżisti mill-bidu tal-kristjaneżmu.

 Bidu

Fl-ewwel snin tal-Knisja mwaqqfa’ minn Kristu, ir-Rumani kienu jqisu lill-Insara bħala Lhud. Tajjeb insemmu li l-Lhud kienu meqjusin bħala poplu antik ħafna b’reliġjon antika wkoll u għalhekk il-Lhudi kien eżentat mill-kult pagan li kienet obbligata tagħti kull persuna li tkun taħt il-ħakma Rumana. Meta l-Insara bdew jorganizzaw ruħhom u nqatgħu għal kollox mil-Lhud, ma baqgħux aktar eżentati milli jqimu lill-allat Rumani. Hawn bdew il-persekuzzjonijiet u l-martirji. L-insara ma kienux jagħmlu xbiehat tal-kurċifiss, l-ewwel ħaġa minħabba l-biża’ tal-persekuzzjoni u t-tieni ħaġa bħala rispett (ma ninsewx li l-mewt fuq is-salib kienet il-mewt tal-kriminali u tal-agħar nies). Kienu jsiru simboli oħrajn minflok is-simbolu tas-salib, simboli bħal ħuta jew pagun li kollha kellhom b’xi mod jew ieħor xi tifsira marburta mal-fidi tan-Nazzarenu.

Jekk irridu nistudjaw l-ewwel żminijiet tal-kristjaneżmu rridu ninżlu fil-katakombi ta’ Ruma. Hemmhekk insibu sinjali ta’ slaleb minquxin fil-ġebel jew impittra mal-ħajt, imma akatrx li din il-ħaġa hija rarità għaliex aktar insibu simboli oħra milli slaleb bħalma huma il-ħuta li diġà semmejna, il-ħobż u l-ankra. Wara d-digriet tal-Imperatur Kostantinu, li ta l-libertà lill-kult Nisrani, bdejna nsibu slaleb fuq il-lapidi tal-oqbra maġenb l-isem tal-midfun. Ovvajment is-salib kien isir biss jekk il-mejjet ikun Nisrani. Insibu tliet tipi ta’ slaleb, forma ta’ T, is-salib Latin t u s-salib Grieg +. Issa is-salib sar is-sinjal universali tal-Knisja u bdejna insibuh fl-ewwel knejjes. Qegħdin nitkellmu dwar slaleb u mhux dwar kurċifissi. Bdejna nsibu slaleb fil-mużajċi tal-apsidi tal-bażiliċi – slaleb imżejnin b’ħaġar prezzjuż sabiex jindika li s-salib huwa t-tron tas-Sultan tad-dinja. Waħda mill-ewwel knejjes li kellha salib ta’ dan it-tip hija l-knisja ta’ Santa Prudenzjana f’Ruma.  Eżempju ieħor ta’ dan it-tip ta’ salib insibuh fil mawsolew ta’ Galla Placida ġewwa Ravenna.

 Kurċifiss

Sa issa l-ebda salib ma kien juri lil Kristu msallab fuqu. L-ewwel darba li kien muri Kristu msallab kien fis-seklu V. Fil-bieb tal-bażilika ta’ Santa Sabina fuq il għolja tal-Aventino ġewwa Ruma – dik li llum hija l-Knisja tal-kurja ġenerali tal-Ordni tal-Predikatari (id-Dumnikani), insibu panew skulturat bi Kristu msallab. Huwa l-ewwel eżempju ta’ din it tip ta’ ikonografija Kristjana. Lil Kristu insibuh b’idejh miftuħin iżda warajh ma hemmx is-salib.

Aktar ma beda jgħaddi żmien aktar il-kurċifiss beda jinxtered fid-dinja Kristjana. Issa anke fil-mużajċi bdejna nsibu is-salib bil-ħaġar prezzjuż u fuqu Kristu msallab. Eżempju sabiħ ta’ din it-tip ta’ ikonografija huwa s-salib fl-arzella tal-bażilika ta’ San Klement f’Ruma.

 Fl-arti

Ma nistgħux nitkellmu fuq il-Kristjaneżmu jekk ma nsemmux l-Italja. Irridu jew ma rridux bilfors min hemm irridu nitilqu biex nitkellmu dwar l-arti Kristjana. Jekk il-fidi Nisranija bdiet fir-raħal ta’ Nazzaret, l-arti Nisranija bdiet fil-belt ta’ Ruma u nxterdet malajr fl-ibliet qrib. Qrib is-sena 1000 bdejna nsibu bosta kurċifissi mpittrin fuq l-injam u mdendlin fil-knejjes. Xi katidrali kienu jiġu mogħtija slaleb tal-fidda mill-isfijiet tagħhom. Tajjeb insemmu xi eżempji minn dawn.  L-isqof Aribertu ta’ Milan kien ta salib tal-fidda lid-Duomo ta’ din il-belt fl-1018 u l-Isqof Iljun offra salib tal-fidda lid-Duomo ta’ Vercelli aktarx fl-1026. Mhux isqfijiet biss kienu jagħmlu offerti bħal dawn. Il-badessa Raingarda kienet tat is-salib tal-fidda tagħha lill-katidral ta’ Pavia madwar is-sena 996.

Wasal imbagħad iż-żmien fejn bdew jitpittru bosta kurċifissi u nistgħu ngħidu li l-Italja hija mimlija b’dawn il-kurċifissi mpittrin fuq l-injam. Xi wħud minnhom huma xogħol ta’ artisti magħrufin.  Aktarx wieħed mill-aktar kurċifissi magħrufin ta’ dan it-tip huwa dak li nsibu fil-Bażilika ta’ San Duminku ġewwa Bologna. Dan huwa xogħol ta’ Giunta Pisano. Huwa xogħol li tpitter bejn l-1250 u l-1254 u llum għadu jinstab fl-istess bażilika. Fuq il-passi ta’ Pisano imxew artisti oħrajn sabiex ħolqu kurċifissi fuq l-istess linja, xejn inqas famużi minn dak ta’ Bologna.  Madwar is-sena 1275, Cimabue pitter kurċifiss simili għall-knisja tas-Salib Imqaddes ġewwa Firenze. Illum il-kurċifiss ta’ Cimabue jinstab fil-mużew ta’ Santa Croce ġewwa l-istess belt. L-istess artist pitter kopja tal-kurċifiss ta’ Pisano għall-knisja ta’ San Duminku  ta’ Arezzo bejn l-1268 u l-1271. Lejn tmiem is-seklu tlettax, Giotto pitter il-kurċifiss li nsibu fil-Knisja ta’ Santa Maria Novella f’Firenze. Din il-knisja hija knisja oħra tad-Dumnikani, dan ifisser kemm dawn il-patrijiet kienu devoti ta’ din ix-xbieha u kemm ħadmu biex ixerdu l-kult lejn il-Kurċifiss.

 Għal-lum niefqu hawn, Inkompli ngħidu aktar il-ġimgħa d-dieħla

 Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' April 2022



Nessun commento:

Posta un commento