Aħna l-Qormin meta nsemmu Pjazza San Franġisk jiġi f’ moħħna l-misraħ fejn
nhar il-Ħamis tal-festa ntellgħu l-istatwa ta’ San Ġorġ taż-żiemel. Fil-verità
dak il-misraħ jagħmel parti minn Triq il-Kbira u n-numri tal-bibien jibqgħu
sejrin ma’ dawk ta’ Triq il-Kbira. Pjazza San Franġisk hija l-pjazza l-oħra li
nsibu ftit passi bogħod minn fejn semmejna diġa. Pjazza San Franġisk hija dik
il-pjazza li fiha nsibu l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes. Skont il-kittieb
Qormi, Karmenu Psaila, dak li fl-1937 ħareġ il-ktieb “Il-Knisja Arċimatriċi ta’ Ħal Qormi bil-Ġrajja tagħha”, jgħidilna
li din il-pjazzetta fl-antik kienet tissejjaħ il-misraħ iż-żgħir. Min jaf kemm-il darba ngħaddu minn hemm u
lanqas biss nagħtu każ li hemmhekk hemm pedestall bi statrwa tal-Madonna fuqu.
Din ma hijiex l-istatwa waħdanija tal-Madonna ta’ Lourdes li nsibu r-raħal, għalhekk tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar dan.
Lourdes fi Franza
Sal-1858 ir-raħal fil-muntanji Franċiżi, Pirinej imsejjaħ Lourdes ftit kienu
jafu bih. Kienet iċ-ċkejkna Bernardette Soubirous li bla ma kienet taf kellha
tbiddel dan ir-raħal minsi f’ post magħruf mad-dinja kollha. Din it-tifla
marradija kellha dehriet ta’ Sinjura liebsa l-abjad b’ faxxa kaħla ma’
ġenbejha. Billi t-tifla kienet marradija u moħħa ftit li xejn kien tajjeb
għall-iskola u l-istudju, bosta ddubitaw minn dawn id-dehriet u minħabba f’
hekk kellha tgħaddi minn bosta umiljazzjonijet kif ukoll tbatija. Illum
il-Knisja Kattolika tagħraf li f’ dawk id-dehriet kienet il-Madonna li dehret
lit-tfajla. Id-devozzjoni lejn dan il-post imxtredet mad-dinja kollha u t-titlu
tal-Madonna ta’ Lourdes żdied mal-bosta titli oħrajn li kellna qabel. Anke
Malta insibu żewġ parroċċi ddedikati lil Marija taħt dan it-titlu, waħda f’ San
Ġwann u oħra f’ Raħal Ġdid, u ma nistgħux ma nsemmux il-kapella ħelwa li nsibu
ġewwa l-Furjana u dik li nilmħu sewwasew fuq il-port tal-Imġarr Għawdex li huma
wkoll iddedikati lill-Madonna ta’ Lourdes.
Patrimonju f’ Ħal Qormi
Triq San Bastjan |
Skont l-inventarju nazzjonali tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali
Malti, fit-toroq ta’ Ħal Qormi konna nsibu 3 statwi li juru lill-Madonna ta’
Lourdes. L-ewwel waħda fi Pjazza San Franġisk, dik il-parti magħrufa bħala sqaq
żenqa jew kif inhi imsejħa minn kulħadd “iż-żanqra”, sfortunatament din ma
għadiex f’ postha u n-niċċa tinsab vojta. In-niċċa fiha l-pilastri
bil-kapitelli ta’ stil Doriku li jżommu fontispizju b’ salib fuqu. Niċċa oħra
li turi l-Madonna ta’ Lourdes insibuha fi Triq San Bastjan. Din hija niċċa
mill-isbaħ, fiha l-pilastri b’ kapitelli fuq stil Korint u fil-fontispizju
naraw skultura li tirrapreżenta l-ispirtu s-Santu. L-arzella tan-niċċa hija
wkoll skulturata u fil-pedestall tal-istatwa naraw minqux in-Nome di Maria.
Pjazza San Franġisk |
Fin-nofs ta’ Pjazza San Franġisk insibu l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes li
semmejna fil-bidu. Din tinstab fuq pedestall eleganti b’ erba kerubini fl-erba’
kanturnieri. Il-panewijiet tal-pedestall fihom disinn skulturat. Illum dan il-pedestall huwa mħolli fuq
il-ġebla bil-parti ta’ isfel miksija bil-mużajk. Fl-istatwa hija bajda
bil-faxxa ta’ madwar il-qadd tal-Madonna ta’ lewn ikħal. Fuq il-pali ta’ saqajn
il-Madonna naraw żewġ wardiet filwaqt li l-Madonna għandha kuruna tar-rużarju
f’ idejha – sewwasew kif dehret lil Bernardette Soubirous, Ħarset il-Madonna
hija merfugħa ’l fuq lejn is-sema u fuq rasha naraw raġġiera bi tnax-il stilla.
Din saret fl-1906 u kienet l-aħħar waħda mill-istatwi l-kbar li nsibu
fl-imsieraħ jew it-toroq tal-parroċċa tagħna, sakemm fl-2003 iżżanżnet l-istatwa
ta’ San Ġorġ fi Triq il-Ħelsien. Fis-6
ta’ Frar, 1906 l-Isqof ta’ Malta Pietru Pace żejjen lil din l-istatwa
bl-indulġenza ta’ mitt jum għal dawk li jitolbu quddiemha. Madwar il-pedestall
insibu kanċell tal-ħadid.
Meta tqis li d-dehriet tal-Madonna ta’ Lourdes seħħew fl-1858 u l-istatwa
tal-Pjazza saret fil-bidu tas-seklu XX dlonk naraw li d-devozzjoni tal-Madonna
taħt it-titlu ta’ Lourdes ma damx ma wasal Malta u mhux biss wasal, imma
nxtered sewwa anke ġewwa raħal twelidna.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento