venerdì 10 giugno 2022

Il-bandiera safra u bajda

Żgur li malli nilmħu bandiera safra u bajda f’moħħna dlonk jiġi l-Vatikan, il-Papa jew tal-anqas il-Knisja. Bħal kull stat ieħor, l-Istat tal-Vatikan għandu l-bandiera tiegħu. Minkejja li aħna mdorrijin naraw bandiera wiesgħa aktar milli għolja, ġeneralment proporzjon ta’ 2 għal 3, dik tal-Vatikan hija kwadra, jiġifieri wiesgħa daqs kemm hija għolja, l-istess forma tal-bandiera tal-Iżvizzera, imma minħabba bosta raġunijiet prattiċi aktarx li narawha b’ ratio 2:3 bħal bosta bnadar oħra. Biex inkunu għidna kollox, dawn huma l-uniċi żewġ bnadar kwadri fid-dinja.

Kuluri

Il-bandiera tal-Istat tal-Vatikan hija magħmula minn żewġ strixxi vertikali tal-istess qies, l-istrixxa tan-naħa tal-arblu hija ta’ lewn isfar jew lewn id-deheb u n-nofs l-ieħor huwa ta’ lewn abjad. Fuq il-parti l-bajda, sewwasew fin-nofs, insibu l-arma tal-Papa, bit-tijara u l-imfietaħ.


Fil-bidu, l-istat pontifiċju kien juża bandiera safra u ħamra, il-kuluri tradizzjonali tas-Senat Ruman u tal-belt ta’ Ruma. Fil-fatt sal-lum il-bandiera tal-belt ta’ Ruma hija safra u ħamra. Dawn l-ilwien iġibhom ukoll sal-lum it-tim tal-futbol tar-Roma.

Fl-1808, il-Papa Piju VII ordna biex il-kulur aħmar jitneħħa minn fuq il-bandiera u minfloku jitpoġġa dak abjad. Fl-1824 il-flotta tal-Vatikan bdiet tuża bandiera bajda u safra, imma l-kuluri kienu dijagonali u mhux vertikali. Fl-1848 din l-istess flotta kienet tuża ċoff ta’ lwien aħdar, abjad u aħmar mal-bandiera, imma sena wara l-Papa Piju IX ordna li l-kuluri tal-bandiera tal-Papa jkunu isfar u abjad poġġuti b’mod vertikali u bl-arma tal-Papa fuq il-parti l-bajda.

Stat ġdid

Fil-11 ta’ Frar, 1929 kien iffirmat it-trattat bejn is-Santa Sede u r-Renju tal-Italja, dak li jissejjaħ Patti Lateranensi. Ma ninsewx li l-Italja dak iż-żmien kienet għadha monarkija u mhux repubblika. Minn dak il-jum din saret il-bandiera uffiċċjali tal-Istat Indipendenti u Sovran tal-Vatikan. Minn dakinhar din il-bandiera żdiedet mal-bnadar tal-Istati tad-Dinja.

Il-jum tal-20 ta’ Lulju, 1969 jibqa’ mfakkar għal dejjem  għax il-membri tal-ekwipaġġ tal-Apollo 11 niżlu fuq il-qamar. Fuq dan ir-rocket l-ekwipaġġ ħa miegħu il-bnadar tal-pajjiżi tad-dinja, fosthom dik tal-Istat tal-Vatikan. Illum din il-bandiera, flimkien ma’ ftit frak ta’ blat minn tal-qamar jinstabu fil-mużew tal-Vatikan.

Il-bandiera tal-Vatikan tittajjar f’okkażjonijiet speċjali bħall-anniversarju tal-Papa u f’festi Nsara. Tittajjar kuljum fuq il-propjetà tas-Santa Sede kemm ġewwa l-belt tal-Vatikan kif ukoll fuq il-bini taż-żoni extraterrittorjali li hemm ġewwa Ruma u fil-qrib. F’mewt ta’ Papa din il-banidera tittajjar mezzasta għad-disat ijiem ta’ luttu li jsiru wara l-funeral. Tittajjar ukoll f’okkażjonijiet diplomatiċi tas-Santa Sede u narawha fuq il-bjut tan-nunzjaturi madwar id-dinja.

Barra l-Vatikan

Il-kattoliċi madwar id-dinja xi minn daqqiet itajru jew ipoġġu f post prominenti il-bandiera tal-Vatikan sabiex juru l-identità Kattolika tagħhom, b’hekk madwar id-dinja nistgħu niltaqgħu ma’ din il-bandiera fuq knejjes, skejjel jew bini ieħor li jappartjeni lil xi istituzzjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Kuntrarjament għal dak li naraw fuq palazzi fejn jgħixu rejiet jew kapi ta’ stati, fuq il-Palazz Appostoliku, ir-residenza tal-Papa, ma hemmx arblu b’bandiera tperper. Iżda xorta hemm mod li juri meta l-papa jkun fil-Vatikan jew meta jkun barra. Jekk fuq palazzi oħrajn il-bandiera tfisser il-preżenza tar-re jew tal-president, fil-każ tal-Papa huwa d-dawl fl-uffiċċju tiegħu li jindika li l-Kap tal-Knisja jkun fil-Vatikan. Meta l-Papa jkun fil-Vatikan, it-tieni tieqa fuq il-lemin tiegħek meta tkun qed tħares lejn il-palazz minn Pjazza San Pietru, is-sular ta’ fuq, tkun miftuħa u meta jibda jidlam jinxtegħel id-dawl li jibqa’ jixgħel sa madwar il-11 ta’ bil-lejl. Meta l-Papa ma jkunx fil-Vatikan din it-tieqa ma tinfetaħx u d-dawl ma jixtegħelx. Sal-2013 din kienet in-norma imma mal-ħatra ta’ Papa Franġisku inbidlet din it-tradizzjoni billi huwa għażel li ma jmurx jgħix fil-Palazz Appostoliku imma jibqa’ fid-dar Santa Marta.

Ambaxxaturi

L-istat tal-Vatikan ma għandux ambaxxaturi imma nunzji apostoliċi li jservu għall-istess għan ta’ ambaxxatur. Dan bħal kull membru tal-korp diplomatiku jtajjar il-bandiera tal-istat li jirrapreżenta fuq ir-residenza tiegħu. F’Malta l-Arċisqof tal-Arċidjoċesi wkoll juża l-bandiera safra u bajda. Dan huwa protokol uffiċjali li kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta f’Lulju tas-sena 1990. Fost struzzjonijiet oħra nsibu hekk: Il-bandiera li juża l-Arċisqof ta’ Malta tikkonsisti minn żewġ strixxi vertikali ta’ l-istess daqs, l-isfar in-naħa ta’ l-arblu u l-abjad fuq barra.

Illum tajna ħarsa lejn il-bandiera tal-Istat tal-Vatikan li spiss narawha tperper anke f’pajjiżna speċjalment issa li bdew il-festi fl-ibliet u l-irħula tagħna. Tajjeb inkunu nafu xi ħaġa dwarha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Ġunju 2022



Nessun commento:

Posta un commento