sabato 14 maggio 2016

Kikkra kafè

Huma ħafna dawk li jkunu qegħdin iqallbu l-paġni ta’ dan il-ġurnal waqt li jkunu qegħdin jieħdu l-ewwel kikkra kafè tal-ġurnata. Hemm oħrajn li l-gazzetta jagħtuha daqqa t’ għajn għall-ħabta tal-għaxra, waqt li wkoll ikunu qed jieħdu kafè. Hu x’ inhu donnhom il-kafè u l-gazzetta jmorru id f’ id.

Il caffè
Fit-tieni nofs tas-seklu XVIII, ġewwa Milan kien hemm ħanut tal-kafè ta’ ċertu wieħed Grieg li kien jismu Dimitri. Fil-ħanut ta’ dan ir-raġel kienu jiltaqgħu bosta ħaddiema biex jieħdu kafè u jgħidu kelma. Ma rridux ninsew li l-kafè għat-Taljani huwa ingredjent importanti f’ħajjithom u għalhekk il-kikkra kafè għand Dimitri kienet appuntament ta’ kuljum għal bosta ħaddiema, tal-id jew tal-pinna. F’ dan il-post spiss kienu jsiru diskursati dwar il-politika jew xi attività soċjali bejn dawk li kienu jiffrekwentaw dan il-ħanut.

Ċertu Pietro Verri, kittieb, storiku, filosofu u fuq kollox meqjus ukoll bħala wieħed mill-akbar esponenti tal-illuminiżmu f’ Milan, kien ukoll ġieli jżur dan il-ħanut. Huwa kien jinnota kemm diskussjonijiet politiċi jew soċjali kienu spiss jitwieldu f’ dan il-post.  F’ Ġunju tas-sena 1764 dan Verri beda jippubblika ġurnal b’ argumenti u artikli politiċi, soċjali, artistiċi u kulturali. Il-ġurnal semmieh “Il Caffè” għaliex l-istess bħall-ħanut ta’ Dimitri kieni kun fih argumenti ta’ interess ġenerali. Dan il-ġurnal ma kellux ħajja twila wisq u l-aħħar ħarġa tiegħu kienet dik ta’ Mejju tal-1766.

Il-Pjanta u x-xarba
Aktarx li l-kelma kafè ġejja mill-kelma “Kaffa” li hija isem ta’ provinċja antika fil-Lbiċ tal-Etjopja u li aktrax fiha oriġinat il-pjanta tal-kafè. Il-kelma “Kaffa” mbagħad aktrax li ġiet minn dik Għarbija “Kaħwah” (قهوة) li llum tfisser ukoll kafè.

Il-kafè hija xarba magħmulha minn frott, donnhom żrieragħ, ta’ pjanta li meta jsiru u jinxfu jkunu inkaljati u mitħuna u wara jitgħallew. Il-pajta tal-kafè ħarġet mill-Afrika u ttieħdet madwar id-dinja biex illum insibu madwar 70 pajjiż li jipproduċi dan il-prodott. Dawn il-pajjiżi nsibuhom l-aktar fir-reġjuni ekwatorjali, fl-Amerika ta’ isfel, fl-Asja u l-Afrika. Din il-pajnta ddum tgħix bejn 20 u 25 sena u ta’ kull sena tagħmel madwar 2,000 frotta.

Aktarx li l-ewwel ma beda jinxtorob il-kafè kien fil-Jemen lejn nofs is-seklu XV. Hemmhekk kienu jiltaqgħu xi rġiel wara t-talb ta’ Nhar ta’ Ġimgħa u joqgħodu jixorbu dik li llum insejħulu kafè. Kien fl-Arabja li l-frotta tal-kafè bdiet tkun inkaljata u mitħuna biex minnha ssir ix-xarba. Xi neguzjanti kienu daħħlu l-pjanta fil-pajjiż u bdew ikabbruha hemm. Sas-seklu ta’ wara din id-drawwa li jinxtorob il-kafè, u kultant anke l-kultivazzjoni tal-pjanta, daħlet fil-bqija tal-Lvant Nofsani, fil-Persja, fit-Turkija u fl-Afrika ta’ Fuq. Minn hemmhekk daħlet f’ Ewropa u ftit ftit inxterdet mad-dinja kollha. Illum tmur fejn tmur madwar id-dinja tista’ tixrob il-kafè.

Tipi ta’ kafè
Insibu żewġ tipi ewlenin ta’ kafè; Arabica u Robusta. L-aktar popolari huwa l-Arabica. Minn dawn iż-żewġ tipi joħorbu bosta kafejiet oħrajn u għalhekk insibu għażla kbira meta mmorru l-ħanut biex nixtru l-kafè mitħun. Dawn ikollhom xi varjazzjoni minħabba l-post li fih ikunu kkultivati. Dan ikollu effett fuq it-togħma tax-xarba.

Jekk tipi ta’ frott tal-pjanta tal-kafè nsibu tnejn, mhux l-istess nistgħu ngħidu għax-xarba li nagħmlu minnhom. Tmur ġewwa ħanut tal-kafè l-Italja tibda tisma’ bosta ismijiet li jindikaw tipi ta’ xarbiet tal-kafè. Espresso huwa l-aktar komuni u għalhekk jirreferu għalih sempliċiment bħala “caffè”. Imma l-espresso jista’ jkun lungo. Jekk tridu bil-ħalib allura ordna capuccino, jew għall-qosor capuccio. Macchiato mbagħad ikun espresso bil-ħalib imma lanqas huwa capuccino. Hemm imbagħad fejn issib l-espressino jew marocchino, servut f’ kikkra daqs nitfa bi ftit trab taċ-ċikkulata fil-wiċċ.
Il-kafè jista’ jinxtorob ukoll kiesaħ. Il-caffè freddo huwa xarba tajba ħafna għall-jiem sħan. Hemm ukoll il-ġelat jew aħjar is-slush tal-kafè li jekk qatt ma doqtu nissuġġerilek li tara minn fejn tista’ ssib tixtri wieħed u dduqu.

F’ pajjiżna ma tantx għandna kultura tal-kafè jew aħjar ngħid li tlifnieha. Niftakar lin-nanna u aktar tard lil ommi, isajru stanjata kafè kull filgħodu biex kulħadd ikun jista’ jieħu kemm irid matul il-jum. Illum la għadha magħna n-nanna u lanqas ommi u tlifna kemm il-kafè kif ukoll l-istanjata. Illum daħal il-kafè tat-trab, dak li t-Taljani jgħidulu Americano. Komdu u tagħmlu malajr imma lanqas biss jibda mal-kafè l-ieħor. Il-post tal-istanjata llum ħadu l-kitla tad-dawl.
X’ dinja ta’ ħsibijiet fuq din in-nitfa ta’ żerriegħa jew frotta li tagħtina xarba tant popolari u li ssibha madwar id-dinja kollha. Illum lanqas nimmaġinaw li mmorru xi mkien u ma nsibux kikkra kafè. Intant, jekk qabel bdejt taqra dan l-artiklu ferrajt xi kikkra kafè naħseb issa birdet u tista’ tixrobha bil-kwiet inti u tkompli tqalleb il-paġni ta’ dan il-ġurnal.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Mejju 2016





Nessun commento:

Posta un commento