sabato 18 giugno 2022

Kurżitajiet dwar il-Papa

Wara li ġimgħa l-oħra ktibt dwar il-bandiera tal-Vatikan, tajjeb li issa ngħidu xi ħaġa wkoll dwar il-Kap tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan. Ma’ din il-persuna hemm bosta kurżitajiet. Illum nibdew naraw ftit minn dawn il-kurżitajiet:

Il-Papa għandu bosta titli li bihom jista’ jissejjaħ: Isqof ta’ Ruma, Vigarju ta’ Kristu, Suċċessur ta’ Pietru, Qdusija Tiegħu, Primat tal-Italja, Arċisqof Metropolita tal-Provinċja ta’ Ruma, Patrijarka tal-Oċċident, Sovran tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan u Qaddej tal-Qaddejja ta’ Alla.


Min jista’ jilħaq Papa?

Jista’ jilħaq Papa kull Nisrani, ta’ sess maskil. Ġeneralment il-Papa jingħażel minn fost il-Kardinali, imma mhux bilfors li jsir hekk, anzi kien hemm każi fejn intgħażel xi ħadd minn barra l-Konklavi. Insemmu biss lil  Bartolomeo Prignano, Arċisqof ta’ Bari li fit-8 ta’ April, 1378 intgħażel Papa minkejja li ma kienx fil-Konklavi. Huwa ħa l-isem ta’ Urbanu VI. Meta bniedem jinħatar Papa, jekk ma jkunx saċerot jingħata s-sagrament tal-Ordni Sagri u jekk ma jkunx Kardinal jinħatar Isqof.

Żmien twil

Xi papiet għamlu żmien twil fuq it-tron ta’ Pietru. L-aktar għaxar papiet li damu kienu:

l-Appostlu San Pietru mis-sena 33 sas-sena 67, jiġu 34 sena

Papa Piju IX (1846 - 1878): 31 sena, 7 xhur u 23 jum

Papa San Ġwanni Pawlu II (1978 - 2005): 26 sena, 5 xhur u 17-il jum

Papa Ljun XIII (1878 - 1903): 25 sena, 4 xhur u 29 jum

Papa Piju VI (1775 - 1799): 24 sena, 6 xhur u 14-il jum

Papa Adrijanu 1 (772 - 795): 23 sena, 10 xhur u 25 jum

Papa Piju VII (1800 - 1823): 23 sena, 5 xhur u 6 ijiem

Papa Alessandru III (1159 - 1181): 21 sena, 11-il xahar u jumejn

Papa San Silvestru I (314 - 335): 21 sena, 11-il xahar u jum

Papa san Ljun I (440 - 461): 21 sena, xahar u 13-il jum

 Żmien qasir

 Jekk kien hemm papiet li damu ħafna jmexxu l-Knisja, kien hemm ukoll dawk li ma tawlux wisq. Dawn huma l-għaxar papiet anzi il-ħdax-il Papa li l-inqas damu fuq it-tron:

 Papa Urbanu VII (15 ta’ Settembru - 27 ta’ Settembru 1590): 13-il jum

Papa Bonifaċju VI (April 896): 16-il jum

Papa Ċelestinu IV (25 ta’ Ottubru - 10 ta’ Novembru 1241): 17-il jum

Papa Sisinnju (15 ta’ Jannar - 4 ta’ Frar 708): 21 jum

Papa Teodoru II (Diċembru 897): 21 jum

Papa Marċellu II (10 ta’ April – 1 ta’ Mejju 1555): 22 jum

papa Damaso II (17 ta’ Lulju - 9 ta’ Awwissu 1048): 24 jum

Papa Piju III (22 Settembru - 18 Ottubru 1503): 27 jum

Papa Ljun XI (1 ta’ April - 27 ta’ April 1605): 27 jum

Papa Benedettu V (22 ta’ Mejju - 23 ta’ Ġunju 964): 33 jum

Papa Ġwanni Pawlu I (26 ta’ Awwissu - 28 ta’ Settembru 1978): 33 jum

Dwar din il-lista ngħidu li niżżilna ħdax u mhux għaxra biss għax l-aħħar tnejn damu 33 jum it-tnejn li huma. Biex inkunu għidna kollox, fil-verità l-iqsar pontifikat ma kienx dak ta’ Urbanu VII imma ta’ Papa Stiefnu II elett Papa fit-22 ta’ Marzu 752 u miet fis-26 tal-istess xahar mingħajr ma kien għadu kkonsagrat Papa. Għal xi żmien dan ma kienx jidher fil-lista tal-Papiet imma mill-1061 reġa’ beda jitniżżel mal-lista. Ta’ min jgħid li dan il-Papa ma jagħmilx parti min-numru tal-Papiet minkejja li llum jitqies bħala Papa. Suppost kien it-92 Papa, imma fit-92 post insibu lill-Papa ta’ warajh, li wkoll ħa l-isem ta’ Stiefnu, li huma magħruf ukoll bħala Stiefnu II meta fil-verità għandu jkun Stiefnu III jekk ngħoddu bħala Papa lil Stiefnu li miet wara 4 tijiem mill-elezzjoni.

 Dimissjoni


 L
a qegħdin insemmu l-pontifikati qosra tajjeb insemmu wkoll lil Papa Ċelestinu V (1294). Dan dam sewwasew mitt jum imexxi l-Knisja, mill-5 ta’ Lulju sat-13 ta’ Diċembru. Imma jekk l-oħrajn kollha temmew it-tmexxija tagħhom għax mietu, dan il-Papa temm il-papat tiegħu għax irreżenja. Fil-fatt il-Papa jista’ jirreżenja mill-kariga. Papa ieħor li rreżenja huwa dak li lkoll niftakru, Benedettu XVI fl-2013. Jingħad ukoll li il-kardinal Vicedomino Vicedomini (1210 – 1276) li kien in-neputi tal-Papa Girgor X (1272 – 1276) wara l-mewt ta’ zijuh inħatar Papa fil-5 ta’ Settembru u miet fl-istess jum. Jekk dan il-fatt seħħx tassew ma nafux imma li nafu hu li Vicidomini ma huwiex imniżżel mal-lista tal-papiet minħabba li mal-għażla tiegħu huwa talab sal-għada biex jaħsibha jekk jaċċettax jew le, għalhekk kien għadu ma tax l-Iva tiegħu meta miet. Tajjeb insemmu li f’ dik is-sena, (1276) kienu magħżulin żewġ papiet oħra; Innoċenzu V elett fil-21 ta’ Jannar u miet fit-22 ta’Ġunju u Adrijanu V elett fil-11 ta’ Lulju u miet fit-18 ta’ Awwissu. Dan Adrianu V kien wieħed minn dawk il-każi fejn intgħażel Papa li ma kienx saċerdot. Mhux hekk biss anzi hu miet qabel ma ingħata s-sagrament tal-Ordni Sagri, jiġifieri miet bħala papa imma mhux bħala saċerdot.

 Hemm ħafna aktar kurżitajiet marbuta mal-Papa. Inkomplu bihom darba oħra!

 

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Ġunju 2022



Nessun commento:

Posta un commento