Il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-akbar festa tagħha f’dak li nsejħu Għid
il-Kbir. Wara l-jiem tar-Randan u l-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa, tasal din
il-festa li tant iġġib drawwiet u stejjer.
Festa waħda – jiem differenti
L-Għid il-Kbir huwa ċċelebrat minn dawk kollha li jistqarru l-fidi fi
Kristu. Fost dawn hemm diversi riti. L-aktar tnejn magħrufin huma r-rit Ruman u
dak Ortodoss. Issa tajjeb inkunu nafu li minkejja li dawn iż-żewġ friegħi
tal-Knisja ta’ Kristu jiċċelebraw l-Għid il-Kbir, madanakollu ma jiċċelebrawhx
fl-istess jum. Fl-1583 beda jintuża l-Kalendarju Gregorjan u l-Oċċident ħaddnu
mill-ewwel, fosthom il-Knisja ta’ Ruma. Il-Knisja tal-Orjent baqgħet marbuta
mal-Kalendarju Ġuljan u għalhekk il-festa tal-Għid tal-Insara Rumani u tal-Kristjani
Ortodossi ma baqgħetx isir fl-istess ġurnata u bejniethom jista’ jkun hemm minn
ġimgħa sa erba’ ġimgħat differenza. Fil-fatt din is-sena l-Għid fil-Knisja
Ortodossa ser ikun iċċelebrat nhar il-Ħadd 2 ta’ Mejju. Dan lanqas ifisser li
ma jistax ikun hemm xi sena li jaħbtu fl-istess jum. Il-Konċilju ta’ Niċea
fis-sena 325 kien stabilixxa li l-festa tal-Għid il-Kbir għandha ssir l-ewwel
Ħadd wara l-ewwel qamar sħiħ tar-rebbiegħa, imma bejn il-kalendarju Ġuljan u
dak Gregorjan hemm xi varjazzjonijiet u għalhekk l-Għid tal-Oċċident spiss jiġi
qabel dak tal-Orjent.
Il-glorja
Mal-Għid il-Kbir hija marbuta ħafna il-kelma “Glorja”. Il-glorja hija dik
il-parti tal-quddiesa lejn il-bidu li ngħidu kull nhar ta’ Ħadd u f’xi festi
partikolari u tibda bil-kliem: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-Smewwiet...” Iżda
fil-Ħdud tar-Randan il-Glorja ma tingħadx. Matul ir-Randan il-glorja nisimgħuha
fis-solennitajiet ta’ San Ġużepp u tat-Tħabbira tal-Mulej, jew kif insejħulha
l-Lunzjata, nhar id-19 u l-25 ta’ Marzu rispettivament. Tingħad ukoll f'Ħamis ix-Xirka. Nhar Sibt il-Għid,
fil-quddiesa tiġi intunata l-Glorja biex tħabbar il-qawmien ta’ Kristu
mill-mewt. Mal-glorja jindaqqu wkoll il-qniepen li jkunu ilhom siekta minn
Ħamis ix-Xirka filgħaxija. Il-kelma “Glorja” fiha nfisha tirreferi għal xi waqt
sabiħ u tajjeb u l-Knisja tiffessteġġja l-Għid il-Kbir bl-akbar glorja.
Il-bajd tal-Għid
Il-bajda tal-Għid hija oġġett tradizzjonali, li maż-żmien sar wieħed
mis-simboli ta’ din il-festa Nisranija. Fil-Kristjaneżmu tissimbolizza
l-qawmien ta’ Ġesù mill-qabar. It-tradizzjoni tal-bajda klassika taċ-ċikkulata
hija relattivament reċenti, iżda r-rigal ta’ bajd veru, imżejjen bi kwalunkwe
tip ta’ tpinġijiet jew dekorazzjoni, ilu relatat mal-festa tal-Għid żmien twil.
