sabato 27 agosto 2022

Min m’għandux salib

 

Kultant jiġi f’moħħi xi qawl Malti u noqgħod naħseb kemm missirijiena kienu għorrief meta ħolqu dawn il-qwiel mimlijin għerf u esperjenza tal-ħajja u x’patrimonju ħallewlna. Ħasra li ħafna minn dak li għaddewlna l-antenati tagħna qiegħed jintilef u jispiċċa fix-xejn, u wisq nibża’ li għada ser ikun agħar mil-lum. Intant wieħed mill-qwiel li qaluli dan l-aħħar waqt li kont qed inkellem persuna kien dan: Min m’għandux salib għandu domna! Smajtu kemm-il darba dan il-qawl imma llum donnu weħel ġewwa moħħi u bqajt naħseb dwaru. Kif jiġrilek kultant hux?

Xi jfisser

Ma tridx tkun għaref wisq biex tifhem is-sinifikat ta’ dan il-qawl popolari. Kulħadd qiegħed fl-istess baħar, kollha ninsabu fl-istess dgħajsa u dak li jiġri lili llum għandu mnejn jiġi fuqek għada jew jekk ma jiġix dan l-inkwiet tiegħek għandek jiġik xi ħaġa tixbħu. Dan huwa qawl li minn banda jagħmillek kuraġġ u minn banda oħra jiġbidlek l-attenzjoni. X’jiġifieri? Jekk tkun għaddej minn waqtiet diffiċli u xi ħadd jgħidlek li min m’għandux salib għandu domna jkun qed jinkuraġġik biex tibqa’ miexi ’l quddiem bla ma taqta’ qalbek għax kulħadd għandu l-inkwiet tiegħu, ta’ min mod u ta’ min mod ieħor, ta’ min jidher u ta’ min ma jidhirx, imma ħadd fid-dinja ma jista’ jgħid li ma għandux xi naqra nkwiet. Mill-banda l-oħra jekk inti tkun qed titkellem ma’ xi ħadd u forsi ssemmi n-nuqqas ta’ xi persuna oħra, dan il-qawl jekk jgħiduhulek ikunu jridu jfissru li aħjar toqgħod attent għax kull min jgħolli idu għandu xi jxomm, min għandu salib u min għandu domna. Tassew li dan il-qawl aktar jintuża fl-ewwel każ li semmejt milli fit-tieni wieħed imma jista’ jintuża wkoll.

Id-domna ta' Ħal Qormi

Oriġini

Meta jiġi xi ħaġa f’moħħi nibqa’ nberren fuqha u min fejn tkun ġejja. L-oriġini ta’ dan il-qawl huwa interessanti ħafna. F’bosta rħula Maltin antiki naraw xi kolonna b’salib fuqha. Nieħdu eżempju: quddiem il-knisja parrokkjali ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ insibu kolonna b’salib fuqha. Fil-misraħ ta’ quddiem il-knisja parrokkjali taż-Żebbuġ Għawdex insibu kolonna oħra b’salib ieħor fuqha. Minn dawn il-kolonni bi slaleb fuqhom insibu numru mhux ħażin imxerred ma’ Malta u Għawdex u nħoss li nkun qed nonqos jekk ma nsemmix tnejn partikolari, dak tal-Marsa li b’xi mod għandu rabta ma’ San Ġorġ Preca u dak magħruf bħala ta’ rajt ma rajtx u smajt ma smajtx. Imbagħad insibu numru ta’ slaleb li jissejħu “Tad-Dejma” bħal dawk ta’ Ħal Ki
rkop, Ħal Safi, Ħal Tarxien, Ħal Qormi, iż-Żurrieq u l-Għasri.

Biss fuq iz-zuntier tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi naraw kolonna li fuqha ma hemmx salib iżda domna. Hemm min jgħid li din id-domna twaqqfet hemmhekk biex tfakkar għeluq il-mitt sena mit-twaqqif tal-parroċa tal-Portu Salvu jew kif jafha kulħadd, San Duminku fil-Belt Valletta. Forsi jkun hawn min jistaqsi x’konnessjoni hemm bejn dawn iż-żewġ parroċċi. Billi t-teritorju tal-Għolja Xiberras kien jagħmel mal-parroċċa ta’ San Ġorġ, bit-twaqqif tal-parroċċa l-ġdida ġewwa l-Belt il-ġdida Valletta, fit-2 ta’ Lulju tas-sena 1571, il-knisja Qormija saret matriċi, jiġifieri omm ta’ parroċċa oħra. Tajjeb ngħid li din il-parroċċa beltija twaqqfet mill-Papa Piju V bil-Bolla Papali Ex Debito Pastoralis. Issa fuq il-kolonna li nsibu fuq iz-zuntier ta’ Ħal Qormi hemm imnaqqxa s-sena 1671, sewwasew mitt sena wara t-twaqqif tal-parroċċa Beltija. Għalhekk hawn min jemmen li din il-kolonna bid-domna fuqha saret biex tfakkar din il-ġrajja għax wara kollox kull omm tifraħ bl-ewwel twelid tagħha. Jingħad li fuq id-domna kien hemm żewġ skudetti tar-ram li ġew maqlugħin mis-suldati ta’ Napuljun meta f’Ġunju tas-sena 1798 żaru lil Ħal Qormi u daħlu fil-knisja parrokkjali mhux biex jinvistaw lis-sagrament jew jisimgħu xi quddiesa iżda biex ġarrew il-fidda, id-deheb u dak kollu li raw li kellu valur.

Intant interessanti l-fatt li f’Ħal Qormi mbagħad insibu żewġ slaleb fuq kolonna, wieħed f’misraħ il-Vitorja u l-ieħor li diġà semmejt li jissejjaħ bħala s-Salib tad-Dejma li nsibu l-Ħandaq. Minn hawn twieled il-qawl li qed nitkellmu dwaru.

Slaleb u domni

Is-slaleb u d-domni kienu popolari ħafna sa ftit snin ilu. Ma kontx issib tarbija li ma kienx ikollha xi salib jew xi domna, jew it-tnejn flimkien mal-labra li kienet iżżomm il-ħarqa f’postna. Illum mhux biss id-domna u s-salib spiċċaw imma anke l-ħarqa li tinżamm bil-labra, illum uża u armi ’l hemm! L-adulti kien ikollhom xi salib jew domna tad-deheb ma’ ġiżirana madwar għonqhom. Anke dawn tista’ tgħid għabu minn pajjiżna u posthom ħaduh amuletti magħmulin minn materjal li ma jiswiex wisq flus.

Kemm hemm x’wieħed jgħid dwar daqsxejn ta’ qawl hux? U tiskanta xi stejjer ikun hemm marbutin warajh.

Fr Reno Muscat


DAN L-ARTIKLU DEHER F'IN-NAZZJON 2O TA' AWWISSU 2022


Nessun commento:

Posta un commento