Din is-sena
l-Għaqda tan-Nar 23 ta’ April qegħda tiċċelebra d-90 anniversarju mill-ftuħ
tal-ewwel kamra tan-nar li kienet tieħu ħsieb in-nar għall-festa ta’ SanĠorġ
ta’ Ħal Qormi. Kienet is-sena 1926. Dik is-sena l-Għid il-Kbir kien ġie fl-4
ta’ April u l-festa ta’ San Ġorġ Martri ġiet il-Ġimgħa, 23 ta’ April. Kien
iż-żmien ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjija, l-ewwel waħda intemmet fl-1918 u
t-tieni waħda bdiet fl-1939.
Malta kienet
għadha kolonja tar-Renju Unit. Ir-Re tal-Ingilterra u allura anke ta’ pajjiżna
kien ir-Re Ġorġ V, li tela’ fuq it-tron fis-6 ta’ Mejju 1910 u miet fl-20 ta’
Jannar 1936. Bħala gvernatur, Malta kellha lil Sir Walter Norris Congreve, li
beda jaqdi dan l-uffiċju fid-29 ta’ Ġunju 1924 u baqa’ f’dan il-post sa mewtu,
li seħħet nhar it-28 ta’ Frar 1927 ġewwa l-isptar militari tal-Imtarfa. Huwa
jinstab midfun fil-baħar bejn Ħaġar Qim u Filfla. Hemmhekk hemm lapida li
tfakkar lil dan il-gvernatur. Minkejja li Malta kienet għadna kolonja, fl-1921,
pajjiżna kien akwista s-self government
u għalhekk beda jkollna Prim Ministru Malti. Il-Prim Minsitru Malti dak
iż-żmien kien Sir Ugo Pasquale Mifsud tal-Partit Nazzjonalista. Dan kien
it-tielet Prim Ministru Malti, kien beda jaqdi dan l-uffiċju wara l-elezzjoni
tal-1924 u dam f’ din il-kariga sal-1 ta’ Awwissu, 1927.
Ix-Chalet tas-Sliema fetaħ fl-1926 |
Bħala
popolazzjoni, fl-1926, Ħal Qormi kien hemm joqgħodu 4,665 raġel u 4, 621 mara.
Meta niftakru li r-raħal tagħna kien għadu parroċċa waħda, nindunaw li kien
popolat mhux ħażin. Per eżempju Birkirkara kien fiha 8,575 ruħ, jiġifieri 601
persuna inqas minn Ħal Qormi. Bla dubju l-Belt Valletta u tas-Sliema kienu
popolati ħafna. Il-Belt dik is-sena kienu joqgħodu fiha aktar minn 22,000 ruħ u
tas-Sliema aktar minn 11,00 ruħ. [1] Illum fil-parroċċa tagħna biss insibu madwar
10,000 resident. [2] F’ dawk iż-żminijiet Malta kienet ċentru ta’
attività militari, navali u merkantili u għalhekk il-baħrin u s-suldati kienu
jfittxu postijiet ta’ divertiment. Nhar l-Erbgħa, 12 ta’ Mejju 1926 kien
inawgurat ix-Chalet f’ Għar id-Dud
tas-Sliema. Dakinhar kien lejlet Pentecoste. Dan il-post ta’ divertiment baqa’
jintuza sal-1959.[3] Dak iż-żmien kien ukoll popolari, forsi aktar
mil-lum, il-logħob tal-futbol. Ir-rebbieħa tal-first Division, 1925-1926 kienu s-Sliema
Wonderers FC. Dik is-sena il-league
kien fih 7 timijiet, Sliema Wonderes, Floriana FC, Valletta United, Valletta
Rovers, Msida Rovers, St Georges FC u Sliema Rangers. Il-kampjonat 1926-1927
intrebaħ minn Floriana FC. F’ din id-diviżjoni kien hemm 4 timijiet din is-sena,
ovvjament ir-rebbieħa, Sliema Wonderers FC, St Georges FC u Valletta Rovers.
Naraw issa ftit
x’ seħħ madwar id-dinja f’ dik is-sena. Fis-26 ta’ Jannar, l-inġinier John
Baird preżenta f’ Londra l-apparat li kien għadu kif ivvinta. Dan kien l-ewwel
apparat televiżiv. Fil-25 ta’ Frar, Francesco Franco sar il-Ġeneral tal-armata
ta’ Spanja. Aktar tard (1936) huwa sar il-mexxej tal-pajjiż u baqa’ jmexxi
sal-1975. Fit-3 ta’ April ġewwa l-Italja kienet imwaqqfa l-għaqda imsejħa
Balilla. Din kienet għaqda Faxxista għat-tfal. F’ dak il-jum stess fl-Italja
twaqqfet l-union waħdanija, din
kienet kontra kul tip ta’ strike.
