Aħna l-Maltin ngħidu li jekk tkujn Ruma tmur tara l-Papa u bosta minn dawk
liil-Maltin li jżuru l-Belt Eterna jmorru jżuru l-Vatikan anke jekk lill-Papa
ma jarawhx. Il-parti l-kbira ta’ dawk li jaslu fil-Vatikan jidħlu mit-triq ta’
quddiem Pjazza San Pietru, għalkemm din ma hijiex it-triq waħdanija li twasslek
għal din il-pjazza. Din it-triq wiesa’ u sabiħa ġġib l-isem ta’ Via della Conciliazione, jiġifieri it-triq
tal-ftehim bejn wieħed u ieħor. Forsi ftit huma dawk li jistgħu jimmaġinaw dik
li għal ħafna hija l-isbaħ pjazza fid-dinja mingħajr din it-triq maestuża li
twassal għaliha. Imma fil-fatt sa ftit għexieren ta’ snin ilu minflokha kien
hemm wieqaf bini antik u djar ta’ livell baxx, labrint ta’ toroq dojoq u
sqaqien.
Proġett
Bosta kienu dawk li xtaqu li quddiem l-ikbar knisja tad-dinja jkun hemm triq sabiħa li twassal lill-pellegrini għaliha b’ mod diċenti u mhux jgħaddu minn toroq dojoq u mudlama. Kien hemm min pjanta triq li minn Castel Sant’ Angelo twasslek sa Pjazza San Pietru, triq li tibda mid-djuq u tiftaħ forma ta’ V. Imma xejn ma sar minn dak li kien mixtieq li jsir. Kien hemm ħsieb li l-kolonnat jitwal b’ madwar mitt metru ieħor quddiem il-parti ovali li tifforma Pjazza San Pietru. Fil-fatt il-ħsieb ta’ Bernini kien dan li jkun hemm sett ieħor ta’ kolonni imma mal-mewt ta’ Papa Alessandru VII il-pjan twarrab u l-kolonni baqgħu dawk li għadna naraw illum. Quddiem il-Vatikan kien hemm djar u residenzi ta’ reliġjużi li kienu jmorru lura aktar minn ħames mitt sena.
Minn l-1861 is-sena tal-unifikazzjoni tal-Italja u t-twaqqif tar-Renju
tal-Italja, u iktar u iktar mill-1870 meta r-Renju Taljan ħa f’ idejh il-belt
ta’ Ruma u b’ hekk spiċċaw fix-xejn l-Istati Pontifiċji u bdiet dik li
tissejjaħ il-Kwistjoni Rumana, ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju tal-Italja u
l-Knisja Kattolika xejn ma kienu sewwa. Il-Papa Piju IX li waqt il-pontifikat
tiegħu saret l-Unifikazzjoni tal-Italja kien iddikjara lilu nnifsu bħala
priġunier fil-Vatikan. Għal 59 sena il-Papa, jiġifieri Piju IX, Ljun XIII, Piju
X, Benedettu XV u Piju XI qatt ma rifsu
’l barra mill-ħitan li jdawru lill-Belt tal-Vatikan. Fl-1929 saru l-patti, jew
it-trattati bejn iż-żewġ partijiet, dawk li jissejħu il-Patti tal-Lateran u li
bihom inħoloq l-Istat tal-Belt tal-Vatikan.
B’tifkira
Il-Prim Ministru Taljan ta’ dak iż-żmien, Benito Mussolini li kien iffirma t-trattat
f’isem ir-Re ried ifakkar dan l-avveniment li kien ilu jifred lill-Italja minn
mal-Knisja għal kważi sittin sena. Għalhekk huwa qabbad żewġ periti Faxxisti, Marcello
Piacentini u Attilio Spaccarelli biex jiddisinjaw pjanta ta’ triq quddiem
il-pjazza tal-Vatikan. Dawn il-periti ħarġu bi pjanta li ma tnaqqas xejn
mill-glorja tal-kolonnat ta’ Bernini u fl-istess ħin tagħti impressjoni
meastuża għad-daħla lejn is-Sede tal-Viġarju ta’ Kristu fuq l-art. It-triq
sarulha żewġ bankini għolja, waħda fuq kull naħa u fuqhom poġġew għadd ta’
obeliski li jikkumplimentaw lil dak li nsibu f’ nofs il-Pjazza San Pietru.
It-twaqqiegħ taż-żona li kienet magħrufa bħala l-Ispina tal-Borgo beda
billi fid-29 ta’ Ottubru, 1936, Mussolini simbolikament ta l-ewwel daqqa ta’
baqqun biex uffiċċjalment kien beda dan il-proġett. Il-problemi ma naqsux, l-aktar
ma’ dawk li ma riedux iħallu djarhom u jmorru joqgħodu fil-post li kien
offrielhom il-Gvern Faxxista. It-twaqqigħ dam sejjer xhur sħaħ. Ikollna
nammettu li mat-twaqqiegħ ta’ dawn il-bini intilef xi bini imprezzabbli. Imma
xi bini ieħor kien salvat u nbena mill-ġdid. Il-bini ta’ din it-triq kienet
parti mill-proġett li kellu Mussolini li jagħti dehra isbaħ lill-belt ta’ Ruma
u jibdel il-Belt eterna f’ monument lill-Faxxiżmu Taljan. Ix-xogħol fuq din it-triq waqaf minħabba
t-tieni gwerra dinjija. Wara l-gwerrra x-xogħol tkompla skont il-pjanta
oriġinali minkejja l-mewt ta’ Mussolini u minkejja li l-Faxxiżmu kien abolit.
L-obeliski tpoġġew f’ posthom fl-1950 fl-okkażjoni tal-Ġublew tas-sena 1950
imsejjaħ mill-Papa Piju XII.
Illum
Minn meta t-triq infetħet, saret id-daħla prinċipali lejn San Pietru. Din hija triq miftuħa għat-traffiku li jkun sejjer lejn il-Vatikan biss, it-traffiku li jkun ħiereġ ma jistax jgħaddi minnha. F’ okkażjonijiet speċjali din it-triq tingħalaq sabiex fiha jsiru attivitajiet relatati ma’ dik l-okkażjoni, bħal ma jsir fis 6 ta’ Jannar, festa tal-Epifanija, fejn issir l-isfilata tas-Slaten Maġi. F’okkażjonijiet kbar li jsiru fi Pjazza San Pietru din it-triq tgħin ukoll biex tilqa’ fiha n-nies li ma jsibux post fil-pjazza. Hekk ġara fil-kanonizazzjoni ta’ San Piju minn Pietralcina fis-16 ta’ Ġunju 2002, fil-funeral tal-Papa Ġwanni Pawlu II fit- 2 ta’ April, 2005 fil-beatifikazzjoni tal-istess Papa fl-1 ta’ Mejju, 2011, fil-quddiesa tal-Pontifikat ta’ Papa Franġisku, nhar id-19 ta’ Marzu, 2013 u fil-kanonizazzjoni ta’ San Ġwanni XXIII u San Ġwanni Pawlu II fis-27 ta’ April 2014.
Għalhekk meta tkun Ruma u tgħaddi minn din it-triq ftakar xi storja fiha!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Frar 2022
Nessun commento:
Posta un commento