Żwiemel tal-Apokalissi pittura ta' Victor Vasnetsov |
Fl-Apokalissi,
l-aħħar ktieb kanoniku tal-Bibbja, San Ġwann l-Evanġelista, il-kittieb
tal-ktieb, jagħmel riferenza għal erba’ żwiemel; wieħed abjad [Apk:6:2] u ieħor
iswed [Apk:6:5] , wieħed ta’ lewn aħmar nar [Apk:6:4] u ieħor ta' lewn aħdar jagħti fl-isfar [Apk:6:8]. Fit-Testment il-Qadim insibu wkoll riferenzi
għaż-żwiemel u aktarx li l-kittieb tal-Apokalissi ħa l-idea tiegħu minn hemm.
Fil-ktieb ta’ Żakkarija insibu ż-żwiemel ħomor, qastnin u bojod [Żak:1:8]. L-istudjużi tal-Bibbja jagħtu
interpretazzjonijiet għal dawn iż-żwiemel imma ma hijiex l-intenzjoni tagħna
hawnhekk li nidħlu fid-dettall fuq dan l-istudju. L-għan tagħna hu li naraw kemm dawn il-figuri
influwnzaw ix-xbiehat ta’ ċerti qaddisin. Sejrin insemmu erba’ qaddisin li
jidhru fuq żiemel, erba’ qaddisin li insibuhom meqjuma f’ Malta. Dan ma
jfissirx li ma hemmx qaddisin oħrajn li jidhru fuq dahar xi żiemel.
San Pawl
San Pawl ta' Caravaggio |
Fl-Atti
tal-Appostli insibu deskrizzjoni tal-konverżjoni ta’ Sawlu. <<Huwa u
sejjer, kif qorob lejn Damasku, f'daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa'
fl-art, u sama' leħen jgħidlu: "Sawl, Sawl, għaliex qiegħed
tippersegwitani?" Hu wieġeb: "Min int, Mulej?" u l-leħen wieġbu:
"Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. Imma issa qum u idħol il-belt,
u hemmhekk jgħidulek x'għandek tagħmel." >> [Atti:9: 3-7] Minkejja
li t-test mill-Bibbja ma jgħidx li Sawl kien riekeb iż-żiemel, għandna x’
nifhmu li ma kienx sejjer jagħmel vjaġġ twil bil-mixi. F’ dan l-istess ktieb nerġgħu nsibu r-rakkont
ta’ Pawlu minn fommu stess: <<Jien u sejjer, kif kont qrib Damasku,
f'daqqa waħda għall-ħabta ta' nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari.
[Atti:22:7] Waqajt mal-art, u smajt leħen jgħidli, 'Sawl, Sawl, għaliex qiegħed
tippersegwitani?'>> [Atti:22: 6-8]. Għat-tielet darba Pawlu jirrakkonta
l-konverżjoni tiegħu fl-istess ktieb, bejn wiħed u ieħor bl-istess kliem. [Atti:26:12 -18]
L-ebda waħda minn
dawn in-narrazzjonijiet ma ssemmi żiemel imma l-ikonografija dejjem iġġibilna
lil San Pawl jaqa’ minn fuq iż-żiemel. Hekk ipittru Michelangelo fl-affresk
tal-Kappella Pawlina fil-Vatikan. Hekk pittru Caravaggio fil-kwadru li nsibu
fil-knisja ta’ Santa Maria del Popolo f’ Ruma. Hekk narawh fil-pittura ta’ Parmigianino
fil-Mużew Kunsthistorisches ta’ Vjenna. F’ Malta nsibu l-kwadri titulari
tal-katidral tal-Imdina u tal-parroċċa ta’ Ħal Safu li juruna dan il-fatt u
nsibu statwi ta’ San Pawl fuq iż-żiemel aramti fit-toroq tal-Belt Valletta u
ta’ Ħal Safi fil-jiem tal-festa ta’ dan il-qaddis.
San Ġorġ
Meta l-artist
Ġużeppi Briffa tqabbad biex ipitter il-koppla tal-parroċċa ta’ Ħal Qormi, dan
għamel abbozz li juri l-assedju tal-Mori fuq Malta fejn dehru San Pawl, San
Ġorġ u Sant’ Agata jiddefendu lill-Maltin. L-abbozz, li għadu fil-mużew
tal-parroċċa, juri lil San Pawl fuq iż-żiemel u lil San Ġorġ bil-wieqfa.
Il-Qriema xtaqu li San Ġorġ ikun riekeb żiemel ukoll u fil-fatt il-pittura
finali turi liż-żewġ qaddisin fuq iż-żwiemel.
San Ġorġ - Rabat Għawdex ta' Alfred Camilleri Cauchi |
Forsi dan huwa
l-aktar qaddis popolari li nsibu fuq żiemel. Hekk pittruh bosta pitturi kbar.
Hekk naqqxuh bosta skulturi madwar id-dinja. Ġewwa pajjiżna nsibu l-kwadru
titulari tal-parroċċa tal-belt Victoria, impitter minn Mattia Preti, bil-qaddis
fuq iż-żiemel filwaqt li mill-iskola tal-istess pittur insibu l-kwadru titulari
ta’ Ħal Qormi li minkejja li ma jirrappreżentax lil San Ġorġ fuq iż-żiemel,
fl-isfont tiegħu hemm il-qaddis fuq bhima bajda. Fil-konkatidral ta’ San Ġwann
insibu pittura ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, xogħol Preti wkoll u fil-parroċċa
tal-Gzira u fil-kappella tal-qaddis f’ Birżebbuġa nsibu kopji tal-kwadru ta’
Preti f’ San Ġwann.
