Matul is-snin il-bniedem kellu jħabbat wiċċu ma’ mard li ġieli sar epidemija u xi minn daqqiet żvilupa f’pandemija. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ termini hija waħda geografika, Filwaqt li epidemija tkun mifruxa fuq żona partikolari fid-dinja, pandemija tinfirex mad-dinja kollha. Fil-fatt il-kelma pandemija ġejja minn Pandemos li fil-Grieg tfisser il-popolazzjoni kollha. Ix-xjentisti jużaw dan it-terminu meta jridu jfissru li l-popolazzjoni dinjija kollha se tkun esposta għall-infezzjoni u li parti kbira mill-umanità sejra timrad.
Malta minkejja li hija gżira,
hija parti mid-dinja u l-mard ma jafx bi fruntieri. Kemm-il darba pajjiżna
għadda minn xi flaġell ta’ xi marda qerrieda li kienet qed taħkem lid-dinja jew
lil xi parti minnha li hija qrib tagħna. Il-Maltin daru lejn Alla u lejn il-qaddisin biex jgħinuhom f’dawn il-waqtiet
diffiċi. San Bastjan kien wieħed mill-aktar qaddisin li sarlu talb u wegħdi.
F’Ħal Qormi
Fit-tbatija tal-pesta tas-sena 1813 il-Qriema talbu għal ħniena mill-Mulej
bl-interċessjoni tal-qaddisin fosthom tal-Madonna, ta’ San Ġorġ, ta’ Santu
Rokku u ta’ San Bastjan. Saru anki diversi wegħdi. Frott ta’ waħda minn dawn
l-wegħdi sar lampier tal-fidda li għadu jintrema fil-knisja parrokkjali ta’ San
Ġorġ. Sabiex titwettaq wegħda oħra, fl-1815 fit-tarf tar-raħal tqegħdet
l-istatwa ta’ San Bastjan magħmula minn ġebla Maltija. Din l-istatwa turi
lill-qaddis fil-mument tal-martirju bil-vleġeġ u saret mill-aħwa Ġlormu u Ċikku
Fabri mill-Birgu. Din l-istatwa hija meqjusa bħala wieħed mill-kapolavuri ta’ dawn
iż-żewġ artisti. Fl-1816 l-Isqof Ferdinando Mattie ta indulġenza lil kull min
jitlob quddiem din ix-xbieha. Biż-żmien madwar din l-istatwa inbnew għadd ta’
djar u nħasset il-ħtieġa li tinbena knisja ddedikata lil San Bastjan.
L-ewwel riferenza għal xi knisja ddiedikata lil San Bastjan f’Ħal qormi
tmur lura sal-1575. Fi Frar ta’ dik is-sena, Mons. Pietro Dusina,
Viżitatur Appostoliku żar Ħal Qormi u sab kappella dedikata lil San Bastjan.
Din kienet nieqsa minn ħwejjeġ tal-quddies u affarijiet oħra.
Fil-Belt Pinto nsibu knisja ddedikata lil San Bastjan. Din illum
hija magħrufa bħala l-knisja ż-żgħira. Din inbniet bejn l-1880 u l-1890 ħdejn
statwa tal-qaddis li kienet twaqqfet fl-1815 biex tfakkar il-ħelsien minn epidemija
tal-pesta tal-1813. Il-qima lejn San Bastjan, patrun tal-pesta, bdiet f’Ħal
Qormi fis-seklu 16, u reġgħet tħeġġet fil-bidu tas-seklu 19 minħabba l-epidemija
tal-pesta fl-1813 li qatlet madwar 740 persuna il-belt Qormija. Iż-żona madwar
l-istatwa żviluppat sewwa fis-seklu 19 u fl-1873 l-imgħallem Michele Angelo
Azzopardi għamel talba lill-Isqof Gaetano Pace Forno biex jibni knisja ġdida
għall-abitanti ta’ dik ix-xaqliba ta’ Ħal Qormi. L-Isqof ta l-permess u
l-knisja ta’ San Bastjan inbniet ħdejn l-istatwa bejn l-1880 u l-1890. Minflok
il-knisja qabel kien hemm ħanut, li jingħad li ġie mwaqqa’ bil-lejl wara li
s-sid tiegħu kien irrifjuta li joħroġ minnu.
Nhar id-9 ta’ Marzu 1890 , Mons. Ġużeppi Mercieca, Vigarju tal-isqof
ibierek il-Knisja. Il-knisja saret viċi-knisja parrokkjali fid-19 ta’ Ġunju
1918 u parroċċa separata fl-1935 bl-ewwel kappillan tagħha jieħu l-pussess nhar
l-5 ta’ Jannar 1936. Il-pittura tal-artal maġġur ta’ din il-knisja juri lil
qaddis fil-martirju tal-vleġeġ u huwa xogħol ta’ Lazzaro Pisani.
Il-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja saret mill-Arċisqof Charles J. Scicluna
nhar il-25 ta’ Ottubru 2019. Il-knisja tkun miftuħa kuljum għall-adorazzjoni
sagramentali.
Knisja ġdida
Billi l-parroċċa deher li kienet sejra tikber, mill-ewwel nibet il-ħsieb
ta’ knisja ġdida. Fl-1937 saru pjanijiet biex tinbena knisja akbar biex isservi
bħala l-knisja parrokkjali. Ix-xewqa kienet li tinkiseb biċċa art tal-gvern li kienet fil-viċin. Din l-art ingħatat sena wara. Fl-1939, l-pjanti għall-knisja
l-ġdida saru minn Arthur Zammit u ġew ippreżentati minn Annetto Mifsud Ellul.
Fl-4 ta’ Frar, 1940 beda l-ewwel xogħol fuq il-bini tal-knisja l-ġdida. L-ewwel
ġebla tqiegħed u tbierket fis-27 ta’ Jannar 1946 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi.
Il-kripta tal-knisja tlestiet fl-1952 u ġiet imbierka fl-istess sena. Beda jsir
il-quddiews fil-kripta. Fl-1956 ix-xogħol fuq il-bini tal-knisja twaqqaf
minħabba nuqqas ta’ fondi. Ix-xogħol kompla sentejn wara. Nhar it-30 ta’ Lulju
1969, il-periti George Muscat Fenech u Godfrey Azzopardi jippreżentaw rapport
fejn jirraportaw li l-kripta mhix tiflaħ għall-piż tal-knisja u jeħtieg li jsr
ċirku tal-konkrit mserraħ fuq kolonni biex isolvu l-problema tax-xquq.
iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kollha bdew isiru fis-sala ta’ l-iskola
tal-gvern.
Il-knisja fl-aħħar tlestiet fil-bidu tas-snin 80 u ġiet ikkonsagrata fid-19
ta’ Jannar, 1986 mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Il-Festa Titulari ta’ San Bastjan
tiġi ċċelebrata kull sena fit-tielet Ħadd ta’ Lulju. Mons Arċisqof għolla
l-parroċċa bit-titlu arċipretali nhar il-21 ta’ April 2019. F’din il-knisja
nsibu l-istatwa tal-injam ta’ San Bastjan minquxa mill-artist Ġorġ Borg bejn
l-1936 u l-1938.
Dan hu wieħed biss mill-qaddisin li l-Maltin daru lej għall-għajnuna f’xi
epidemija jew pandemija.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Mejju 2022
Nessun commento:
Posta un commento