sabato 6 agosto 2022

Ibgħat aktar ħaddiema

 

Min isegwi l-artikli tiegħi jaf li dawn ma jkunux ta’ xejra reliġjuża iżda ġieli naqbad argument li jkollu x’jaqsam mal-fidi bħal ngħidu aħna xi argument dwar xi binja partikolari tal-Knisja jew xi kurżitajiet li b’xi mod huma marbutin mal-Knisja jew it-twemmin. Illum ser nikteb dwar kelma li spiss jgħiduli. Billi jien saċerdot ħafna jistaqsuni dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet li qed ikollna.

Naqraw x’hemm miktub

Meta xi ħadd jaqbad miegħi dan l-argument dlonk infakkar lil dak li jkun fi kliem Ġesù Kristu: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” [Lq:10:2] Dan il-kliem insiuh ukoll fl-Evanġelju skont San Mattew. [Mt:9:37-38]

Dan mhux kliem tiegħi imma huwa kliem l-istess fundatur tal-Knisja. Dan mhux kliem li ntqal illum imma huwa kliem li ħareġ minn fomm Ġesù madwar elfejn sena ilu. Minn dan il-kliem wieħed dlonk jinduna li n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet ma hijiex xi ħaġa tal-lum biss imma ilha teżisti sa mill-bidu nett tal-Knisja. Ġesù qal li l-ħaddiema huma ftit lin-nies ta’ żmienu u kliemu għadu jgħodd għal-lum ukoll u ser jibqa’ jgħodd għall-ġejjieni wkoll. Mela din il-problema ilha magħna elfejn sena u madanakollu l-Knisja baqgħet għaddejja ’l quddiem minkejja kollox.


Jinbidlu l-atturi

William Shakespeare kien qal li d-dinja hija palk u l-bnedmin huma kollha atturi. Mingħajr ma nippretendi li nħabbatha ma dan il-kittieb famuż, jien inżid li d-dramm tal-ħajja jibqa’ dejjem l-istess imma l-atturi maż-żmien jinbidlu. Dan il-fatt jgħodd mhux biss fejn jirrigwarda l-Knisja imma f’kull sitwazzjoni tal-ħajja. Jinbidlu x-xeni, jinbidlu l-atturi imma l-istorja tad-dramm tal-ħajja tibqa’ dejjm xorta, dejem l-istess waħda. Jekk wieħed joqgħod jaħseb ma jdumx ma jinduna li l-bniedem kien, għadu u jibqa’ dejjem xorta.

Eżempji

Ħalli nġib xi ftit eżempji u la bdejna bi ħsieb mill-Evanġelju nġibilkom xi eżempji mill-istess kitba. Meta Marija qalet lil Ġużeppi li kienet ħarġet tqila, hu għamel f’rasu li jħarrabha bil-moħbi. Għaliex? Għax dak iż-żmien kien hemm liġi li tgħid li mara li mhix miżżewġa u toħroġ tqila għandha tiġi kkastigata. Araw xi nsibu miktub fl-Evanġelju skont San Mattew: “Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.” [Mt:1:19] Allura jekk wieħed joqgħod jaħseb ftit fuq dan jgħid bejnu u bejn ruħu: “Għalfejn kien hemm il-liġi li jekk xebba toħroġ tqila għandha tieħu l-katig?” Il-liġi ssir wara li tinħoloq l-offiża, wara li jsir ir-reat, mela b’dan il-kliem nintebħu li anke elfejn sena ilu kien hemm xebbiet li joħorġu tqal. Kieku ma kienx hekk ma kinitx issir il-liġi. Illum din il-liġi spiċċat imma turina l-qagħda ta’ elfejn sena ilu.

Darba lil Ġesù ħadulu quddiemu mara li nqabdet f’att ta’ prostituzzjoni. Ħalli naraw sew il-kliem li jikteb San Ġwann l-Evanġelista: “Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: <<Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?>>" [Ġw:8:3-6] Hawnhekk sejrin immorru lura aktar minn żmien Ġesù għax minn dan il-kliem joħroġ ċar li l-liġi kontra l-prostituzzjoni kienet ilha teżisti sa minn żmien Mosè li għex mijiet kbar ta’ snin qabel Kristu. Mela ntenni li ladarba kien hemm il-liġi jfisser li kien hemm ukoll il-ħtija. Din il-liġi llum ukoll ma għadiex fil-kodiċi ċivili ta’ bosta pajjiżi imma turina li din il-professjoni hija antikissima.

Wara li Ġesù qal li l-ħaddiema huma ftit, qal ukoll li ser jibgħat lid-dixxipli tiegħu fid-dinja: “bħal ħrief qalb l-ilpup.” [Lq:10:3] Forsi kien qed jgħid dan il-kliem għal-lum? Le qal dan il-kliem lid-dixxipli ta’ żmienu. Fetħilhom għajnejhom u wriehom bil-persekuzzjoni, bil-tmaqdir, bir-redikolaġni, biż-żebliħ li minnhom kellhom jgħaddu minħabba fih. U llum l-istorja bagħet l-istess.

Nuqqas

Nerġa’ lura għal dak li bdejt bih – in-nuqqas ta’ ħaddiema. Mill-esperjenza tiegħi aktar hija importanti l-kwalità milli l-kwantità. Irridu nagħmlu distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet. Ser nuża żewġ kelmiet Ingliżi għax fil-Malti ma jeżistux. Hemm priesthood u hemm priestcraft. Priesthood huwa s-saċerdozju mill-qalb, saċerdozju 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, bla leave, bla sick leave, bla età ta’ irtirar filwaqt li priestcraft huwa l-mistier li bniedem jagħżel li jsir saċerdot minflok isir avukat, mastrudaxxa, perit, mekkanik jew xi xogħol ieħor. Għalhekk qed ngħid li aktar tgħodd il-kwalità milli l-kwantità, x’jiswa li jkollok eluf ta’ saċerdoti li jgħażlu l-priestcraft? Mhux aħjar ftit mijiet li jgħixu l-priesthood?

Nagħlaq billi nkompli nara x’qal Ġesù wara li avżana bin-nuqqas ta’ ħaddiema. Huwa ħeġġina biex nitolbu għal aktar ħaddiema. Hekk għandu jkun imma qatt ma għandna naqtgħu qalbna. It-tama hija l-aħħar li tmut, it-tama tixpruna l-ħajja.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Awwissu 2022




Nessun commento:

Posta un commento