venerdì 27 maggio 2022

Il-festi tas-sajf

 

Wara li għal sentejn il-gżejjer Maltin kellhom jiċċaħħdu mill-festi tant popolari li jsiru fil-parroċċi tal-irħula u l-bliet tagħna, jidher li dan is-sajf sejrin ikollna sajf li fih sejrin isiru dawn il-festi. Żgur li hawn min jieħu gost b’ħaġa bħal din imma jiena żgur ukoll li hawn min jieħu qatgħa. Hekk fid-dinja, ma jistax ikun kulħadd kuntent fl-istess waqt!

Sentejn wara xulxin

Biex inkunu għidna kollox, fl-ewwel sajf tal-pandemija kien hemm xi festi li saru, imma d-deċiżjoni li jsiru festi jew kif sejħulhom “pellegrinaġġi” kellhom jitwaqqfu ħin bla waqt għax il-każi tal-covid19 kienu bdew jiżdiedu b’mod allarmanti u l-awtoritajiet tas-saħħa kienu ħarġu xi direttivi u l-awtoritajiet tal-Knisja ordnat li dawn il-festi ma jibqgħux isiru. Is-sajf tas-sena l-oħra ma hemmx għalfejn nikkummentaw wisq dwaru fejn jidħlu festi – festi fil-knejjes biss, fejn saru u meta saru! Tabilħaqq li l-qofol tal-festa tradizzjonali Maltija hija l-festa ta’ ġewwa għax fuq kollox dawn huma festi reliġjużi, imma l-poplu dara li mal-festi li jsiru fil-knisja jkun hemm dawk esterni, bl-armar fit-toroq, bin-noti tal-marċi, fil-ħsejjes tal-murtali u l-kumplament. Kien x’kien ikollna ngħidu li għaddejna sentejn bla festi. Issa din is-sena sejrin nerġgħu nibdew ingawdu l-festi, imma dawn is-sentejn li għaddew nibża’ li se jkollhom effett negattiv fuq il-festi tagħna.

Organizazzjoni

Ejjew ninsew għal ftit il-festi tal-Knisja u naħsbu dwar il-festi esterni. Biex torganizza festa kif ikunu organizzati f’pajjiżna trid eluf u eluf ta’ ewro. Il-kumitati li jieħdu ħsieb l-organizazzjoni tal-festi jaħdmu matul is-sena kollha biex jiġbru l-fondi meħtieġa għall-festa. Billi l-pandemija sakkritna f’darna għal xi xhur, billi r-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija li għadha magħna ma kinux jippermettu li jsiru attivitajiet ta’ massa, dawn il-kumitati spiċċaw ma jistgħux jorganizzaw dak li kienu jorganizzaw qabel biex jaqilgħu, kif ngħidu bil-Malti, “lira għall-festa.” L-ispejjeż komplew jiżdiedu u d-dħul jew waqaf għal kollox jew naqas b’mod drastiku. Allura ma nistgħux nistennew li dak li konna naraw sa tliet sin ilu sejrin nerġgħu nibdew narawh kollu dan is-sajf.

Il-virus

Il-virus tal-corona daħħal miegħu virus ieħor f’xi wħud. Xi rrid ngħid? Minħabba l-pandemija kien hawn min inħakem mill-apatija. Minkejja li forsi dak li jkun ma jgħidhiex minn fommu, għandu mnejn jaħsibha f’moħħu aktar milli f’qalbu li ladarba għaddejna sentejn bla festi, nistgħu nibqgħu hekk. Tkun tabilħaqq ħasra li patrimonju li ilu jinbena tant snin jintilef f’ħakka t’għajn!

Problema oħra hija tal-bandisti. Il-bandist kien jagħmel sajf idoqq u fl-aħħar jieħu l-ħlas tal-ħidma li jkun wettaq. Billi fis-sentejn li għaddew il-bandist ma kellux xogħol għandu mnejn li sab xogħol part time u issa ma fadallux ħin biex jagħti sehmu mal-banda. Il-festi tagħna huma ħolqa fil-katina li ddawwar il-mutur ekonomiku tal-pajjiż u bħalma jiġri f’kull qasam ekonomiku, meta t-talba tkun akbar mill-prodott il-prezz jispara ’l fuq. Billi l-bandisti naqsu, il-ħlas tas-servizz tagħhom żdied u dan jitfa’ aktar piż fuq l-organizzaturi għax id-dħul naqas u l-ħruġ żdied. U jekk sa issa semmejt il-festi ta’ barra, il-festi ta’ ġol-knisja messithom l-istess xorti wkoll. Biex ikompli jintefa’ l-melħ fuq il-ferita, il-każi tal-covid għadhom magħna u l-imwiet b’dan il-virus għadhom iseħħu wkoll. Dan il-fatt ibeżża’ lin-nies u allura l-folol li darba kienu jidhru fil-festi ma ngħidx għabu, imma nammettu li naqsu.

Mhux l-aħħar tad-dinja!

Sa issa ktibt fuq il-problemi kbar li ser isibu ma’ wiċċhom dawk kollha li b’xi mod għandhom xi responsabilità għall-organizazzjoni ta’ xi festa. Imma mhux kollox iswed, mhux kollox dlam. Minkejja dawn il-problemi kollha għad hemm persuni li għadhom jaħdmu bla nifs biex il-festa tal-patrun jew patruna tibqa’ ssir anke jekk ikollhom jitnaqqsu xi ativitajiet. Wara kollox anke siġra, kultant tkun trid tinżabar.  Għall-ewwel dik is-siġra tidher kerha u stramba f’għajnejna, maż-żmien terġa’ tkabbar friegħi oħra.

Tarbija

Biex nibqgħu fuq il-pożittiv ngħid ukoll li matul ix-xhur li d-dinja kienet donnha waqfet għal kull attività, kien hemm grupp ta’ persuni li waqqfu banda ġdida. Qed nirreferi għar-raħal ta’ Tal-Pietà u Gwardamanġa fejn għadha kemm twaqqfet is-Soċjetà Filarmonika Madonna ta’ Fatima. Illum meta anke soċjetajiet li huma sabbiliti sewwa qegħdin isibu ma’ wiċċhom dawn il-problemi kbar, bla ma trid tammira l-kuraġġ ta’ dawn it-talin. U biex inkun qed ngħid kollox din ma hijiex banda fantażma, hija banda li sejra tieħu sehem fil-festa tal-Madonna ta’ Fatima li ssir fil-parroċċa fl-ewwel Ħadd ta’ Ġunju. Ma tistax ma tammirax lil din il-għaqda li fl-ewwel xhur tagħha, meta għadha daqsxejn ta’ tarbija, ser tagħti żewġ servizzi: Marċ qasir u programm mużikali il-Ħamis tal-festa kif ukoll sejra takkumpanja l-purċissjoni l-Ħadd filgħaxija.

Dawn kienu ftit ħsibijiet fil-bidu tal-istaġun tal-festi tagħna. Mhux kollox ward u zahar imma lanqas hu kollox ħażin!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Mejju 2022




Nessun commento:

Posta un commento