sabato 21 maggio 2016

Il-bniedem ma jinbidel qatt

Marku Tulju Ċiċerun
L-istudju tal-filosofija laqqagħni ma’ persunaġġ li għadd li kont smajt bih bosta drabi qabel, dak li kont naf dwaru kien ftit wisq, kien biss superfiċċjali, tal-qoxra. Qed ngħid għal Marku Tulju Ċiċerun, għaref Ruman li għex fl-ewwel seklu qabel Kristu. Waħda mill-aktar kwotazzjonijiet tiegħu li baqgħet ġewwa moħħi u spiss niftakar fiha hija din:

Sitt żbalji li l-bniedem jibqa’ jagħmel seklu wara seklu:
  • 1.       Jemmen li l-qliegħ tiegħu isir billi jgħaffeġ lil ħaddieħor
  • 2.       Jinkwieta dwar dak li ma jistax jinbidel jew jiġi rranġat
  • 3.       Jinsisti li xi ħaġa hija impossibbli għax ma jasalx biex iwettaqha
  • 4.       Ma jaċċettax li jwarrab ħwejjeġ ta’ ftit importanza
  • 5.       Jittraskura l-iżvilupp u l-irfinar tal-moħħ
  • 6.       Jipprova jġiegħel lill-oħrajn biex jemmnu u jgħixu bħalu

Il-Qliegħ
Billi ħaddieħor jaqla’ daqsi, aktar jew anqas minni mhu ser ibiddel xejn mill-qliegħ tiegħi. Sfortunatament il-bniedem spiss jaħseb bil-maqlub u għalhekk jikkalpesta lil ħaddieħor, jgħaffeġ lil għajru. Għall-kuntrarju, meta sforz isir bejn tnejn, ir-riżultat ikun aħjar. Xi kultant nisimgħu b’ kumpaniji li jkunu jimmanifatturaw l-istess prodott,  li jingħaqdu flimkien. Ir-riżultat spiss ikun wieħed tajjeb ħafna għaliex minflok tinħela l-enerġija fil-kompetizzjoni, din tintuża b’ sinerġija. Dan huwa każ wieħed biss fejn il-qliegħ ta’ entità ma jsirx billi jkisser jew jgħaffeġ entità oħra.

X’ nistgħu nibdlu?
Fid-dinja hemm ħwejjeġ li nistgħu nibdluhom u hemm oħrajn li nagħmlu x’ nagħmlu ma nistgħu nibdluhom qatt. Dak li jista’ jkun irranġat tkun ħaġa tajba li jitranġa imma dak li ma hemmx tama għalih kollu ta’ xejn noqgħodu ninkwietaw fuqu. Dan l-argument nistgħu napplikawh għal bosta sitwazzjonijiet li nsibu ruħna fihom. Tajjeb naraw sew x’ nistgħu nagħmlu u jekk nindunaw li ma nistgħu nagħmlu xejn ma nibqgħux naħlu ħin u enerġija dwar dik il-ħaġa.

L-impossibbli
Illum kważi lanqas naċċettaw li xi ħaġa hija impossibbli. Biss ikollna naċċettaw li hemm ħwejjeġ li għalina huma ’l bogħod wisq biex nilħquhom. Iżda b’ dan ma jfissrix li dak li ma wettaqtx jien ma jistax iwettqu ħaddieħor. Allaħares ix-xjenzati ma prruvawx jagħmlu huma dak li ta’ qabilhom ma rnexxielhomx jagħmlu, Kieku la għandna mediċina, la għandna teknoloġija u lanqas tlajna fuq il-qamar! Dak li hu impossibbli għalija jista’ jkun possibbli għalik. Dak li ma nistgħux nagħmlu llum forsi għad jasal żmien li jkun jista’ jsir.

Marbutin max-xejn
Il-bniedem għandu t-tendenza li jorbot ma’ qalbu xi affarijiet li fl-aħħar mill-aħħar huma ta’ ftit jew xejn importanza. Hawn min ifittex il-punt għal xejn b’ xejn. Bosta drabi aħna l-bnedmin nibżgħu mit-tibdil kbir u nibqgħu marbutin ma’ ħwejjeġ ċkejkna u ta’ ftit importanza.Hawn Malta mbagħad xi ħaġa speċjali fejn jidħol partitiżmu u parrokkjaliżmu. Ara ma jfettillekx titkellem quddiemi kontra l-partit li fih nemmen jew kontra l-qaddis patrun tiegħi. Jekk ninħallu mill-ħwejjeġ ta’ ftit importanza nsibu li bejnietna hemm aktar ħwejjeġ komuni milli differenti.

Għatx għat-tagħlim
Il-moħħ tal-bniedem huwa bħal karta xuga. Dan jiżviluppa u jirfina aktar ma jgħaddi żmien. Mhux sew li kultant nieqfu ninteressaw ruħna għax dan iwaqqaf l-iżvilupp tal-moħħ. Il-bniedem huwa dejjem bil-għatx għal aktar tagħrif u għalhekk ifittex u jistaqsi. B’ hekk il-moħħ jirfina u jikber. Biss naslu f’ punt fejn il-moħħ ma jibqax li jkun. Jew jibda jiftakar ta’qabel u jinsa tal-lum jew jiftakar tal-lum u jinsa tal-bieraħ. Dan l-istess bħal karozza tal-linja. Jekk titlaq mill-belt u tibda ttella’ n-nies, tasal f’ punt fejn timtela’ u jew jinżlu n-nies u jitilgħu oħrajn flokhom jew inkella min ikun qed jistenna jkollu jibqa’ l-art. Dan huwa bħall-moħħ tal-bniedem. Hekk jaħdem!

Min mhux magħna kontra tagħna
Il-bniedem dejjem ra theddida f’ dak li ma jaqbilx miegħu u għalhekk dejjem ra kif għamel biex iġiegħel lill-ieħor jemmen u jgħix bħalu biex b’ hekk ma jkunx hemm oppożizzjoni. Biss din ma hijiex ħaġa sewwa. Nafu kemm problemi nqalgħu fejn l-oppożizzjoni ma kinitx teżisti. Mhux qed ngħid biss fil-kamp politiku, imma dan il-qasam huwa l-eżempju per eċċellenza. Min mhux magħna kontra tagħna mela neħilsu minnu. Le mhux hekk, irridu nirrispettaw lil xulxin minkejja li ma naqblux.

Sitt punti
Kemm fissru sew lill-bniedem Ċiċerun! Għaddew elfejn sena minn meta nkitbu dawn is-sitt punti u nasal biex ngħid li l-bniedem baqa’ l-istess. Għamilna tant u tant passi ’l quddiem iżda l-essere uman baqa’ dak li kien u wisq nibża’ li hekk jibqa’, jagħmel żball wara żball, seklu wara seklu u donnha li l-istorja ma tgħallimna qatt.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Mejju 2016







Nessun commento:

Posta un commento