venerdì 22 luglio 2022

Aktar knejjes fil-Vatikan

 

Il-ġimgħa l-oħra bdejna nitkellmu dwar għadd ta’ knejjes li nsibu fil-Belt Stat tal-Vatikan. Illum ser inkomplu.

Knejjes Extraterritorjali

Minkejja li tinsab f’ territorju Taljan, il-knisja ta’ San Pietru in Borgo, tagħmel parti minn żona extraterritorjali. Din hija knisja fil-palazz tas-Sant’ Uffizio. Hija knisja medjevali li fid-dokumenti ġieli ssemmiet bħala l-knisja tas-Salvatur – peress li fil-qrib kien hemm ċimiterju ddedikat lis-Salvatur. Din il-knisja kienet tieħu ħsieb il-pellegrini Franċiżi li kienu jaslu Ruma sabiex iżuru l-qabar ta’ San Pietru. Bejn l-1447 u l-1455 kienet restawrata imma wara ġiet mitluqa u aktar tard partijiet minnha twaqqgħu sabiex inbena l-palazz tas-Sant’ Uffizio. Fl-1923 kienet restawrata mill-ġdid. Fiha nsibu affreski tas-seklu XV u ta’ interess partikolari hija l-pittura tal-Madonna bil-Bambin li nsibu fiha.

Santa Maria della Pietà in Camposanto dei Teutonici

Knisja oħra li nsibu magħquda mal-Vatikan minkejja li tinsab f’ territorju Taljan hija dik ta’ Santa Marija  tal-Pietà f’Camposanto tat-Tewtoniċi. Din il-knisja inbniet fis-seklu VIII ħdejn ospizju li kien jilqa’ fih il-foqra u jagħtihom ilbies u ikel. Kien l-imperatur Karlu Manju li bena dil- knisja fis-sena 796 bil-permess tal-Papa Ljun III (795 -816). Fis-Sena Mqaddsa li saret fl-1450 bdew jaslu Ruma ħafna pellegrini u għalhekk din il-knisja kienet irrestawrata. Kien ukoll irrestawrat iċ-ċimiterju li hemm imiss magħha. Lejn tmiem is-seklu XV inbniet il-knisja li għadna naraw sal-lum. Fl-1910 il-knisja ġarrbet ħsarat konsiderevoli waqt maltempata qawwija u għalhekk wara ġiet restawrata. Din hija knisja li minn barra bilkemm tidher li hija knisja għaliex ma fihiex faċċata ta’ knisja imma tidher donnha parti mill-bini l-ieħor. 

Kappelli Sistina, Pawlina u Nikolina

Bla dubju ta’ xejn l-aktar kappella magħrufa fil-belt tal-Vatikan hija dik imsejħa Kappella Sistina. Din il-kappella hija ddedikata lil Marija mtellgħa s-sema. Hija fost l-aktar teżori kulturali u artistiċi magħrufa tal-Belt tal-Vatikan. Inbniet bejn l-1475 u l-1481 fi żmien il-Papa Sistu IV (1471 – 1484). Fil-kappella nsibu opri artistiċi tal-aqwa artisti fosthom Michelangelo. Ta’ interess partikolari huwa li f’ din il-kappella issiru il-konklavi, jiġifieri l-elezzjoni ta’ Papa ġdid.

Kappella oħra hija dik magħrufa bħala Kappella Pawlina. Din inbniet bejn l-1537 u l-1540 taħt il-Papa Pawlu III (1534 – 1549). Din il-kappella hija ddedikata lil San Pawl Appostlu. L-artist Michelangelo kien għadu kif spiċċa x-xogħol mill-kappella Sistina u kien imqabbad biex ipitter xbihat mill-ħajja tal-ewwel appostli għal din il-kappella ġdida. Imma issa l-artist kellu aktar minn sittin sena u għalhekk ħadem bil-mod ħafna. Huwa pitter il-konverżjoni ta’ Sawlu bejn l-1542 u l-1545 u t-tislib ta’ Pietru bejn l-1546 u l-1560. Mal-medda tas-snin il-kappella kompliet tiżżejjen b’ aktar opri tal-arti. Fost pitturi oħra nsibu l-wasla ta’ San Pawl f’Malta. Fl-1974 il-kappella sarilha tibdil fil-presbiterju sabiex tkun taqbel ma’ dak li titlob il-liturġija ta’ wara l-Konċilju Vatikan II. Bejn l-2008 u l-2009 il-kappella sarilha restawr u kemm kien possibli reġgħet ingħatat id-dehra oriġinali tagħha, bl-altar tal-irħam oriġinali jerġa’ jsib postu. Reġa sar il-kanċell tal-balavostri u tnaddfu ż-żewġ affreski ta’ Michelangelo. Il-kappella infetħet mill-ġdid fl-4 ta’ Lulju 2009 mill-Papa Benedettu XVI.

Cappella Paolina

Kappella oħra hija dik imsejħa Kappella Nikolina. Dan huwa post mimli affreski tal-pittur Dumnikan il-Beatu Anġeliku. Il-kappella tinsab fl-aktar parti antika tal-palazz appostoliku u kienet il-kappella privata tal-Papa Nikola V (1447- 1455). Din il-kappella, li hija waħda kwadra, fiha pittura tad-djakni Stiefnu u Lawrenz. Fil-kappella nsibu wkoll impittra tmien santi padri jew dutturi tal-Knisja, dawn huma: San Atanasju, San Iljun il-Kbir, San Girgor il-Kbir, San Ġwann Kriżostmu, Sant’ Ambroġġ, Santu Wistin, San Tumas ta’ Akwinu u San Bonaventura. Insibu wkoll ix-xbihat tal-erba’ evanġelisti.

Matilde jew Redemptoris Mater

Dik li sal-1986 kienet tissejjaħ il-kappella Matilde fil-palazz Appostoliku, illum ħadet l-isem tal-Kappella Redemptoris Mater. Din hija kappella moderna li saret fuq xewqa ta’ San Ġwanni Pawlu II. Fl-1996, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tas-saċerdozju tal-Papa Wojtyla, il-kulleġġ tal-kardinali offrielu din il-kappella. Fiha nsibu arti moderna  maħduma fil-mużajk. L-artisti kienu il-Ġiżwiti Tomas Spidlik mill-Moravja u Marko Ivan Rupnik mis-Slovenja. F’ din il-kappella ġieli saru l-irtiri tal-Papa u tal-Kurja Rumana. Din il-kappella kienet inawgurata uffiċjalment fl-14 ta’ Novembru, 1999 mill-istess Papa Wojtyla.

Hekk nistgħu ngħidu li bejn il-ġimgħa l-oħra u llum dorna l-knejjes u l-kappelli prinċipali li nsibu fil-Belt tal-Vatikan. Biex inkun qegħdin ngħidu kollox jeżistu xi kappelli żgħar oħrajn li ftit jew xejn fihom importanza bħal dik ta’ San Pietru u San Pawl li kienet tintuża mill-gwardja Palatina, liema gwardja ntemmet fl-1970 mill-Papa Pawlu VI (1963 – 1978), il-kappella fil-Monasteru Mater Eclesiae u dik iddedikata lil Papa San Piju V fil-bini tal-palazz imsejjaħ tas-Sant’ Uffizio.  Kappella oħra li dan l-aħħar bdiet tissemma spiss hija dik iddedikata lill-Ispirtu s-Santu li nsibu fid-Domus Santa Marta. F’ din il-kappella beda jqaddes il-Papa Franġisku meta intgħażel Papa fl-2013.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Lulju 2022




 

Nessun commento:

Posta un commento