Il-jum tal-10 ta’ Frar għalina l-Maltin ma huwiex sempliċiment jum
bħall-oħrajn iżda huwa wieħed speċjali. Għall-Insara Maltin huwa jum
il-magħmudija ta’ artna iżda mhux għal dawn biss, anke għal dawk li jħaddnu xi
fidi oħra, dan il-jum huwa differenti għaliex ma jaħdmux fih. Issa erħilha li
din is-sena ħabtet ħażin għax dan il-jum ġie l-Ħadd!
It-tifkira tal-miġja ta San Pawl fostna ma hijiex fantasija. Din il-miġja
nsibuha mniżżla fl-Atti tal-Appostli. Lanqas il-post ma nemmen li huwa żbaljat
kif xi drabi jkun hawn min jgħid. Hu x’inhu isem Malta huwa mniżżel fil-Bibbja,
paġna mill-isbaħ għalina l-Maltin. Kull qalb Maltija ta’ veru tifraħ meta taqra
jew tisma’ l-kliem: “Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien
jisimha Malta.” [Atti:28:1] Illum huwa tabilħaqq jum għażiż għalina l-Maltin.
Santa Skolastika
Madwar il-kumplament tad-dinja Kattolika, fl-10 ta’ Frar ma jiċċelebrawx
il-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna għax din hija festa, u ngħidha ċar u tond,
festa kmandata, f’Malta biss. Fil-kumplament tad-dinja f’dan il-jum, meta ma
jkunx il-Ħadd, tiġi mfakkra Santa Skolastika, oħt San Benedittu, dak li
jissejjaħ missier il-monakeżmu fil-Punent. Skolastika ssieħbet ma’ ħuha u
kienet l-ewwel soru Benedittina. F’Malta għandna sorijiet Benedittini u
monasteru minn tagħhom jismu propju għal din il-qaddisa. Dan jinsab fil-Birgu.
Dawn huma sorijiet tal-klawsura li ilhom jgħixu f’dan il-monasteru aktar minn
550 sena. Illum in-numrru tagħhom naqas sewwa, imma għadhom hemm!
Allura billi l-10 ta’ Frar f’Malta jaħbat jum San Pawl nawfragu, lil din
il-qaddisa niċċelebrawha jum qabel. Filwaqt li d-dinja tiċċelebraha bħal-lum,
aħna iċċelebrajniha l-bieraħ.
Il-ħadx
L-għada tat-tifkira ta’ San Pawl fostna niċċelebraw tifkira oħra wisq
għażiża mhux biss għalina l-Maltin imma għall-Insara madwar id-dinja kollha.
Għada niċċelebraw it-tifkira tal-Madonna ta’ Lourdes. Marija li ġewwa l-għar
ta’ Massabielle, f’Lourdes fi Franza, dehret u kellmet għal tmintax-il darba
lil daqxejn ta’ tifla ċkejkna, nieqsa minn kull edukazzjoni akkademika imma
mimlija bil-fidi. Illum il-post tad-dehriet sar wieħed mill-egħżeż post
għall-Insara. Huma bosta minna li xi darba jew oħra żaru dan il-post u min qatt
ma mar żgur li jaf bil-post u aktarx li rah fuq it-televiżjoni għax illum isiru
trasmissjonijiet tar-rużarju kuljum minn dan il-post.
Element li ma jistax li ma jiġix innotat meta wieħed iżur Lourdes huwa
l-għadd ta’ morda li jmorru hemmhekk. Tajjeb niftakru li l-11 ta’ Frar huwa
wkoll il-jum iddedikat lill-morda. Kien il-Papa San Ġwanni Pawlu II li
fil-festa tal-Madonna ta’ Fatima, 13 ta’ Mejju, tas-sena 1992, waqqaf il-jum li
qed insemmu. Mis-sena ta’ wara mal-festa tal-Madonna ta’ Lourdes kien
iċċelebrat Jum il-Morda. Forsi nistaqsu għalfejn l-istess jum? Kien fid-disa’
dehra tal-Madonna lil Bernardette li nstabet l-għajn tal-ilma fl-għar, għajn li
għadha tmixxi sal-lum. Fl-1 ta’ Marzu 1858, meta kienu saru d-dehriet, sar
l-ewwel fejqan mirakoluż permezz ta’ dan l-ilma. B’hekk Lourdes rabat ismu
mal-morda u l-fejqan.
Illum missejna tliet punti: Santa Skolastika; tajjeb niftakru fis-sorijiet
li jiddedikaw ħajjithom għat-talb, talb lil Alla li għarrafna bih San Pawl meta
ħtija ta’ tempesta wasal fuq xtut artna, festa li llum qegħdin niċċelebraw
bis-solennità kollha. Semmejna wkoll il-Madonna ta’ Lourdes u r-rabta mal-morda
li jdawru ħaristhom u tamithom lejn Marija Omm Alla bit-tama tal-għajnuna
fiżika u morali.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 10 ta' Frar 2019
Nessun commento:
Posta un commento