Id-drawwa Nisranija tal-bajd tal-Għid bdiet fost l-Insara bikrija tal-Mesopotamja,
li kienu jiżbgħu l-bajd bil-kulur aħmar b’tifkira tad-demm ta’ Kristu, mxerred
fit-tislib tiegħu. Id-drawwa li jingħata bajd imżejjen żviluppat fil-Medju Evu
bħala rigal mis-sidien lill-qaddejja tagħhom. Fl-istess perjodu l-bajda mżejna,
minn simbolu ta’ twelid tan-natura fir-rebbiegħa, mal-Kristjaneżmu saret is-simbolu
tat-twelid tal-bniedem fi Kristu. It-tixrid tal-bajd bħala rigal tal-Għid
probabbilment beda fil-Ġermanja, fejn infirxet it-tradizzjoni li tagħti bajd
sempliċi fl-okkażjoni ta’ din il-festa. Fis-seklu XX bdiet dieħla d-drawwa li
fl-Għid jingħataw bajd taċ-ċikkulata, drawwa li nfirxet tista’ tgħid ma’ kull
fejn jiġi ċċelebrat l-Għid il-Kbir.
La qed insemmu l-bajd tal-Għid jixraq ngħidu liema kienet l-akbar bajda
tal-Għid li qatt saret fid-dinja. Din saret fl-Italja f’April tas-sena 2011.
Din kienet bajda taċ-ċikkultata għolja għaxar metri u disgħa u tletin
ċentimentu. Kienet tiżen 7,200 kilo u kisret ir-rekord tal-akbar bajda tal-Għid
ta’ qabilha li kienet saret fl-2005 fil-Belġju u kienet tmien metri u nofs
għolja.
Il-figolla
Aħna l-Maltin għandna l-ħelu tradizzjonali tagħna għall-festa tal-Għid:
il-figolla. Aktarx li dan il-ħelu jmur
lura eluf ta’ snin u għandu l-għeruq tiegħu fl-istorja pagana iżda aktar reċenti
saru ikel jew aħjar ħelu tradizzjonali ta’ wara r-randan u ħafna drabi
jingħataw lit-tfal iżda jħobbuhom anke l-kbar. Ġeneralment kienu jkunu
fil-forma ta’ ħaruf li jissimbolizza l-Ħaruf tal-Għid imma maż-żmien bdew isiru
forom ta’ fniek, friefet, jew forma ta’ rġiel u nisa wkoll. Minkejja li hawn
diversi riċetta tal-figolli, l-ingredjenti prinċipali huma l-għaġina ħelwa
mimlija bil-lewż. It-tiżjin tagħhom ivarja. Dari kienu kollha jkunu bil-ġelu u
xi ftit karta tal-fidda, illum bosta minna jippreferhuma miksijin
biċ-ċikkulata. Tista’ tagħmilhom jew tixtrihom minn kullimkien f’dan iż-żmien
tas-sena. Ħaġa interessanti hi li dan il-ħelu baqa’ marbut mal-Għid il-Kbir
Malti, mhux bħall-qagħaq tal-għasel li kien ħelu tal-Milied u llum issib
tixtrihom is-sena kollha.
Figolli kbar f’Malta ġieli saru f’Ħal Qormi. Għall-figolla tas-sena 2013
kienu ntużaw mija u ħamsin kilo dqiq, mitt kilo lewż mitħun mija u ħamsin kilo
zokkor, elf u ħames mitt bajda u ħamsin kilo ċikkulata għall-kisi tagħha. Nistħajjilkom
tgħidu: “figolla bħal din min ser jikolha?” Din tinqasam u tinbiegħ
fil-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt li toħroġ mill-parroċċa ta’ San Bastjan u
l-qliegħ minnha jmur għall-karità. Dawn is-sentejn żgur li ma sarux figolli ta’
dan id-daqs għax il-pendemija ġerfxet ħajjitna! Nittamaw li ’l quddiem nerġgħu
naraw din id-drawwa tieħu l-ħajja.
Illum rajna xi kurżitajiet marbutin mal-Għid il-Kbir li forsi mhux daqstant
nafu dwarhom minkejja li ilna nafu bihom.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' April 2021
Nessun commento:
Posta un commento