Meqjusa bħala l-kapolavur tal-iskultura rinaxximentali, l-istawta
tal-Madonna bi Kristu mejjet fi ħdanha inħademt minn Michelangelo Buonarroti
bejn l-1498 u l-1499. L-iskultur kien għad kellu biss 24 sena. Ma tistax tidħol
fil-bażilika ta’ SanPietru fil-Vatikan u ma tarahiex. Tinsab fl-ewwel kappella
tan-navi fuq in-naħa tal-lemin tiegħek jekk tkun qiegħed tħares lejn l-artal
maġġur.
Din l-istatwa saret fuq talba tal-Kardinal Franċiż Jean de Billheres li
għex bejn l-1435 u l-1499, sabiex
titpoġġa fuq il-qabar tiegħu fil-kappella ta’ Santa Petronilla,
il-kappella tar-Re ta’ Franza
fil-Bażilika tal-Vatikan. Fis-seklu XVIII din l-istatwa tneħħiet minn postha u
tpoġġiet fil-post li narawha llum.
Din l-istatwa nħadmet fl-irħam Carrara u turi lil Ġesù f’ħoġor Marija wara
li tniżżel minn fuq is-salib. Ta’ min jgħid li din il-pożizzjoni kienet għal
kollox ġdida fl-Italja imma kienet aktarx komuni fi Franza ta’ fuq, fil-Ġermanja
u fil-Polonja. Din hija statwa rfinuta ħafna li turi lill Madonna aktarx għadha
żgħira u l-marki tal-passjoni fuq Ġesù ma jidhrux wisq. Hija wkoll ix-xogħol
waħdieni li l-iskultur Buonarroti ffirma. Fuq il-faxxa li tgħaddi minn fuq
l-ispalla x-xellugija ta’ Marija u tinżel fuq ġenbha tal-lemin, l-artist naqax
il-kliem: MICHAELAGELUS BONAROTUS FLORENTIN FACIEBA, li tfisser li Michelangelo
Buonarroti minn Firenze ħadimha. Jingħad
li l-iskultur wara beda jqis din il-ħaġa bħala nuqqas ta’ umiltà u għalhekk
qatt aktar ma ffirma xi biċċa xogħol oħra tiegħu.
Tibdel postha
Meta din l-istatwa inġarret mill-kappella ta’ Santa Petronilla għal fejn
tinsab illum kien sarilha xi ħsara, ma ninsewx li l-mezzi ta’ dak iż-żmien
kienu limitati. Erbat iswaba minn id ix-xelluġija tal-Madonna kienu miksurin.
Fl-1736 kienet restawrata minn Giuseppe Lirioni. Illum xi studjużi jemmnu li
r-restawratur biddel xi ftit mid-dehra oriġinali tal-istatwa, ħaġa li kienet
aktarx komuni f’dawk iż-zminijiet meta r-restawraturi kienu jieħdu l-libertà li
jbiddlu, iżidu jew inaqqsu mill-opra oriġinali. Illum ħaġa bħal din lanqas biss
tgħaddi minn moħħ restawratur professjonali, biss sa ftit snin ilu anke
f’pajjiżna kienu jsiru stejjer bħal dawn!
Aktar ħsara
Fil-21 ta’ Mejju, 1972, din l-istatwa ġarrbet ħsarat konsiderevoli. Kien
il-Ħadd, Għid il-Ħamsin u n-nies fil-Bażilika tal-Vatikan kienu deħlin bħal
xmara. Fost dawk li daħlu kien hemm Laszlo Toth, Ungeriż li studja l-geoloġija
ġewwa l-Awstralja. Ħin bla waqt huwa daħal fil-kappella fejn tinstab din l-iskultura,
ħareġ martell u waqt li ta ħmistax-il daqqa fuq l-istatwa beda jgħajjat “Jiena
Ġesù Kristu imqajjem mill-mewt”. Xi rħam
li tar u nxtered mal-art, inġabar mit-turisti preżenti u ttieħed bħala tifkira.
Wara kien hemm min ta lura l-biċċa tal-irħam li kien ħa imma ħafna biċċiet oħra
baqgħu ma nstabux. Il-ħsara ma kienitx żgħira, id-drigħ,il-minkebb, l-imnieħer
u l-kappell ta’ għajn il-Madonna kienu mxellfin. Biex jerġa’ jsir l-imnieħer
kellha tittieħed biċċa rħam mid-dahar tal-istatwa. Intant Toth instab li kien
marid mentalment u għalhekk ma ttiħdux proceduri kriminali kontrih imma ġie
mogħti l-kura fi sptar mentali Taljan għal ftit aktar minn sentejn. Meta nħeles
mill-isptar fi Frar, 1975, huwa ntbagħat lejn l-Awstralja. Wara dan
l-attakk tpoġġiet ħġieġa pullet-proof quddiem din l-istatwa.
Barra mill-Vatikan
Ir-replika f'Tal-Pietà Malta |
Repliki
F’Malta nsibu l-istatwa tad-depożizzjoni fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira
taż-Żejtun li hija maħduma fuq il-Pietà ta’ Michelangelo. Din saret minn Angelo
Capoccio fl-1965 ġewwa Lecce l-Italja. Fil-lokalità Maltija msejħa Tal-Pietà,
dan l-aħħar saret niċċa ġdida qrib il-qasam tad-djar. F’din in-niċċa tpoġġiet
statwa tad-Duluri replika ta dik ta’ Michelangelo. Madwar id-dinja hemm bosta
kopji ta’ din id-duluri famuża. Insibu għexieren ta’ kopji fi knejjes u
katidrali l-aktar importanti. Biss biss fil-kontinent Amerikan insibu madwaqr
ħamsin replika ta’ din l-istatwa famuża u maħbuba. F’bosta djar insibu
statwetti li juru din ix-xbieha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Frar 2022
Nessun commento:
Posta un commento