Dan l-aħħar kont mistieden minn kappillan Taljan, ħabib antik tiegħi, biex immur fil-parroċċa tiegħu u mmexxilu l-festa li r-raħal li tieghu huwa kappillan jagħmel lil Sant Antnin u lil Santa Luċija. Ilni midħla ta’ dan ir-raħal mitluf qalb il-muntanji u li jagħmel parti mill-provinċja ta’ Avellino aktar minn disa’ snin u għalhekk nista’ngħid li sirt naf mhux biss il-ftit toroq li jiffurmaw ir-raħal imma kważi lir-residenti kollha. Fil-fatt kont ktibt artiklu xi snin ilu dwar dan il-post.
Hekk jismu dan ir-raħal, Montefalcione: l-għolja tal-minġel. Dan jinsab ftit aktar
minn 500 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Minkejja li fuq livell governattiv
jagħmel parti minn Avellino, bħala parroċċa tagħmel mad-djoċesi ta’ Benevento .
Il-parroċċa li tmiss ma’ dan ir-raħal tagħmel mad-djoċesi ta’ Avellino.
Il-ġebla bl-10 P |
Intant daqshekk fuq Montefalcione u fuq
il ġebla tal-Arċipriet. U ngħid id-dritt ma nafx min wiret lil Don Carlo imma
hawn min jgħid li billi hu ma kellux qraba ħalla ġidu kollu lill-parroċċa.
Serenità
Ħaġa li tolqtok kif tasal Montefalcione
fi żmien il-festa hija n-numru kbir ta’ karozzi li tara pparkjati meta
tikkomparah ma’ żminijiet oħra tas-sena. Dan minħabba li bosta Montefalcionesi
li kellhom iħallu raħalhom minħabba x-xogħol jew għal xi raġuni oħra, jmorru
f’raħalhom fil-jiem tal-festa. Magħhom jieħdu l-familja u b'hekk l-elfejn ruħ
li joqgħodu s-sena kollha hemm isiru sitta jew sebat elef. Bosta emigranti,
l-aktar mill-Istati Uniti wkoll iżuru l-familja tagħhom f’dan iż-żmien biex
b’ġebla waħda jolqtu żewġ għasafar, jaraw il-familjari u jgawdu l-festa ta’
Sant Antnin u Santa Luċija bl-ispettakklu kollu li jkun fiha din il-festa.
Forsi dawn imorru jfittxu s-serenità, il-paċi u l-ħajja sempliċi li ssib hemmhekk. Imorru jgħixu ftit jiem ma’ nies li għad għandhom ħajja sempliċi minkejja li jafu jimxu maż-żmien ukoll. Imorru Montefalcione għax hemm differenti mill-bel li jgħammru fiha tul is-sena kollha. Hemm jarmaw it-toroq għall-festa u ħadd ma jgorr għax ikollu arblu quddiem biebu. Hemm il-qniepen mill-kampnar tal-Knisja jsemmgħu leħinhom spiss is-sena kollha u matul il-jiem tal-festa xi ħaġa aktar, bla ma ħadd jibda xi petizzjoni biex dawn jitwaqqfu. Hemm jinħaraq il-logħob tan-nar, anzi jsir festival tal-logħob tan-nar u ħadd ma joqgħod iġib id-dinja fit-tarf minħabba l-ħsejjes. Forsi hija din is-serenità li ma ssibx f’pajjiż fejn jgħixu ħafna ‘dojoq’, is-sigrieti li l-aħħar jiem ta’ Awwissu jiġbdu tant emigranti lejn raħal twelidhom.
Tifkiriet
Ikolli nistqarr li l-jiem li għaddejt
hemm ġabuli ħafna tifkiriet ta’Malta ta’ ftit aktar minn nofs seklu ilu, meta l-mara
kienet tagħmel il-karriera tagħha minn ġewwa darha. Tieħu ħsieb uliedha u
żewġha, issajjar, tnaddaf u tkun is-sultan ta’ darha. Ftakart meta anke aħna
konna aktar qrib tal-knisja parrokkjali, meta l-kaopillan kien magħdud bħala
wieħed mill-aktar persuni importanti tar-raħal. Rajt lix-xjuħ fil-misraħ,
jixorbu l-kafè u jilgħabu l-karti. Kollox fakkarni f’Malta tal-imgħoddi meta
l-ħajja tagħna kienet aktar sempliċi imma isbaħ. Ftakart meta l-ġirien kienu
qishom familjari mhux bħal-lum bilkemm tkun taf min joqgħod ħdejk! Ma rridx
inħalli barra l-ikel bnin li jafu joffru l-imwejjed ta’ dan ir-raħal ċkejken.
Ħafna mill-prodotti mkabbrin fil-ġardina tad-dar stess.
Is-sliem, l-arja tal-muntanji,
il-ħbiberija sinċiera li tħoss f’dawn in-nies ġabuli tifkiriet kbar, tifkiriet ta’ ħajja li
llum ma nsibuhiex aktar fostna grazzi għall-progress. Xi sliem, x’tifkiriet!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Settembru 2022
Nessun commento:
Posta un commento