Kull pajjiż fid-dinja għandu l-ħrejjef u l-leġġendi tiegħu. Forsi billi dawn iż-żewġ ġeneri ta’ kitba huma qrib ta’ xulxin sikwiet naħsbuhom li huma l-istess ħaġa, imma fil-fatt ma humiex. Il-ħrafa għandha ġeneru letterarju waħdieni. Hija storja fittizja fil-qosor, miktuba fi proża jew poeżiji, li fiha annimali, ħlejjaq leġġendarji, pjanti, oġġetti bla ħajja, jew forzi tan-natura li jingħataw il-ħajja daqslikieku kienu bnedmin biex fl-aħħar turi jew twassal għal lezzjoni morali. Il-ħrafa hija waħda mill-aktar forom ta’ letteratura folkloristika dejjiema u mifruxa. Il-ħrejjef aktarx jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra jew fuq medda aktar wiesgħa, minn pajjiż għal ieħor, bil-fomm aktar milli bil-kitba. Dan ma jfissirx li l-ħrejjef ma jinkitbux jew li ma jeżistux kotba bi ħrejjef imniżżlin fihom. Il-leġġendi huwa ġeneru ta’ folklor li jikkonsisti f’rakkont li fih azzjonijiet tal-bniedem, kemm għal dak li jirrakkonta jew jikteb kif ukoll għal dak li jisma’ jew jaqra, ikunu donnhom seħħew tabiħaqq. Kitbiet u stejjer f'dan il-ġeneru spiss juru valuri umani, stejjer dwar bnedmin li jkollhom ċerti kwalitajiet li aktar jagħtu verità lir-rakkont. Fil-leġġenda spiss niltaqgħu ma’ mirakli jew għeġubijiet. Il-leġġendi jistgħu jinbidlu maż-żmien biex jinżammu friski u attwali. Il-kelma leġġenda ġejja mill-kelma Latina legenda – li tfisser xi ħaġa li għandha tinqara. Jekk naħsbu ftit, fit-Taljan hija qrib il-kelma leggere – taqra, għax il-leġġendi kienu jinkitbu biex jinqraw.
Parabboli
La qed insemmu l-ħrejjef u l-leġġendi tajjeb insemmu wkoll
il-parabboli. Parabbola hija storja qasira li għandha l-għan li tagħti
tagħlima. Dawn ukoll jistgħu jkunu miktubin fi proża jew poeżiji, biex
titwassal lezzjoni jew parir wieħed jew aktar dwar kif wieħed għandu jġib ruħu
f’każi partikolari. Hija differenti minn ħrafa billi l-ħrejjef jippreżentaw kif
għidna annimali, pjanti, oġġetti inanimati, jew forzi tan-natura bħala
karattri, filwaqt li l-parabboli għandhom fihom il-karattri umani. Il-parabbola
hija tip ta’ analoġija metaforika. Xi studjużi tal-Evanġeli kanoniċi u tat-Testment
il-Ġdid japplikaw il-kelma “parabbola” biss għall-parabboli ta' Ġesù, għalkemm
din hija restrizzjoni u attribuzzjoni żbaljata għaliex jekk xejn il-kelma
“parabbola” ġejja mill-Grieg klassiku u fil-fidi Lhudija nsibu għadd ta’
parabboli wkoll. Fl-Iżlam insibu wkoll numru ta’ parabboli. Kien hemm kittieba
aktar qrib tagħna fejn użaw dan il-ġeneru letterarju biex wasslu l-ħsibijiet li
kellhom f’moħħhom.
Esopu
Fost l-akbar kittieb ta’ ħrejjef bla dubju nsibu lill-Esopu li aktarx kien skjav li għex aktar minn 550 sena qabel Kristu. Aktarx li dawn il-ħrejjef kienu fil-bidu jgħaddu mill-missier għall-iben jew mill-omm għall-bint bil-fomm u aktrx li għaddew madwar tliet sekli wara mewt Esopu biex dawn inkitbu. Billi kienu għaddew dawk is-snin kollha, hemm min jaħseb li fil-ġabra ta’ ħrejjef attribwiti lilu hemm xi wħud li ma huma tiegħu xejn.
Esopu |
Tajjeb ngħidu li Esopu ma kienx l-ewwel persuna li kitbet
ħrejjef tal-annimali. Bosta sekli qabel, Esjodu, poeta u kittieb Grieg
tal-qedem li għex madwar tmien sekli qabel Kristu, kien kiteb ħrafa dwar is-seqer
u r-rusinjol, filwaqt li poeta jismu Archilochus kiteb diversi ħrejjef, fosthom
dik dwar l-ajkla u l-volpi. Dwar Esopu ftit li xejn hu magħruf b’ċertezza dwaru.
Nafu żgur li kien jibdel il-ħrejjef f’forma popolari. William Caxton stampa
l-ewwel traduzzjoni tal-Ħrejjef bl-Ingliż fl-1484, u minn hemm ċerti frażijiet,
bħal ngħidu aħna “qares l-għeneb” (sour grapes) bdew jidħlu fil-lingwa Ngliża u
aktar tard fl-ilsna oħrajn.
Leġġendi u qaddisin
Ma nistgħux insemmu l-leġġendi bla ma nsemmu dawk li nsibu
dwar bosta qaddisin aktarx tal-ewwel sekli tal-Knisja, iżda mhux biss. Insibu
leġġendi dwar qaddisin aktar qrib ta’ żminijietna. Fi żmien il-persekuzzjoni tal-Insara
kienu jinkitbu bosta leġġendi dwar xi martri biex dawn jinqraw mill-Insara li
jkunu ġew mixħutin il-ħabs. L-għan ta’ dawn l-istejjer, li minn xi daqqiet
kienu jkunu mimlijin eseġerazzjonijiet u fantasiji, kien biex dawk il-povri
Nsara ta’ ġewwa l-ħabs jagħmlu kuraġġ meta jaraw sħabhom kemm kienu batew aktar
minnhom. Illum forsi nidħqu b’dan il-mod kif kien jitwassal messaġġ, imma ma
rridux naħsbu bil-mentalità tal-lum. Iżda l-leġġendi dwar il-qaddisin ma
nkitbux biss fi żmien il-persekuzzjoni. Il-Legenda
aurea jew Legenda sanctorum hija
ġabra ta’ ħajjiet tal-qaddisin ta’ Jacobus de Voragine, patri Dumnikan li aktar
tard sar arċisqof ta’ Ġenova, li kienu jinqraw ħafna fl-Ewropa matul il-Medjuevu.
X'aktarx li din il-ġabra dehret għall-ewwel darba madwar is-snin 1259–1266,
għalkemm ma’ dak li kiteb de Voragine
ġie miżjud ħafna u ħafna matul is-sekli ta’ wara. Pereżempju l-leġġenda ta’ San
Ġorġ u d-dragun dehret f’wiċċ id-dinja fil-kitba ta’ dan id-Dumnikan.
Il-leġġendi u l-ħrejjef illum saru patrimonju li mhux ta’
min iħallih jintilef.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In'Nazzjon - 4 ta' Ġunju 2022
Nessun commento:
Posta un commento