sabato 30 aprile 2022

Oberammergau

 

Naħseb li għal ħafna minna l-isem ta’ Oberammergau xejn ma huwa ġdid. Bla dubju ta’ xejn min għandu d-delizzju tal-Ġimgħa l-Kbira żgur li xi darba sema’, jekk mhux ukoll żar, dan ir-raħal.

Oberammergau huwa muniċipju li jinsab fid-distrett ta' Garmisch-Partenkirchen fil-Bavarja, il-Ġermanja. Dan ir-raħal jinsab f’dik li tissejjaħ Alpenstrasse, rotta ta’ madwar 500 kilometru li tkopri l-Alpi tal-Bavarja u l-Awstrija. Dawn l-Alpi jġibu l-isem ta’ Ammergau. Minkejja li dan il-post huwa relattivament ċkejken meta tqabblu ma’ bliet jew irħula Ġermaniżi oħra, huwa famuż għan-numru kbir ta’ affreski li naraw fuq il-faċċati tad-djar, għall-fatt li fih hemm l-iskola tan-NATO u fuq kollox għar-rappreżentazzjoni tad-dramm tal-passjoni ta’ Kristu li jsir kull għaxar snin. Ir-raħal huwa magħruf ukoll għall-ħila ta’ dawk li jonqxu l-injam, u jkollna ngħidu li dan huwa raħal li jista’ jiftaħar bl-iskulturi li twieldu u jgħixu fih. Xogħolhom tarah fil-ħwienet tax-xogħol tagħhom, skulturi fl-injam mill-ifejn li jvarjaw minn statwi reliġjużi għal dawk profani. Fil-fatt f’Oberammergau hemm l-Iskola tal-Bavarja għal dawk li jiskolpu l-injam.

Skultura fl-injam

Oberammergau ilu magħruf għal sekli sħaħ bħala ċentru ta’ tinqix tal-injam. Peress li l-bdiewa tal-post kellhom bżonn isibu modi ġodda biex jaqilgħu dik ix-xi ħaġa tal-flus matul ix-xtiewi twal u iebsa, meta r-raħal ikun miksi kollu kemm hu bil-borra u kienet tkun ħaġa impossibbli kemm għalihom kif ukoll għall-bhejjem tagħhom li jħallu darhom u jmorru fir-raba’. Dawk ir-raħħala minn Oberammergau li jnaqqxu l-injam kienu minn żmien ilu magħrufa għall-ħila tagħhom, uħud jispeċjalizzaw fil-kurċifissi fl-injam, oħrajn f’figuri reliġjużi miżbugħin ferm sbieħ u xeni tal-presepji. Oħrajn kienu jonqxu ġugarelli li jinżebgħu b’kuluri jgħajtu. Dan kollu kien isir minn injam tas-siġar li kienu jitkabbru fir-raħal stess jew fil-qrib. Nafu li l-injam f’din l-inħawi tal-Ġermanja huwa abbundanti.  Biż-żmien dan ix-xogħol ma baqax isir biss minn dawk il-bdiewa li ma jistgħux joħorġu minn djarhom u jmorru fl-għelieqi tagħhom imma sar mestier għal bosta raħħala. Madwar mija u ħamsin sena ilu nfetħet skola għall-iskuturi. Dawk li jtemmu l-istudji tagħhom minn din l-iskola jissejħu "Herrgottschnitzer" li tfisser skuturi ta’ Alla billi ħafna mix-xogħlijiet tagħhom huma figuri reliġjużi. Biex ngħidu d-dritt Herrgottschnitzer jissejħu mhux biss dawk li jistudjaw f’din l-iskola imma dawk li jonqxu l-injam fit-Tirol kollu.

Affreski

Oberammergau huwa wkoll famuż għall-affreski li wieħed jara mpittra mal-ħitan tad-djar tar-raħal. Din hija karatteristika mhux biss ta’ dan ir-raħal imma hija ħaġa komuni f’dawn l-inħawi. Din l-arti bil-Ġermaniż tissejjaħ Lüftlmalerei. Hija pittura li turi xeni mill-bibbja, mill-ħajja ta’ Kristu jew xbihat ta’ qaddisin, xeni minn xi ħrafa tat-tfal, jew xi xena oħra b’xi ftit fantasija wkoll. It-teknika ta’ din l-arti hija li waqt li t-tajn ikun għadu frisk titpitter ix-xena biex b’hekk iż-żebgħa tidħol fit-tajn u għalhekk il-pittura jkollha hajja itwal milli kieku titpitter fuq il-ħajt meta l-kisi jkun nixef. Għalhekk tissejjaħ al fresco din it-teknika.

Dramm

Iżda ma tistax titkellem dwar Oberammergau u tħalli l-akbar avveniment li jseħħ fir-raħal kull għaxar snin. Bla dubju ndunajtu li qed nirreferi għad-dramm tal-passjoni li llum huwa magħruf madwar id-dinja kollha.

L-ewwel rappreżentazzjoni ta’ dan id-dramm sar fis-sena 1634. Jingħad li dan beda jsir wara li r-raħħala ta’ Oberammergau għamlu wegħda biex raħalhom jinħeles mill-pesta li kienet ħakmet lir-reġjun u kienet qed tagħmel ħerba mir-raħħala ta’ dan il-post. Dan id-dramm beda jsir kull għaxar snin, fis-sena li tispiċċa biz-zero, biss fl-1934 sar ukoll billi kien jaħbat it-tliet mitt sena tal-bidu tiegħu. Sar ukoll fl-1983 fit-350 anniversarju. Ma sarx fl-1920 billi kienet għadha kif intemmet l-ewwel gwerra dinjija u sar fl-1922. Ma sarx lanqas fl-1940 minħabba t-tieni gwerra dinjija u ma sarx fl-2020 minħabba l-pandemija tal-Covid 19 imma sejjer issir din is-sena.  

L-istorja tad-dramm nafuha lkoll, biss hemm xi kurżitajiet marbuta mad-dramm. Fih jieħdu sehem atturi li huma kollha minn Oberammergau jew li huma miżżewġin lil xi ħadd mir-raħal u li jkun ilu għaxar snin jgħix hemmhekk. Jieħdu sehem fih madwar elfejn attur minn popolazzjoni ta’ kważi ħamest elef ruħ. Minn elfejn attur madwar, mija u għoxrin biss ikollhom parti li jitkellmu. Il-kostumi kollha jinħietu fir-raħal minn ħajjata mir-raħal stess. Ma jintużawx parrokki u lanqas ma titwaħħal daqna artifiċjali għalhekk dawk kollha li jieħdu sehem fid-dramm, li tajjeb ngħidu jibda minn Mejju u jibqa’ sejjer sa Ottubru, b’ħames rappreżentazzjonijiet fil-ġimgħa, la jkunu jistgħu jaqtgħu xagħarhom u lanqas iqaxxru l-leħja.

Hemm ħafna aktar x’wieħed iżid dwar dan id-dramm li mhux faċli tiktbu fi ftit kliem.

Oberammergau famuż mad-dinja kollha għad-dramm tal-passjoni, imma mhux biss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' April 2022




Nessun commento:

Posta un commento