Illum sirna nużaw il-kelma
“grazzi”, kelma ġejja mit-Taljan, minkejja li għandna l-kelma tagħna: Inroddlok
ħajr! Intant mhux l-għan tiegħi li nikteb argument dwar ilsien pajjiżna għax
jekk nibdew mhux ħaġa ħafifa nispiċċaw.
Apprezzament
Meta bniedem irodd ħajr lil xi
ħadd ikun qed juri sens ta’ apprezzament għal xi att li jkun irċieva.
Mill-banda l-oħra min ikun qala’ l-ħajr iħoss li xogħlu jkun qed jiġi stmat u
apprezzat u għalhekk ma jħosshiex bi tqila biex jekk ikun hemm bżonn jerġa’
jagħmel dak il-pjaċir li jkun għamel. Mill-banda l-oħra jekk bniedem ma jaqlax
il-grazzi jibda jħoss li għemilu ftit li xejn ikun sewa allura jaħsibha darba
darbtejn jekk ikun hemm bżonn li dak l-att jiġi mtenni.
Ħafna jgħidulek li għamlu dak li
għamlu mill-qalb u ma jistenenwx il-grazzi, imma xorta waħda jkun xieraq li
jingħatalhom dak il-ġest ta’ ringrazzjament. Dan jgħodd kemm fil-familja, fuq
il-post tax-xogħol, fil-passatempi tagħna u allura ngħidu li l-grazzi għandha
postha kullimkien. Li nuru l-apprezzament tagħna lejn ħaddieħor mhux biss juri
li aħna edukati imma wkoll li nafu li dak li nkunu rċevejna kien ta’ ġid
għalina.
Meta tieħu l-grazzi
F’ilsiena għandna espressjoni li
tfisser bil-kontra ta’ grazzi minkejja li tintuża l-kelma stess grazzi! Spiss
meta naraw nuqqas ta’ apprezzament lejn xi ħidma li nkunu wettaqna ngħidu:
“ħadna l-grazzi!” Sfortunatament jiġru
ħafna okkażjonijet fejn nagħmlu xi att li għalih naħsbu li nkunu ser niġu
apprezzati iżda minnflik naqilgħu tumakka. Dan jista’ jseħħ minħabba sens ta’
nuqqas ta’ gratitudni. Kultant anke kelma tista turi nuqqas ta’ gratitudni.
Ieqaf aħseb ftit u ara kemm-il darba inti stess għamilt xi ħaġa li ħsibt li ser
tkun apprezzat u rringrazzjat għax għamiltha imma jew bqajt bla radd ta’ ħajr
jew agħar minn hekk qlajt xi ċamata.
Biss hawn tajjeb wieħed jibqa’
sod u meta jkun jaf li qed jagħmel xi
ħaġa sewwa għandu jibqa’ jagħmilha minkejja li jħossu ftit li xejn apprezzat.
Ibqa’ ċert li jekk ikollok twaqqaf dik l-attività issib min jinduna. Taqtax
qalbek, illum jew għada l-grazzi toħodha b’mod pożittiv u mhux fis-sens
idjomatiku li semmejt hawn fuq.
Għax għandi dritt
Hemm min forsi jaħseb li għax
servizz għandna dritt għalih ma hemmx għafejn inroddu ħajr lil min jagħmilulna.
Le mhux hekk. Id-dritt tiegħi tassew għandi nieħdu imma li nrodd ħajr lura huwa
dritt ta’ min għamilli dak li jien għandi dritt għalih. Ma rridux ninsew li
l-ħajja fiha d-drittijiet u d-doveri. Tassew li meta trodd ħajr aktar tkun qed
tagħmel ġest ta’ edukazzjoni milli dover, imma ma nagħmlux ħażin jekk ir-radd
ta’ ħajr nibdew inqisuh bħala obbligu, bħala dover tagħna anke meta nirċievu
servizz li nkunu ħallasna għalih jew li jkollna kull dritt għalih. Kelma kull ma tmur fin-nofs, għid
“grazzi” jew “thank you” kif ngħidu spiss aħna l-Maltin. B’din
id-daqsxejn ta’ kelma lil dak li qdiek tferrħu u turi li s-servizz li tak kien
apprezzat. Darba oħra meta tmur għal dak l-istess servizz tinqeda aħjar żgur. Mela
niftakru li jekk servizz huwa bi dritt tagħna, ma’ dan id-dritt hemm id-dover
ta’ gratitudni min-naħa tagħna.
Ħajja mgħaġġla
Tassew li qed ngħixu f’dinja
mgħaġġla u forsi l-ħafna xogħol li nitgħabbew bih inaqqsilna l-ħin għal xulxin,
imma ma għandux inaqqasillna l-edukazzjoni. Ma għandniex nieħdu li ħaddieħor
kif jgħidu l-Ingliżi for granted, hekk qisu xejn mhu xejn. Nofs ta’ kelma mhux
se ttelliffna wisq ħin imma tista’ tibdel il-burdata ta’ bniedem
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' April 2022
Nessun commento:
Posta un commento