venerdì 20 maggio 2022

Taqbiliet tfulitna

 

Spiss niltaqa’ ma xi persuni tampari u ħafna drabi l-kliem tagħna jaqa’ fuq id-differenzi li hemm bejn it-tfulija tagħna u dik tat-tfal tal-lum. Nifhmu li l-ħajja nbidlet għal kollox u dak li għandhom it-tfal tal-lum lanqas qatt ma konna noħolmu bih aħna, it-tfal ta’ nofs seklu ilu. Biss ikollna ngħidu wkoll li dak li kellna aħna, it-tfal tal-lum ġew imċaħħdin minnu. Fejn hu dak iż-żmien li konna niġġerrew u nilgħabu barra t-triq bla ebda biża’ li se nittajru minn xi karozza? Fejn huma dawk il-fetħiet kbar ta’ għelieqi qrib djarna? Illum hawn aktar kumditajiet, it-tfal għandhom aktar biex jilgħabu imma l-logħob tagħhom sar mekkanizzat jew aħjar elettroniku. Frott ta’ din il-bidla hija wkoll in-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejniethom. Mhux bħalna li konna naraw x’nivvintaw biex nilgħabu.

Taqbiliet

Minbarra l-logħob, dawk tampari kellna ħafna taqbiliet li konna nafuhom ilkoll kemm aħna bl-amment. Taqbiliet qosra li ladarba titgħallimhom tibqa’ tiftakarhom ħajtek kollha. Forsi dak li jkun jinsa xi biċċa imma kemm-il darba xi ħadd ifakkarhielu jerġa’ jiftakarha daqs li kieku għadu kif tgħallimha llum. Ħa nfakkarkom f’xi wħud minnhom!

Għada ma mmurx skola,

għax il-festa tas-Signora,

nitilgħu fuq il-bejt

u nwaddbulha flixkun żejt.

 

Is-signora ma hija ħadd għajr il-kap tal-iskola tal-bniet jew dik li llum isejħulha head teacher. Ma nafx għalfejn konna ngħidu hekk imma din hi waħda mill-aktar taqbiliet popolari li konna ngħidu aħna. Taqbila oħra li konna nafuha lkoll kienet titratta lil ċertu tifel bl-isem ta’ Toninu.

Waqt li Toninu, kien qiegħed jaqra,

b’qattus maġenbu u kelb daqs naqra

Daħlet in-nanna, inkiss inkiss

U tatu bewsa, kif kien imiss.

 

Taqbiliet bla ebda kumplikazzjonijiet ta’ xejn u kultant forsi bla ebda tifsira wkoll. Biss ikollna nammettu li lkoll konna nafuhom,inħobbuhom u ngħiduhom ta’ spiss.

Marbuta mal-fidi

Il-fidi tagħna, il-Knisja u l-qaddisin, qabel kellhom ħafna aktar post importanti fil-ħajja tagħna. Għalhekk ma jistax jonqos li konna nafu xi taqbiliet li kelhom b’xi mod rabta mal-fidi. Bħal din pereżempju:

X’xorti kellha dik Sant’Anna, il-Bambin jgħidilha Nanna,

X’xorti kellu San Ġwakkin, Nannu jgħidlu il-Bambin.

 

Il-festi tagħna wkoll kellhom importanza fil-kalendarju ta’ tfulitna. Mhux biss għax il-festa tar-raħal kienet tfisser tibdila ġdida, bosta drabi meħjuta minn ommijiietna stess, xi zija jew xi ħajjata ġara tad-dar tagħna. Mhux biss għax fil-ġimgħa tal-festa kien ikollna xi ftit ċenteżmi aktar fil-but biex nixtru dak il-famuż hot dog; bezzun imsaħħan fil-fwar b’zalzetta fih u b’kuċċarina fażola biz-zalza tal-bott fuq kollox. Il-festi tagħna kellhom ukoll post fit-taqbiliet tagħna, bħal din:

Santa Marija l-Mosta

Il-Vitorja in-Naxxar

Santa Liena Birkirkara

U tal-Grazzja Ħaż-Żabbar.

 

Jien bħala tifel minn Ħal Qormi niftakarni ngħidu taqbila biex ninku liż-żewġ irħula ġirien tagħna, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi.

San Filep kemm hu iswed,

San Nikola kemm hu xiħ

Eviva Ġorġi tagħna

Kemm hu aħmar u sabiħ!

 

Mur għidilna ta’ tfal li konna li kemm l-istatwa ta’ San Filep kif ukoll dik ta’ San Nikola huma żewġ opri tal-arti mill-aqwa li għandna f’pajjiżna. Imma meta tkun żgħir dawn id-dettalji la tagħti każ tagħhom u lanqas biss taħseb dwarhom. Illum nifhmuha mod ieħor.

Fil-festi kont, u biex ngħidu d-dritt għadek tisma’ quddiem il-vara tal-qaddis jew qaddisa ċerti taqbiliet popolari bħal din:

Kollok deheb kollok djamanti, issa żgur ma jonqsok xejn.

Jonqsok biss it-talb ta’ qalbna u ċ-ċapċip minn tal-idejn.

 

Mal-logħob

Kif semmejt aktar qabel, il-logħob tagħna kien ikun spiss barra l-ħitan ta’ djarna u meta konna niltaqgħu ċorma tfal, kollha mill-istess triq, konna nilagħbu logħob li fih ukoll xi taqbiliet. Bħal ngħidu aħna din:

Pizzi, pizzi kanna, Dolores ta’ Sant’Anna,

Sant’Anna tal-morini, pizzi pizzi pellegrini,

 magħref tal-fidda, bandiera tal-ħarir,

 galletta mxarrba fl-ilma ħażin.

 

Kien hawn verżjonijiet oħra ta’ din it-taqbila imma jiena hawnhekk ġibt dik li konna ngħidu aħna. Il-logħba Pizzi Pizzi Kanna kienet issir fuq is-swaba tat-tfal. Taqbila oħra marbuta ma’ logħba kienet tinvolvi aktar moviment kienet din:

Bum bum il-bieb, onġi onġi onġella.

Bum bum il-bieb, onġijo kavallier.

Min ġie, min ġie, min ġie? Onġi onġi onġella.

Min ġie, min ġie, min ġie? Onġijo kavallier.

 

Din kienet taqbila ħafna itwal minn hekk, jien ktibtilkom biss l-ewwel ftit versi, biss żgur li hawn ħafna minnkom li jafu jkompluha sa tmiemha.

Nistqarr magħkom li dawn it-taqbiliet ġabuli ħafna u ħafna nostalġija, nostalġija ta’ tfuliti, nostalġija għal dak iż-żmien li tar li kif jgħidlu l-poeta  Ġan Anton Vassallo: “O żmien ħelu, kif għaddejtli, żmien ta' meta kont bla ħtija. It-tifkira biss ħallejtli biex il-għira nħoss għalik, int ma terġa’ iżjed għalija, u sal-mewt indum nibkik.”

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Mejju 2022




Nessun commento:

Posta un commento