Ikolli nistqarr li
l-kitbiet tiegħi f’dan il-ġurnal ivarjaw u bla ebda mod ma għandi xi aġenda jew
direzzjoni imma nikteb fuq dak kollu li jiġi quddiem għajnejja, dak kollu li
naħseb u li nkun nixtieq naqsam mal-qarrejja. Ilni nagħmel hekk u nemmen li dan
huwa stil li jogħġob lil bosta għaliex ikolli bosta kummenti posittivi.
Illum nixtieq naqsam
magħkom esperjenza li għamilt dan l-aħħar. Kelli x-xorti li mmur għal xi jiem
fl-Indja u emmnuni ma nistax ma niktibx dwar din l-avventura tal-ġenn,
tal-blieh, esperjenza meraviljuża li ma jien sejjer ninsa qatt lanqas jekk
inkun irrid!
Incredible India
L-Indja hija pajjiż
enormi, subkontinent, li qed jipprova jibda t-triq tat-turiżmu. Għalhekk għamel
motto b’dan l-iskop: Incredible India
u tabilħaqq li dan huwa pajjiż inkredibbli. L-ewwel ħaġa ma tridx iżżur l-Indja
b’mentalità Ewropea. Ma tistenniex li se tagħmel vjaġġ bħal dak imbagħad issib
dak li ssib Malta, Pariġi, Londra jew Ruma. Dan huwa pajjiż differenti f’kull
sens, ibda mill-mentalità, kultura, ikel u kull sistema oħra. Huwa pajjiż
inkredibbli tabilħaqq.
Differenzi
Ħaġa li bla ma trid
tinnota mill-ewwel hija d-differenzi li jeżistu fil-pajjiż. Filli tkun qed tara
binja kollha rħamijiet, ħġieġ, ram u x’naf jien u ħdejha, tmiss magħha tara
għadd ta’ kmamar tal-pjanċi li jservi ta’ djar għan-nies. X’kontradizzjoni!
L-irħam u bosta minerali oħra huma abbundanti fl-Indja u għalhekk dak li
għalina jidher lussu eseġerat għalihom huwa komuni ħafna għax huwa wieħed mill-materji
primi li nsibu fil-pajjiż. Imma mbagħad ma hemmx triq tan-nofs, min mejjet
fis-sakra u min mejjet għal qatra!
Storbju
Ħaġa li bla ma trid
tinduna biha mill-ewwel hija l-istorbju li tisma’ fit-toroq. Kulħadd idoqq
il-ħorn. Eluf ta’ muturi jdoqqu l-ħorn biex jaqbżu u eluf ta’karozzi jdoqqu
l-ħorn biex jaqbżu lit-trakkijiet. It-trakkijiet idoqqu l-ħorn biex iwieġbu
għall-ħornijiet tal-karozzi u flimkien isiru sinfonija enormi ta’ daqq ta’
ħornijiet. Din hija ħaġa normali għall-poplu Indjan. Fil-fatt bosta trakijiet
fuq wara jkollhom miktub SOUND HORN biex inti jekk tkun bil-karozza warajh
iddoqqlu biex iwarrabblek ħalli tgħaddi. Idoqqu l-ħorn il-ħin kollu dawk il-
muturi bi tliet roti li jwasslu n-nies
minn post għall-ieħor, dawk li jissejħu Tuk Tuk, jew Rickshaw. Għakemm ir-rickshaw
oriġinali kien karettun miġbud minn bniedem! F’pajjiż fejn aktar minn wieħed
minn kull seba’ persuni li jgħixu fid-dinja jinstab fih, bilfors ikollok bżonn
ta’ mezzi ta’ trasport bħal dan għax żgħir, ma jaħlix u jgħaddi kważi minn
kullimkien, l-aqwa li jdoqq il-ħorn ukoll!
Ikel
Ilum ma hemmx għalfejn
issiefer biex idduq l-ikel ta’ pajjiż differenti minn dak tiegħek, imma meta
tiekol ikel fil-post propju l-ebda ikel ieħor ma jista’ jkun aqwa. L-istess
ngħidu għall-ikel Indjan. Billi l-Indja fil-maġġoranza hija Hindu allura l-laħam
taċ-ċanga trid tinsieh. Mal-Hindu hemm ukoll il-Musulmani u dawn ma jieklux
majjal. Mela biex ħadd ma jħossu offiż la ssib ċanga u lanqas majjal imma ssib
tiġieġ u muntun. Jien, li l-laħam ma tanx hu ħabib tiegħi, ma dejqitni xejn din
il-ħaġa u hedejt induq platti tal-ħaxix mill-itjeb.
Mal-ikel ħafna drabi
jisserva ross imsajjar fuq il-fwar jew ħobż ċatt li jsejħulu Naan. Minkejja li
l-Indjani normalment jieklu b’idejhom kull fejn kotn jien dejjem sibt il-pożati
fuq il-mejda!
Famuż mad-dinja kollha
huwa t-te Indjan jew kif isejħulu Masala Chai. Te imħawwar bi ħwawar u ħalib
mgħolli. X’tistenna? Il-ħwawar fl-Indja mhux neqsin u l-ikel tagħhom kollu
ħwawar li jagħmlu l-ikel tant bnin u differenti, anzi uniku.
Ħaġa li nnutajt hija
s-sens ta’ dixxiplina li dan il-poplu għad għadnu lejn l-awtorità. Il-puluzija
għadu meqjus bħala bniedem importanti li jixraqlu r-rispett. Dixxiplina
fis-sewqan ftit li xejn hemm biex ngħid id-dritt għax mhux darba jew tnejn u
lanqas tlieta rajt karozzi ġejjin lejja fuq in-naħa l-ħażina tat-triq! Fuq
mutur ma hemmx limitu kemm jirkbu. Tliet persuni fuq mutur hija ħaġa normali, erba’
persuni rajt ukoll u rajt darba minnhom ħames persuni fuq mutur wieħed. Tabilħaqq li tnejn minnhom kienu tfal żgħar.
Madanakollu minkejja l-ġenn u t-taħwid u n-numru kbir ta’ vetturi, ftit li xejn
isiru inċidenti.
Tbissima
Iżda l-aktar ħaġa li
laqtitni f’dan il-poplu huwa s-sens ta’ rispett u ta’ ħbiberija li juri lil dak
li jkun. Huwa poplu li jgħinek minn qalbu u jekk tagħtih xi ħaġa tal-flus
tas-servizz li joffrilek ikun grat lejk u jroddlok ħajr mill-qalb. Din il-ħaġa
taraha mill-ħarsa ta’ għajnejhom, il-grazzi
jafu jagħtuhielek bit-tbissima tagħhom u bil-ħarsa ta’għajnejhom.
X’differenza, x’dinja
oħra teżisti f’dak il-pajjiż imbiegħed! Tabilħaqq Incredible India.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Frar 2019
Nessun commento:
Posta un commento