Hemm xi studenti
li għalihom żmien l-eżamijiet għadda u hemm oħrajn li għadhom għaddejjin bihom
bħalissa. Hu x’ inhu dawn normalment jistinkaw biex jiksbu l-premju ta’
ħidmiethom. Il-premju huwa riżultat tajjeb u sodisfaċenti li bih ikunu jistgħu
jibqgħu għaddejjin aktar ’il quddiem fil-ħajja studenteska tagħhom. Bħalissa
huwa wkoll żmien ta’ bosta ċelebrazzjonijiet bħal l-ewwel tqarbina u żwiġijiet.
F’ dawn l-okkażjonijiet għandna d-drawwa li nagħtu xi rigal. Il-premju huwa
għotja mistħoqqa lil dak li jkun ħadem għalih, rigal huwa rikonoxximent ta’
ħbiberija jew familjarità lil min ikun qiegħed jiċċelebra xi okkażjoni
speċjali.
Wara l-eżamijiet

Din il-ħaġa
naraha bħala s-sodisfazzjon tal-ġenituri li l-isforzi u s-sagrifiċċji kollha li
jkunu qed jagħmlu biex iħallsu għat-tagħlim ta’ wliedhom ikunu qed jagħtu
l-frott mixtieq. Għax ħalli ngħiduha kif inhi, tassew li l-istudent huwa l-moħħ
wara l-istudju, biss il-moħħ irid ukoll il-but u dan ma nsibuhx għand
l-istudent iżda għand il-ġenituri tiegħu. B’ dan li qed ngħid ma rridx ninftiehem
li dawk li r-riżorsi finanzjarji tagħhom ma humiex wisq għoljin, ma jistgħux
jistudjaw u jiksbu riżultati tajbin ukoll, biss dawn ikollhom jagħmlu
sagrifiċċju akbar.
Illum il-ġurnata kollox
inbidel, allura anke x’ riġali jingħataw inbidel. Niftakar fi ċkuniti
fil-preċett konna nirċievu xi kuruna tar-rużarju, xi statwa, jew l-aktar
l-aktar xi ħaġa tal-ħwejjeġ. Ilum differenti għal kollox. U xi ngħidu
għat-tiġijiet? Kemm vażuni kienu jaqilgħu l-għarajjes? Din il-problema bdiet
tittaffa billi daħlet id-drawwa tal-Wedding
List. B’ hekk dak li jkun, kien ikun jaf li dak li stiednu ser jirċievi
rigal li żgur jieħu gost bih għax ikun għażlu hu u żgur li se jkollu bżonnu.
Biss din il-ħaġa kellha nuqqas ukoll: ġieli kien hemm min kien iħossu skomdu
jmur id-dar tal-għarus jew l-għarusa pereżempju b’ kikra u plattina jew b’ żewġ
platti, minkejja li jkunu ntgħażlu mill-koppja stess. Bil-mod daħlet id-drawwa li mal-invit
tintbagħat nota ċkejkna biex dak li jkun jagħti rigal ta’ flus lill-koppja li
tkun stiednet għat-tieġ. Għall-bidu kien hemm min tkaża b’ din il-ħaġa u kien
hemm min kien iqisha bħala nuqqas ta’ edukazzjoni titlob il-flus. Illum tant
indrat li anke n-nota biex jingħataw flus spiċċat.
Aktar premijiet
Premijiet ma
humiex marbutin biss mal-ħajja tal-istudent. Il-premju huwa wkoll rikonoxximent
f’ xi konkors jew f’ xi sport. Il-premju f’ dawn il-każi jingħataw biex dak li jkun
jibqa’ jiftakar l-akkwist li jkun għamel f’ dak l-avveniment. Premju jista’
jkun ukoll ta’ xi lotterija. Ir-rebbieħ tal-lotterija jingħata l-premju li
għalih ikun lagħab il-biljett. Premju jista’ jkun ukoll għotja ta’ xi ħaġa wara
għajnuna mitluba. Pereżempju jintilef kelb u jsir avviż li min isibu u jieħdu
lura għand sidu jingħata premju. Dawn huma kollha premijiet differenti.
Pass il quddiem jew lura?

Illum qbadt ftit
mal-premijiet u r-rigali. Huma t-tnejn għotjiet lil xi ħadd, għotjiet mistħoqqa
jew b’ rikonoxximent f’ okkażjonijiet differenti.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon. 18 ta' Ġunju 2016
Nessun commento:
Posta un commento