Darba meta kont għadni ngħix Ruma,
darba waħda kont għaddej minn quddiem knisja li spiss kont naraha minn barra
imma qatt ma kont sibtha miftuħa. Dakinhar rajt il-bieb miftuħ u għalhekk dħalt
biex nagħti titwila. Hija l-knisja li tissejjaħ Santa Caterina a Magnanapoli.
L-ewwel ma laqatni kien kartellun fuq ġewwa tal-knisja li fuqu kien hemm stampa
tal-istatwa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta. Il-kurżità aktar kibret ġewwa fija.
X’kien qed jagħmel dak ir-ritratt b’tant prominenza hekk kif tidħol f’din
il-knisja? Ngħidilkom jew aħjar tindunaw waħedkom aktar ’l isfel. It-tieni ħaġa
li baqgħet imwaħħla f’moħħi kienet li dak il-ħin li dħalt fil-knsija kien hemm
quddiesa li kieent qed tiġi mqaddsa minn żewġ saċerdoti u kien hemm persuna
waħda biss tisma’ l-quddiesa. Fhimt
xi jfisser meta ngħidu More chiefs than Indians!
Fejn?
Storja
L-ewwel knisja hawnhekk nbniet għall-ħabta tal-1575. Fil-bidu kienet il-knisja
tal- kunvent tas-sorijiet Dumnikani li kien inbena fl-1568 mill-Papa Piju V
(1566 - 1572). Il-bini tal-knisja preżenti beda fl-1608 inizjalment bi spejjeż
tal-Kardinal Scipione Borghese (1577 –1633) fuq disinn ta’ Carlo Maderno (1556 – 1629). Ix-xogħol tal-bini waqaf fl-1613 u
kompla fl-1628. F’ dawn is-snin is-sorijiet kienu akkwistaw it-Torri
tal-Milizia li għadna naraw illum fil-qrib.
Sena wara li kompla l-bini miet
Carlo Maderno u għalhekk kien inkarigat l-arkitett Giovanni Battista Soria (1581
– 1651) biex ikompli x-xogħol. Soria għamel
xi tibdil fil-pjanta oriġinali imma ma nafux sewwasew x’ inhu dan it-tibdil
billi l-pjanta ta’ Maderno intilfet. Bejn l-1631 u l-1641 inbniet
il-faċċata. Fiha naraw arem tal-familja
Chigi. Din hija l-arma ta’ Fabio Chigi, dak li mbagħad sar il-Papa Alessandru VII
(1655 – 1667). Dan Fabio Chigi kien delegat Apostoliku ta’ Malta bejn l-1634 u
l-1639.
Il-kunvent li kien imiss mal-knisja twaqqa
fl-1924. Illum din il-knisja
sservi lill-Ordinajru Militari. Dan huwa isqof li jmexxi lill-kappillani
militari. Billi s-sorijiet ma għadhomx aktar hemmhekk, il-knisja hija mexxija
mill-kleru djoċesan. Fl-1992 il-knisja kienet irrestawrata.
Il-knisja fiha taraġ doppju
quddiem. Dan sar fl-1924. Il-faċċata fiha żewġ ordnijiet, portiku isfel bi
tliet arkati u t-tieni ordni b’ tieqa fin-nofs u żewġ niċeċ vojta. Il-fontispizju
huwa triangualri. Il-knisja minn ġewwa fiha navata waħda bi tliet kappelli fuq
kull naħa.
Hekk kif tidħol fil-knisja tara
l-artal maġġur bi prospettiva li juri l-estasi ta’ Santa Katarina ta’ Siena.
Din l-iskultura hija xogħol il-Malti Melchiore Gafà (1636 – 1667). Gafà twieled
il-Birgu imma ftit li xejn nafu dwaru. Nafu żgur li ħadem l-istatwi ta’ San
Pawl tal-Belt Valletta (c 1658) u dik tal-Madonna tar-Rużarju tal-knisja
tad-Dumnikani tar-Rabat Malta (1660 - 1661). Minkejja li ma nafux bl-eżatt meta
ħadem l-estażi ta’ Santa Katarina, aktarx li kienet lesta fl-1667 jew xi ftit
qabel. Dan huwa meqjus bħala
l-kapolavur ta’ dab l-artist Malti. Għal xi żmien kien maħsub li dan kien
xogħol ta’ Bernini. Issa nemmen li kulħadd fehem għalfejn kien hemm dak
il-kartellun hekk kif tidħol fil-knisja.
Artkitettura u arti
Il-knisja fiha ħafna tiżjin
barokk. Il-koppla tagħha turi l-Glorja tal-Missier etern tal-pittur Francesco Rosa
(1638 - 1687). Is-saqaf huma mpitter minn Luigi Garzi (1638 – 1721) u juri
l-glorja ta’ Santa Katarina. It-tabernaklu huwa maħdum minn irħam rikk lapis
lazuli u ndurat bil-bronz. Dan kif ukoll l-altar maġġur huma xogħol ta’ Carlo
Marchionni (1702 – 1786). Il-ħitan tal-knisja huma ddekorati bi
stukko ta’ Pietro Bracci (1700–1773) u juru lil Santa Roża ta’ Lima u lil Sant’
Anjeże ta’ Montepulciano.
Minħabba li din il-knisja sservi
lill-Ordinarju Militari ftit li xejn tkun miftuħa. Ħasra. Insomma Ruma
hemm bosta knejjes li messithom din
ix-xorti jew waħda agħar. Illum xtaqt naqsam magħkom da nit-tagħrif għax naf li
bosta Maltin iżuru Ruma u forsi jekk wieħed jinzerta f’dik l-akwata u jara din
il-knisja miftuħa tajjeb jittawwal waħda ġewwa. Jekk xejn jara kapolavur ta’
artist Malti bħalna.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento