sabato 24 settembre 2022

Oktoberfest


Wieħed mill-akbar avvenimenti magħrufin mal-erbat irjieħ tad-dinja li jsiru fil-Ġermanja huwa l-festival tal-birra magħruf bħala l-Oktoberfest. Bosta huma dawk li minħabba l-isem jiftixklu u jaħsbu li dan il-festival issir fix-xahar ta’ Ottubru, imma fil-verità dan issir fix-xahar ta’ qabel u billi huwa festival mifrux fuq numru ta’ ġranet jintemm fl-ewwel jiem ta’ Ottubru. Dan il-festival isir fil-belt sabiħa ta’ Munich ta’ kull sena, iżda dawn l-aħħar sentejn kellu jitħassar minħabba l-pandemija tal-Covid 19, wara kollox bħalma tħassru eluf ta’ avvenimenti oħra madwar id-dinja. Biss din is-sena ser jerġa’ jsir.

Fid-29 ta’ April li għadda s-sindku ta’ Munich, Dieter Reiter, f’konferenza stampa ħabbar li wara waqfa ta’ sentejn din is-sena l-Oktoberfest ser issir bejn is-17 ta’ Settembru u t-3 ta’ Ottubru. Ma jistax jonqos li din l-aħbar intlaqgħet b’ferħ kbir għax għall-Ġermaniżi il-birra hija element importanti fil-ħajja tagħhom daqs il-ħobż.

Frak ta’ storja

Tajjeb naraw ftit kif beda dan il-festival tant magħruf.

Ir-Re Ludwig

Il-Prinċep Ludwig, li aktar tard sar ir-Re Ludwig l-ewwel tal-Bavarja, iżżewweġ lil Tereża ta’ Sassonja fit-12 ta’ Ottubru 1810. Il-poplu ta’ Munich, il-belt kapitali u l-akbar belt tal-Bavarja, kien mistieden għall-festeġġjamenti kbar li kienu saru f’din l-okkażjoni rjali. Il-festi kienu saru barra l-belt f’medda ta’ art li semmiet Theresienwiese, li tfisser il-medda ta’ Tereża, bħala unur lill-prinċipessa li saret mart il-prinċep Bavarjan. Illum din il-medda art għadha jisimha hekk biss il-poplu aktarx isejjaħilha biss wiese – il-wesgħa. Kienu saru festi kbar li fost attivitajiet oħra kienu jinkludu t-tiġrijiet taż-żwiemel. Jingħad li qabel bdew it-tiġrijiet il-prinċep u l-prinċipessa offrew il-birra lil dawk kollha preżenti li jingħad li kienu jlaħħqu mal-erbgħin elf ruħ. Din l-attività niżlet tajjeb mal-poplu u bdiet issir kull sena iżda fl-1813 kellha titħassar minħabba li l-Bavarja kienet involuta fil-Gwerer Napoleoniċi. Dan il-festival kiber minn sena għal sena mill-1814 'il quddiem. Dan il-festival baqa’ jsir kull sena bl-eċċezzjoni ta’ xi snin bħalma ngħidu aħna waqt iż-żewġ epidemiji tal-kolera fl-1854 u l-1873 u fl-1866 u fl-fl-1870 minħabba l-Gwerra Awstro-Prussja u l-gwerra Franko-Prussjana rispettivament.

Lejn l-aħħar tas-seklu 19, l-Oktoberfest żviluppa dejjem aktar bħala festival folkloristiku u sar magħruf mad-dinja kollha. Ġie mtawwal iż-żmien tiegħu u d-data ta’ meta jsir ġiet miġjuba 'l quddiem għall-aħħar jiem ta' Settembru, li ġeneralment ikunu sbieħ u sħan mhux bħal dawk ta’ Ottubru. Illum l-Oktoberfest jintemm fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Ottubru.

Matul it- Tieni Gwerra Dinjija, mill-1939 sal-1945 ma sar l-ebda festival. Fil- perjodu ta’ wara l-gwerra mill -1946 sal-1948 kien hemm “festival tal-ħarifa” minflok l-Oktoberfest imma f'Settembru 1949 saret l-ewwel edizzjoni tal-Oktoberfest wara l-gwerra.

L-Oktoberfest illum

L-Oktoberfest ġibed lejn il-Bavarja miljuni ta’ viżitaturi kull sena matul l-aħħar deċennji. Ovvjament mhux fis-sentejn li għaddew! Bosta turisti jiġu minn barra l-Ġermanja biex jieħdu sehem f’dan il-festival. Dawn ikunu prinċipalment mill-Italja, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Awstralja. Hemm bosta li jilbsu l-ilbies tradizzjonali Bavarjan meta jattendu għal dan il-festival u din il-ħaġa tkompli ssebbaħ l-ambjent tal-festa.

Fuq kollox dan huwa festival tal-birra, għad li ssib ukoll ikel u logħob. Il- konsum eċċessiv ta’ alkoħol minn xi wħud mill-viżitaturi ilu kwistjoni taħraq għal żmien twil. Biex forsi tittaffa xi ftit din il-problema, il-bireriji li jkollhom it-tined tagħhom armati fil-festival idoqqu biss mużika tradizzjonali sas-sitta ta’ filgħaxija u  jillimitaw il-volum tal-mużika tagħhom. Dan isir biex l-Oktoberfest jinżamm attraenti għall-familji u l-viżitaturi anzjani. Wara s-sitta jindaqqu wkoll diski moderni u mużika pop.

Il-maggijiet li fihom tisserva l-birra huma wkoll attrazzjoni oħra. Kien hemm żmien li kienu jkunu taċ-ċaqquf imma llum saru aktar komuni dawk tal-ħġieġ. Dawn huma wkoll imfittxijin minn kollezzjonisti madwar id-dinja.


Attrazzjoni tal-massa

Dan il-festival jiġbed lejh mases kbar ta’ nies. Il-bireriji li jieħdu sehem huma kollha lokali u huma sitta biss. Dawn jarmaw tined kbar tal-injam biex iservu lill-pubbliku li jattendi. Insibu 38 tinda enormi u 127 restaurant b’ total ta’ madwar 117,000 siġġu. Minħabba l-kobor ta’ dan il-festival bdiet tintuża wesgħa oħra bl-isem ta’ Oidn Wiesn li tinsab ħdejn Theresienwiese. F’din il-wesgħa nsibu madwar 12,500 siġġu ieħor għal dawk li jmorru hemm jieklu u jixorbu.

In-numru medju annwali ta ‘viżitaturi huwa ftit aktar minn sitt miljuni. L-aħħar li sar, fl-2019, in-numru kien ta’ 6.3 miljun. L-Oktoberfest tal-1985 kiser kull rekord ta’ viżitaturi preċedenti b’7.1 miljun viżitatur. Issa naraw dini s-sena! Madwar 12,000 persuna jaħdmu f’ dan il-festival kull sena, li 1,600 minnhom huma wejters. Fl-2019, inbiegħu 7.3 miljun litru birra.

Madwar id-dinja llum isiru festivals simili anke fl-istess jiem, biss xejn u ħadd ma jħabbatha mal-Oktoberfest li jsir Munich li wara kollox huwa l-oroġinali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Settembru 2022




Nessun commento:

Posta un commento