Minn dakinhar fl-Italja ma baqgħux jeżistu unions
oħrajn. Fit-3 ta’ Mejju l-ħaddiema tal-minjieri Ingliżi tkeċċew mix-xogħol u
l-għada l-ħaddiema Brittaniċi bdew strike
ġenerali. Minħabba dan l-istrike
fid-9 tax-xahar kienet imposta l-liġi marzjali. L-għada bdew it-taħdieit bejn il-gvern
u r-rapreżentanti tal-ħaddiema u l-istrike
intemm fit-12 ta’ Mejju.
Ir-Reġina Eliżabetta twieldet fl-1926 |
Nhar l-Erbgħa, 21
ta’ April ta’ dik is-sena twieldet Elizabeth Alexandra Mary Windsor li fl-1953
saret ir-Reġina Eliżabetta II li sat-13 ta’ Diċembru 1974 kienet ukoll
ir-reġina ta’ Malta. Fil-25 ta’ April
itellgħet għall-ewwel darba l-opra lirika ta’ Giacomo Puccini Turandot ġewwa
t-teatru La Scala ta’ Milan. Fil-31 ta’ Ottubru, Benito Mussulini kien qiegħed
iżur Bologna u hemmhekk xi ħadd sparalu. Weħel Anteo Zamboni, zagħżugħ ta’
15-il sena, li ġie maqtul fuq il-post. Fid-19 ta’ Novembru twaqqaf il-Commonwealth.
Claudio Villa twieled fl-1926 |
L-1926 rat ukoll
it-twelid ta’ nies prominenti. Fl-1 ta’ Jannar twieled f’ Ruma it-tenur Claudio
Villa. Dan miet fis-7 ta’ Frar 1987. Fil-21 ta’ Jananr kien twieled l-attur
Amerikan Steve Reeves, li miet fis-sena 2000. Fit-2 ta’ Frar twieled Valéry
Giscard d'Estaing, li kien President ta’ Franza bejn l-1974 u l-1981. Fis-16
ta’ Marzu twieled il-komiku Amerikan Jerry Lewis. Fl-1 ta’ Ġunju twieldet
l-attriċi Amerikana Norma Jeane Mortenson magħrufa bħala Marilyn Monroe li
mietet fl-età ta’ 36 sena fl-1962. F’ dak ix-xahar ukoll, fil- jum tat-28
twieled l-attur Amerikan Mel Brooks. Fit-13 ta’ Awwissu twieled Fidel castro,
id-dittatur ta’ Kuba. Ta’ min isemmi wkoll li matul din is-sena Walter Elias
Disney, magħruf bħala Walt Disney ħoloq il-karattru ta’ Mickey Mouse, imma dan
deher l-ewwel darba fl-1928.
George Hyzler twieled fl-1926 |
Fost dawk
il-Maltin li twieldu f’ dik is-sena insibu tnejn li għandhom rabta speċjali
mar-raħal tagħna. Nhar it-22 ta’ Jannar twieled George Schembri ġewwa Ħal
Qormi. Wara li fl-1963 inħatar maġistrat, fl-1974 laħaq imħallef. L-imħallef
Schembri miet fis-7 ta’ Ġunju 1980. Nhar is-26 ta’ Mejju tal-istess sena, ġewwa
ż-Żejtun twieled George Hyzler li laħaq tabib u ħafna minn ħajtu għaddieha f’
Ħal Qormi. Hyzler minbarra li kien tabib kien ukoll politiku li serva bħala
segretarju parlamentari għas-saħħa u ministru tas-sigurtà soċjali. Għal bosta
drabi serva wkoll bħala Aġent President ta’ Malta. It-Tabib Hyzler miet fl-20
ta’ Jannar, 2011.
F’ dik is-sena,
fl-4 ta’ Jannar, mietet ir-Reġina
Margerita ta’ Savoia, tar-Renju tal-Italja fl-għomor ta’ 74 sena filwaqt li
fit-23 ta’ Awwissu miet l-attur Taljan Rudolpho Valentino fl-età ta’ 31 sena.
Din kienet
is-sena li fir-raħal tagħna s-sengħa tal-piroteknika bdiet issir f’ kumpless
mibni għalih, fir-raħal stess. Disgħin sena ilu missirijietna kienu l-pijunieri
f’ din l-arti. Illum, disgħin sena wara, aħna għandna ngawdu din is-sengħa,
ix-xogħol ta’ tant ħaddiema li mixgħulin bl-imħabba lejn San Ġorġ, isebbħu
s-sema bi lwien, jimlew l-arja bi ħsejjes sbieħ li jagħmlu unur lilna l-Qriema.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa tal-għaqda tan-Nar 23 ta' April Ħal Qormi, Festa 2016
Nessun commento:
Posta un commento