venerdì 15 febbraio 2019

Vjaġġ


Grazzi għall-media soċjali li għandna llum, il-kuntatt bejnietna sar faċli u sirna nistgħu nżommu qrib anke ma’ dawk in-nies li fiżikament ikunu jinsabu bogħod minna. Dawn il-mezzi llum saru parti minn ħajjitna u lanqas nistgħu nimmaġinaw lilna nfusna ngħixu f’dinja bla mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

Fost ħafna messaġġi li rċevejt lejn tmiem is-sena li għaddiet, messaġġi ta’ awguri u x’naf jien, irċivejt wieħed li tassew laqatni u nixtieq naqsam il-ħsieb tiegħu magħkom. Dan il-messaġġ kien jismu “The train of life” -  il-ferrovija tal-ħajja. Ħajjitna f’dan il-messaġġ tixxebbaħ ma’ vjaġġ ta’ ferrovija.

Il-messaġġ
Il-messaġġ kien bl-Ingliż iżda jien ser ngħaddih lilkom bil-Malti. Dan kien jgħid hekk: “Il-ħajja hija bħal vjaġġ fuq ferrovija. . . Bl-istazzjonijiet tiegħu. . . bil-bdil fir-rotta tiegħu. . . u kultant anke bl-inċidenti tiegħu. Mat-twelid tagħna aħna nirkbu din il-ferrovija u hemm niltaqgħu mal-ġenituri tagħna, li naħsbu li se jibqgħu ħdejna tul il-vjaġġ kollu. Madanakollu jasal stazzjon fejn l-omm u l-missier tagħna jinżlu u jħalluna nivjaġġaw għal rasna fuq il-ferrovija tal-ħajja. Mat-triq jitilgħu fuq il-ferrovija xi persuni li jsiru speċjali għalina bħal ngħidu aħna ħutna, tfal oħrajn, ħbieb kif ukoll dawk li nsiru nħobbu u naqsmu ħajjitna magħhom, isiru l-maħbubin tagħna. Ħafna jinżlu minn fuq il-ferrovija u jħallulna warajhom vojt kbir li xejn ma jista’ jimlih. Xi wħud jinżlu f’xi stazzjon bla ma nittendu u n-nuqqas tagħhom ma tantx jaffetwana. Din ir-rikba fil-ferrovija kienet taħlita ta’ ferħ, ta’ niket, ta’ fatansiji, ta’ stennijiet, ta’ “Bonġu”, ta’ “Saħħa”, ta’ tislim.

Vjaġġ suċċess iseħħ billi l-passiġġier ikollu relazzjoni mill-aħjar mal-passiġġieri l-oħra. Biex isir dan trid tagħmel ħiltek biex tagħti l-aħjar li tista’ lill-oħrajn. Il-misteru l-kbir fuq din il-ferrovija huwa li ħadd minna ma jaf f’liema stazzjon ikun imissu jinżel għalhekk jaqbel li l-vjaġġ tal-ħajja ngħadduh bl-aħjar mod possibbli – bl-imħabba, bil-maħfra, bl-għoti u bil-qsim ta’ dak li jkollna mal-oħrajn.
Meta jasal il-waqt li aħna nqumu minn bilqegħda biex ninżlu minn fuq il-ferrovija u nħallu l-post vojt, għandna nħallu warajna tifkiriet mill-isbaħ lil dawk li jkunu ser jibqgħu jivjaġġaw fuq il-ferrovija tal-ħajja. Ma għandniex ninsew inroddu ħajr lill-ħallieq li tana l-ħajja u l-possibilità li nivjaġġaw fuq din il-ferrovija.”

Dan kien il-messaġġ; qasir imma fih wieħed x’jifhem u x’jixtarr!

Fit-traffiku
Mhux sejjer nikteb dwar it-traffiku tal-karozzi li għandna Malta, li biex inkun ġust ġieli rajt bħalu jew agħar minnu anke barra minn Malta, imma qed nirreferi għat-traffiku tal-ħajja. Ladarba qed nistħajlu l-ħajja bħala vjaġġ, hija ħaġa minn awl id-dinja li xi drabi se ninqabdu fit-traffiku. Veru li l-ferrovija ma tinqabadx fit-traffiku imma ġieli jkollha xi dewmien ukoll.

Fit-traffiku tal-ħajja ninqabdu meta nintrebħu mix-xogħol jew minn attivitajiet li ma jħallulniex mexjin bil-kwiet. Kultant xi attività tant toħdilna enerġija li nispiċċaw fi stress. Mhux qed nirreferi għax-xogħol li minnu naqilgħu l-għixien tagħna imma ġieli nidħlu għal xi biċċa xogħol, xi attività fil-ħin liberu tagħna, li minħabba n-natura tagħna tkun titlob minna ħafna ħin u sforzi tant li nispiċċaw nintrikbu minnha u ninsew li bdejna dik il-biċċa xogħol bħala mogħdija ta’ żmien jew bħala volontarjat. Il-volontarjat huwa vast ħafna u mhux bilfors ikun jinvolvi xi għaqda ta’ benifiċenza. Biżżejjed tkun membru f’kumitat ta’ tim tal-futbol jew ta’ każin tal-banda jew ta’ xi għaqda oħra, il-ħin li toffri għal dik l-għaqda jista’ jitqies bħala volontarjat għax tkun qed tagħmlu mhux bħala xogħol għall-qliegħ ta’ flus imma minn qalbek għall-għaqda li tkun tħobb. Għalhekk kultant nintilfu fit-traffiku tal-ħajja, jew fi kliem ieħor nitgħabbew wisq b’xi ħaġa li nkunu qed nagħmlu u nispiċċaw ninsew lilna nfusna bil-konsegwenza li nispiċċaw fi stress. Dan huwa t-traffiku li qed insemmi biex nibqgħu bit-tema tal-vjaġġ tal-ħajja.

Min bagħatli l-messaġġ
Fil-bidu għiditilkom li dan il-messaġġ irċivejtu fuq mezz ta’ media soċjali imma ma semmejtx min għand min irċivejtu. Ħabiba antika tiegħi, konna kollegi naħdmu skrivanija ma’ skrivanija. Kienet hi li bagħtitli dan il-messaġġ qawwi wara li jiem qabel kont mexxejt il-funeral ta’ ommha. Kemm jista’ jkun ta’ serħan il-qalb messaġġ bħal dan! Meta tħares lejn il-ħajja bħala vjaġġ mhux tiddispra meta jasal l-istazzjon fejn ikollok tħalli t-tren imma tirrassenja ruħek u tħalli bil-qalb it-tajba lill-passiġġieri l-oħra, fosthom l-ulied, l-aħwa u dawk l-aktar għeżież. Mhux faċli ħa nifthemu, imma possibbli. Meta l-ħajja tqsiha bħala vjaġġ fuq ferrovija, taf u tistenna dejjem l-istazzjon li fih tkun trid tinżel biex tħalli l-ferrovija sejra fi triqitha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  16 ta' frar 2019


Nessun commento:

Posta un commento