venerdì 16 aprile 2021

San Gejtanu

 

Fit-12 ta’ April kien jaħbat it-350 sena mill-kanonizazzjoni ta’ San Gejtanu ta’ Thiane. Żgur li lkoll kemm aħna malli nisimgħu isem dan il-qaddis niftakru fil-parroċċa tal-Ħamrun li hija ddedikata lilu. Forsi nafu dwar il-festa li ssirlu kull sena fil-bidu ta’ Awwissu imma ftit li xejn nafu dwar il-persuna u l-ħajja tiegħu.

Frak minn ħajtu

Vicenza
Fil-grigal tal-peninsula Taljana, fir-reġjun tal-Veneto, madwar 60 kilometru bogħod minn Venezja, imkennija taħt il-għoljiet hekk imsejħin Berici u msoqqija mill-ilma tax-xmajjar Bacchiglione u Retrone nsibu l-belt sabiħa u magħrufa ta’ Vicenza. Din hija belt magħrufa mhux biss għas-sbuħija naturali tagħha imma wkoll għall-patrimonju artistiku li fiha. Belt magħrufa għax-xogħol tal-insiġ u għax-xogħol fl-artiġjanar tad-deheb. Kien propju hawn li twieled Gejtanu fis-sena 1480. Huwa twieled fi ħdan il-familja nobli Thiene li kienet ilha tgħix f’dik il-belt għal madwar mitejn sena.

Gejtanu kien iben il-Konti Gaspare di Thiene u Marija da Porto, terzjarja Dumnikana,  it-tnejn minn Vicenza. Il-ħaġjografi jgħidulna li huwa tilef lil missieru meta kellu biss sentejn Sa minn ċkunitu Gejtanu wera li kien mixħut għall-istudju. Fil-fatt huwa baqa’ jistudja u kiseb il-lawra ta’ Avukat mill-Università ta’ Padova. Madanakollu huwa qatt ma ħadem f’dik il-professjoni għax ix-xewqa tiegħu kienet waħda, dik li jirċievi s-sagrament tal-Ordni Sagri. Fi żmien il-qaddis tagħna, għal familja nobli bħalma kienet dik ta’ Thiene, kien ikun nuqqas jekk xi wieħed mill-ulied ma jitħarriġx fl-arti tal-armi, il-ġlied u l-arti tal-gwerra,  għalhekk il-familja ta’ Gejtu, l-aktar ommu, ma kinitx wisq favur din l-idea, l-aktar għax kienet diġà tilfet żewġ ulied subien, u kienet tara f’Gejtanu l-futur tal-familja u tal-ġid li kienet tippossedi.

Għall-ħabta tal-1506, iż-żagħżugħ Gejtu ħalla belt twelidu u mar jgħix Ruma, il-kapitali tal-Knisja Kattolika, il-belt li darba kienet il-kapitali tad-dinja, Caput Mundi, il-belt eterna. Bħal kull belt oħra, Ruma minn dejjem kien fiha s-sabiħ u l-ikrah tagħha, kien fiha l-ħelu u l-morr, kien fiha l-qdusija u kien fiha wkoll id-dnub. Madanakollu minkejja l-età żgħira ta’ Gejtanu, huwa ma ntelaqx mal-kurrent. Fil-fatt jingħad li darba qal: “Ruma, xi darba kont qaddisa u llum sirt Babilonja!” Huwa beda jħoss li għandu jservi lil Alla iktar mill-qrib għalhekk daħal fil-Konfraternità tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju. Jingħad li fl-ewwel quddiesa tiegħu kellu dehra fejn il-Madonna tatu lill-Bambin Ġesù f’idejh, kif narawh f’bosta xbihat. Wara li kien ordnat saċerdot ħadem ħafna għall-morda u waqqaf bosta djar u sptarijiet għalihom.

Fuq il-qabar tal-qaddis
Fl-1533 Gejtanu mar jgħix Napli. Hemmehkk flimkien ma’ Giovanni Marinoni  waqqaf dar għall-patrijiet tal-ordni li kien waqqaf hu flimkien ma’ saċerdoti oħra. Ħames snin wara li beda jgħix Napli l-Viċi-re Pedro de Toledo ta lit-Teatini, kif jissejħu l-patrijiet ta’ San Gejtanu, il-bażilika ta’ San Paolo Maggiore. F’Napli Gejtanu ħa ħsieb jifforma lis-saċerdoti li kienu jieħdu ħsieb il-morda li ma kellhomx tama ta’ fejqan. Bejn l-1540 u l-1543 kellu jmur Venezja għax kien magħżul bħala mexxej tal-kunvent tat-Teatini hemmhekk, iżda kif temm dan il-mandatt huwa reġa’ lura lejn il-belt ta’ Napli fejn miet u ndifen fl-1547.

Qaddis

Fl-1629 il-Papa Urbanu VIII bbeatifika lil Gejtanu ta’ Thiene. Kien il-jum tat-8 ta’ Ottubru. Il-fama tal-qdusija ta’ dan il-bniedem ta’ Alla kienet ilha li nxerdet ma’ kull fejn waqqaf xi sptar jew xi dar għal dawk fil-bżonn, iżda l-aktar f’Napli fejn in-nies ħabbewh u u ħabbhom tassew. Napli fejn sal-lum għad hemm il-fdalijiet tiegħu. Napli fejn il-poplu ried iwaqqaf monument dejjiemi għal dan il-qaddis tal-provvidenza. Nhar it-12 ta’ April 1671, Gejtanu ta’ Thiene, kien ikkanonizzat mill-Papa Klement X.

Fil-Ħamrun

F’Malta bħalma għidna, insibu waħda mill-parroċċi tal-Ħamrun iddedikata lilu. Meta dan is-subborg kien għadu jagħmel mal-Parroċċi ta’ Ħal Qormi u ta’ Birkirkara, in-nies bdiet tiżdied u nħass il-bżonn ta’ knisja biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-Insara. L-Isqof ta’ Malta, Gaetano Pace Forno ta l-permess u fuq xewqa tiegħu ntgħażel il-qaddis Ġejtanu biex ikun patrun ta’ din il-knisja ġdida u fl-1 ta’ Diċembru tas-sena 1881 b’digriet iffirmat mill-isqof Carmelo Scicluna, il-Ħamrun sar parroċċa awtonoma. San Gejtanu sar il-patrun ta’ din il-parroċċa ġdida li baqgħet tikber u li minnha ħarġu parroċċi oħrajn. Il-kwadru titulari ta’ din il-knisja, illum Arċipretali, ħareġ minn idejn Pietro Gagliardi  u huwa tas-sena 1882. Il-vara titulari tant maħbuba mill-Ħamruniżi kienet maħduma minn Karlu Darmanin fl-1885. 

Hemm  ħafna aktar x’wieħed jgħid fuq dan il-qaddis hekk imlaqqam “tal-provvidenza”, hemm bosta stejjer dwar ħajtu li mhux possibbli nirrakkontahom hawnhekk. Biss minn dan il-ftit tagħrif dwar dan il-qaddis li ilu 350 sena kanonizzat, meta nisimgħu bih ma naħsbux biss fuq il-festa li ssirlu imma nippruvaw niftakru fil-ġid li wettaq f’ħajtu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' April 2021



Nessun commento:

Posta un commento