Fl-20 ta’ Frar il-Knisja Kattolika
tiċċelebra l-festa tal-iżgħar żewġ qaddisin mhux martri li qatt ġew kanonizzati.
Dawn huma l-aħwa Franġisku u Ġjaċinta Marto li ftit aktar minn mitt sena ilu
niżżlu isimhom fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Tajjeb qabel xejn nagħtu ħarsa
lejn dak li seħħ biex dawn iż-żewġt itfal saru hekk magħrufin.
Ftit storja
Il-ġrajja ta’ Fatima tibda
fix-xahar ta’ Mejju, 1917. L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha. Żmien
ta’ ħerba, mwiet u biża’. Il-Papa Benedittu XV talab lit-tfal kollha tad-dinja
biex jitolbu għall-paċi. Fit-13 ta’ Mejju, fir-raħal ċkejken ta’ Fatima, qrib
Lisbona fil-Portugall, tlitt itfal kienu jirgħu n-ngħaġ fil-Cova da Iria. F’nofsinhar,
hekk kif it-tfal temmew ir-Rużarju li kienu jgħidu ta’ kuljum, raw il-leħħa
tal-beraq fis-sema. Huma u sejrin lura bil-merħla lejn darhom lemħu sinjura
sabiħa wieqfa fuq sħaba li kienet imwieżna fuq balluta tal-liċi. F’idha kellha
kuruna tar-Rużarju u l-libsa bajda tagħha kienet tlellex b’dawl tas-sema. Luċija
staqsiet lis-Sinjura mnejn kienet ġiet u din
weġbitha ``Mis-sema.’’
Is-Sinjura talbet lit-tfal biex
darba fix-xahar, għal sitt xhur wara xulxin, imorru f’dak l-istess post. Fuq
mistoqsija ta’ Luċija s-Sinjura qaltilhom li hi u Ġjaċinta kellhom imorru
l-ġenna, u Franġisku wkoll, imma dan kien jeħtieġlu jgħid iżjed Rużarju. Luċija
ta’ 15-il sena daħlet soru Karmelitana. Hi tgħid li l-Madonna talbitha xxerred
id-devozzjoni tat-tqarbina tal-ewwel Sibt tax-xahar. Hija mietet fit-13 ta’ Frar 2005, ta’ 97 sena.
Ma’ dawn id-dehriet kien hemm marbut sigriet. Kien fl-1941 li Luċija rrevelat
parti mill-messaġġ tal-Madonna lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi. Il-Madonna
kienet qalet li jekk ir-Russja ma tikkonvertix saċerdoti kellhom jiġu torturati
u knejjes desakrati. Kien hemm ukoll imsemmi l-attentat fuq il-ħajja tal-Papa,
fatt li seħħ nhar it-13 ta’ Mejju tas-sena 1981 meta Mehmet Ali Ağca kien spara
lejn il-Papa, illum qaddis, Ġwanni Pawlu II.
Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima kienet
approvata fl-1930, għalkemm il-pellegrinaġġi baqgħu sejrin bla ma jaqtgħu sa
mill-1917, minkejja t-tfixkil uffiċjali tal-gvern ta’ żmien id-dehriet. Illum
il-post ta’ dawn id-dehriet sar wieħed mill-aktar santwarji Marjani magħrufin
mad-dinja kollha.
It-tfal
Dawn iż-żewġ aħwa twieldu f’Aljustrel,
fil-Portugall, Franġisku fil-11 ta’ Ġunju 1908 u Ġjaċinta fil-11 ta’ Marzu
1910. Huma raw l-ewwel darba lill-Madonna fit-13 ta’ Mejju 1917, meta huma
kienu qed jirgħu in-nagħaġ ma’ kuġinthom Lucija dos Santos.
Is-Sinjura, kif kienu jsejħulha t-tfal, b’kollox dehritilhom sitt darbiet, bl-aħħar
dehra sseħħ fit-13 ta’ Ottubru, 1917. Il-Madonna qalet lil Franġisku u ’l oħtu
Ġjaċinta li hi ma kinitx se ddum ma tibgħat għalihom biex ikunu magħha l-ġenna,
waqt li Luċija kellha tibqa’ ħajja, titgħallem taqra u tikteb għax riditha
xxerred mad-dinja d-devozzjoni lejn il-qalb immakulata tagħha
F’waħda mid-dehriet it-tfal kellhom dehra
tal-infern fejn imorru l-midinbin li jmutu bla ma jikkonvertu biex jintilfun
għal dejjem. Is-Sinjura talbet lit-tfal jagħmlu talb u sagrifiċċji
għall-midinbin. Franġisku, u speċjalment Ġjaċinta, ħadu dan il-messaġġ bl-ikbar
serjetà u impenn, u għamlu bosta sagrifiċċji għall-konverżjoni tal-midinbin. Minkejja
li kienu għadhom daqstant żgħar, huma ħadu dan l-impenn bl-akbar serjetà.
Franġisku miet fl-4 ta’ April 1919 fid-dar
tal-familja. Huwa għex b’kollox 10 snin u xahrejn. Ġjaċinta mietet f’Lisbona
fl-20 ta’ Frar 1920, xahar qabel għalqet l-10 snin.
Il-proċess tal-beatifikazzjoni
ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto nbeda fl-1952. Ġew iddikjarati beati flimkien
waqt żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Fatima fit-13 ta’ Mejju, 2000. Il-Papa
Franġisku ddikjarhom qaddisin f’Fatima, il-Portugall fit-13 ta’ Mejju, 2017 sewwasew fl-ewwel ċentinarju mid-dehriet
tal-Madonna ġewwa Fatima.
F’Malta
Waħda mill-parroċċi
tal-Arċidjoċesi ta’ Malta hija ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima. Fl-1952,
il-Patrijiet Dumnikani Maltin bit-tħabrik tal-Provinċjal tagħhom ta’ dak
iż-żmien, Patri Esmond Klimeck, bnew is-Santwarju ddedikat lill-Madonna ta’
Fatima fi Gwardamanġa - Tal-Pietà. Is-Santwarju nfetaħ fl-1955 u fl-1968 sar
il-knisja parrokkjali tal-lokalità ta’ Tal-Pietà. Din hija l-unika parroċċa f’pajjiżna taħt dan
it-titlu. Fix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima naraw lit-tliet ragħajja ċkejkna li
kellhom id-dehriet.
Għalhekk minn din is-sena ser
tibda ssir il-festa tal-Qaddisin ta’ Fatima, Ġjaċinta u Franġisku. Il-qofol
tal-festa jintlaħaq għada l-Ħadd 20 ta’ Frar b’quddiesa mmexxija mill-Arċisqof
Mons. Charles J. Scicluna fid-9.30 ta’ filgħodu iżda il-festa bdiet mill-Ħadd
13 ta’ Frar, jum it-twelid u l-mewt ta’ Luċija, il-kuġina ta’ dawn it-tfal
qaddisin.
Kien xieraq li nibdew niċċelebraw
din il-festa u niftakru f’dawn iż-żewġ
qaddisin żgħar.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Frar 2022
Nessun commento:
Posta un commento