Il-vari titulari
li f’ pajjiżna juru lill-qaddis Ġorġi ma juruhx fuq iż-żiemel imma hemm bosta
statwi proċessjonali ta’ dan il-qaddis madwar id-dinja li juruh fit-taqbida
mad-dragun riekeb iż-żiemel. Statwi bħal dawn ġewwa Malta nsibuhom armati
fi-pjazzez ta’ Ħal Qormi u tar-Rabat Għawdex fil-festi ta’ dan il-qaddis.
L-opri artistiċi dwar dan il-qaddis huma bla limitu, bosta minnhom juru
l-qaddis riekeb żiemel.
San Martin
San Martin ta' Gużeppi Caruana il-Baħrija |
Martin twieled
għall-ħabta tas-sena 316 u miet fis-sena 397. Dan huwa wieħed minn l-ewwel qaddisin
li ma huwiex martri. meqjum fil-Knisja Kattolika, kemm f’ dik Ortodossa kif
ukoll fil-Knisja Kopta. Huwa kien minn pajjiż li llum jinsab fl-Ungerija imma
meta kkonverta għall-Kristjaneżmu sar isqof ta’ Tours fi Franza. Hemm leġġenda
li tgħid li darba minnhom fix-xitwa tas-sena 335 waqt li kien riekeb iż-żiemel
tiegħu, huwa ra tallab iterter bil-bard, waqqaf iż-żiemel, ħareġ is-sejf u
qasam il-mantell li kellu fuq spallejh min-nofs u tefa’ n- nofs tal-matell fuq
spallejn it-tallab. Dak il-lejl kellu dehra min Ġesù fejn tah lura n-nofs
tal-mantell li kien sellfu. Fl-ikonografija San Martin dejjem jidher fuq
iż-żiemel qiegħed jaqsam il-mantell bit-tallab ħdejh.
F’ Malta ma
għandniex parroċċi iddedikati għal dan il-qaddis imma fil-Baħrija, li tagħmel
mal-parroċċa tar-Rabat insibu devozzjoni u tradizzjoni kbira marbuta ma’ dan
il-qaddis. Hemmhekk insibu l-kappella l-antika u l-knisja l-ġdida iddedikati
lil dan il-qaddis. Kemm fil-kwadru tal-kappella l-qadima kif ukoll f dak
tal-knisja l-ġdida ma narawx lil San Martin fuq iż-żiemel u lanqas fl-istatwa
ċkejkna li tinħareġ purċissjoni fil-festa. Din l-istatwa, li hija xogħol ta’
Ġużeppi Caruana magħruf bħala Marċol, turi lil San Martin liebes ta’ suldat
Ruman jaqta’ biċċa mill-mantell tiegħu. Kontrarjament għal pajjiżi oħrajn,
San Martin f’ Malta ma narawhx fuq żiemel.
San Dimitri
Pittura ta' San Dimitri l-Għarb Għawdex |
Dimitri twieled
f’ familja nobbli li kienet Nisranija ġewwa t-Tessalonika fi żmien ta’
persekuzzjoni kbira u sofra l-martirju għall-ħabta tas-sena 306. Jingħad li
l-Imperatur kien tilef lill-gladjatur favorit tiegħu u bħala kumpens talab
lill-qattiel tal-gladjatur biex joqtol lin-Nisrani Dimitri u għalhekk miet
martri. Fl-ikonografija narawh bħala żagħżugħ liebes ta’ suldat Ruman.
Ġewwa l-Għarb Għawdex hemm kappella iddedikata lil dan il-qaddis li huwa
ivvenerat fil-Knisja Kattolika u f’ dik Ortodossa. Ma’ din il-kappella hemm
marbuta leġġenda li tgħid li waħda mara xiħa mlaqqma Żgugina kienet għix
ma’ binha l-waħdieni qrib din il-kappella. Darba minnhom niżżlu l-furbani fuq
l-art Għawdxija u ħatfu lil bin ix-xwejħa. Din tant talbet bil-qalb lil San
Dimitri li dan ħareġ mill-kwadru biż-żiemel b’ kollox u telaq wara l-ġifen Tork
li kien ħataf lil bin ix-xiħa u reġa ġabulha lura. Bħala radd ta’ ħajr Żgugina
kienet tixgħel qasba żejt lill-qaddis. Darba seħħet theżżiża kbira u l-kappella
spiċċat taħt il-baħar. Il-leġġenda tgħid li l-lampa taż-żejt li kienet xegħelt
Żgugina dakinhar għadha tixgħel sal-lum minkejja li tinsab taħt il-baħar.
Illum insibu kappella oħra li fiha pittura ta’ San Dimiotri fuq iż-żiemel.
Fuq il-kwardu naraw miktuba is-sena 1810. F’ dan il-kwadru jidhru wkoll Żgugina
u binha.
Għeluq
Rajna fuq fuq erba’ qaddisin li b’ xi mod għandhom rabta ma’ pajjiżna li
fl-ikonografija normalment jidhru fuq iż-żiemel. Dan ma jfissirx li huma l-uniċi
qaddisin li jidhru hekk imma huma dawk li l-aktar aħna familjari magħhom aħna
l-Maltin
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa maħruġ mill-Kumitat festi Esterni - San Ġorġ Ħal Qormi, 2016
Nessun commento:
Posta un commento