sabato 10 settembre 2022

Nostalġija

 

Dan l-aħħar kont qed infittex oġġett f’armarju li ftit li xejn niftaħ, anzi nistqarr li ġieli jgħaddu snin bla ma niftħu! F’dan l-armarju kont inpoġġi xi affarijiet li ftit nuża u li llum nista’ ngħid li ma għadni nużahom qatt. Dak li sibt f’dan l-armarju ġabli nostalġija kbira u ntbaħt kemm iż-żmien qed igerbeb minn fuqi. Nistħajjilkom tgħidu… “Mela x’sab?” Ngħidilkom mhux biss dak li sibt imma wkoll il-ħsibijiet li tnisslu f’moħħi ma’ kull oġġett li ġie f’idi.


Cassettes

F’dan l-armarju sibt għadd ta’ cassettes. Nemmen li bosta żgħażagħ qatt ma użaw wieħed minnhom f’ħajjithom. Aħna mhux hekk! Għalina l-cassette kien il-mod waħdieni li nistgħu nisimgħu l-mużika li nħobbu. Niftakar nidħlu l-Belt u ngħaddu fuq il-monti u b’Lira Maltija konna nixtru cassette. Kull xahar kien joħroġ cassette bid-diski l-ġodda. Dak iż-żmien addio l-copyright! Mhux qed ngħid li kienet ħaġa sewwa, imma hekk kienet id-dinja! Għexieren ta’ cassettes, biex ma ngħidx mijiet li llum lanqas fuq xiex indoqqhom ma għandi għax l-apparat li konna nsejħu cassette player ilu li sab tmiemu u mtrema.

U la qed insemmi dan l-apparat jiġi dlonk f’moħħi dak l-apparat li kien jikkopja l-cassettes. Cassette player doppju! U ħsibt ukoll f’meta kien jitgħaqqad xi cassette! B’lapis konna nippruvaw nerġgħu ngerbu ż-żigarella tal-cassette f’postha. Jekk jirnexxielek tkun furtunat jekk le aqbad u armi kollox!

Video cassettes

Fl-armajru sibt ukoll għadd ta’ video cassettes. Billi jien dilettant tal-festi kont nirreġistra l-programmi tal-festi li kienu jixxandru fuq l-istazzjonijiet televiżivi Maltin madwar tletin sena ilu! Video cassettes, tal-festi, tal-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u għadd ta’ videos oħra. Kont xtajt magna li tirreġistra l-videos u għalhekk meta kont insiefer kont niġbed video. F’xi okkażjoni tal-familja kont nieħu video. Meta dħalt fil-ħajja reliġjuża ħaduli video, meta lbist il-libsa Dumnikana ġibduli video, meta professajt, meta qaddist u okkażjonijiet oħra, kollha għandi video tagħhom.

Kollox spiċċa f’dan l-armarju u llum l-apparat – il-video cassette recorder, jew il-VCR tħassar u ma sewwejtux, imma l-video cassetes għadhom fl-armarju u ngħid is-sewwa ma nafx għandix narmihom jew inżommhom. Naf li ħin nara xi wieħed minnhom ma għandix. Allura x’naqbad nagħmel? Inħallihom fl-armarju?

Ġie f’moħħi kemm konna mmorru nikru videos. Niftakar meta xtajt il-VCR tiegħi mort nikri video. Niftakar sew li l-ewwel film li rajt fuqu kien Midnight Express.

Negattivi

F’borża tal-karti sibt għadd kbir ta’ negattivi tar-ritratti. X’differenza mil-lum. Kien ikollna l-magna tar-ritratti, nixtru l-film u ndaħħluh fiha. Ladarba l-film jittieħed kollu, skont kemm ikun twil, ta’ 12-il ritratt jew ta’ 24 jew ta’ 36, konna nieħduh għand tar-ritratti biex jiżviluppahulna. Immorru għar-ritratti xi jumejn jew tlieta wara.

Ftakart meta konna nsiefru – u f’żgħożiti s-safar ma kienx bħal-lum. Kienu jgħaddu s-snin bejn safra u oħra. Konna nixtru l-films għall-camera tar-ritratti biex ikollna x’niġbdu. U meta nerġgħu lura Malta jkollna seba’ mitt sena sakemm niżviluppawhom u naraw li ġew sewwa biex nerġgħu ngħixu dik il-vaganza li nkunu għadna kemm temmejna.  Illum it-teknoloġija tal-magni tar-ritratti nbidlet għal kollox. Illum kulħadd bil-mobajl li mhux biss iservik ta’ telefon imma tieħu r-ritratti bih ukoll, u ma toqgħodx tistenna li r-ritratti jiġu żviluppati imma tara r-riżutat dak il-ħin stess. X’differenza minn meta kont għadi daqsxejn ta’ żagħżugħ!

Kartolini

Sibt ukoll numru ta’ kartolini ta’ postijiet li żort. Konna nsiefru u nibgħatu kartolina d-dar! Il-kuntatt telefoniku ma kienx bħal dak tal-lum. Ma kellniex mobajl u biex inċemplu d-dar kien ikollna nsibu xi kaxxa tat-telefon u nużawha. U kien hemm fejn biex tuża t-telefon pubbliku kien irid ikollok muniti apposta, dawk li Italja kienu jsejħulhom gettone! Allura konna nibgħatu kartolini lil tal-familja u lill-ħbieb. Dawk il-kartolini li kont nibgħat id-dar żammejthom u għadhom f’dan l-armarju.        

Nostalġija

Fl-armarju sibt għadd ta’ fuljetti li kont niġbor meta nkun imsiefer. Kont inżommhom qabel, illum narmi kollox, għax kollox sar idejjaqni! Imma nistqarr magħkom li dan l-armarju ġabli nostalġija kbira. Ftakart fi żmien differenti, meta forsi l-ħajja kienet aktar sempliċi, aktar trankwilla. Ftakart fi żmien li ftit li xejn kien ikollna flus fil-but imma konna nafu niddevertu b’dak li jkollna.

Għalaqt il-bibien tal-armarju u ħallejt kollox fejn kien. Insejt x’kont qed infittex, insejt għafejn kont ftaħtu dak l-armarju. Kont ftaħtu għal xi ħaġa imma sibt ħaġa oħra, sibt nostalġija kbira għal żmien li għadda u li qatt ma jerġa’ jiġi lura.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Settembru 2022






Nessun commento:

Posta un commento