Billi San Ġorġ
huwa qaddis li ħa l-martirju tiegħu aktar minn elf u seba’ mitt sena ilu, tiġina
t-tentazzjoni li naħsbu li llum ma għadhomx jinbnew knejjes ġodda u jiġu
iddedikati lilu. Meta naħsbu hekk inkunu qegħdin niżbaljaw għaliex jekk wieħed
ifittex isib knejjes moderni iddedikati lill-martri tal-Lidda. Każ bħal dan
hija l-knisja iddedikata lill-qaddis tal-ġens Anici li nsibu fil-belt ta’
Cagliari f’ Sardegna.
Il-knisja l-qadima |
L-ewwel knisja
fejn insibu l-knisja li semmejna kienet inbniet lejn tmiem is-seklu XVI u
kienet iddedikata lil San Ġorġ u lil Santa Katerina. Din kienet il-knisja
tal-fratellanza tal-komunità ta’ dawk li kienu ġew Cagliari minn Ġenova. Din
il- fratellanza inbdiet fl-1587 mill-Arċisqof
Francesco del Val u fl-1591 il-Papa Gregorju XIV taha t-titlu ta’
Arċikonfraternità. Fl-istatut kien hemm imniżżel li l-membri kellhom ikunu mir-reġjun
tal-Ligurja. Għall-bidu kellhom kappella fil-knisja tal-kunvent ta’ Santa
Marija ta’ Ġesù, liema kunven illum ma għadux jeżisti.
L-ewwel knisja
tal-qaddisin Ġorġ u Katerina inbdiet fl-1599. It-tqegħid tal-ewwel ġebla kien
sar mill-arċisqof Alonso Lasso Çedeño. Din il-knisja tlestiet matul is-seklu
XVII. Kienet knisja b’ elementi arkitettoniċi manieristi u barokki. Kien fiha
għadd ta’ opri artisitċi. Il-faċċata kienet dominata mill-bieb bejn żewġ
kolonni bl-arma ta’ Ġenova fuq il-bieb. Ġewwa kien fiha korsija waħda b’
kappelli laterali. Waqt ħbit mill-ajru nhar it-13 ta’ Mejju, 1943 din il-knisja
ġiet meqruda għal kollox.
Il-knisja l-ġdida |
Ma’ tmiem
il-gwerra l-Arċikonfraternità dlonk ħasbet biex din il-knisja tinbena mill-ġdid
fl-istess post fejn kien hemm il-knisja l-antika, imma din l-art inbiegħet u
nxtrat biċċa art oħra f’ żona li bdiet kull ma jmur tiżviluppa. Il-bini
tal-knisja l-ġdida beda fl-1957 taħt it-tmexxija tal-periti Marco Piloni u
Francesco Giachetti. Fl-1964 din il-knisja saret parroċċa u kienet ikkonsagrata
mill-Arċisqof Paolo Botto fit-23 ta’ Novembru, 1967. Madanakollu l-proġett
tal-knisja ma kienx għadu komplut skont
il-pjanta. Fl-2001 sar it-taraġ ta’ quddiem il-knisja skont il-pjanta oriġinali
biex b’ hekk spiċċa x-xogħol kollu mjaħsub għal din il-knisja.
Il-knisja moderna
fiha tmien faċċati, donnha forma ta’ skorfina jew rotunda. Fuq ġewwa fiha ħitan
b’ pittura u twieqi kbar li jiffurmaw il-ġnub tal-knisja. Fuq nett tal-knisja
hemm il-lanterna li tiġi sewwasew fin-nofs tal-knisja. Fuq il-bieb ta’ barra naraw
l-arma ta’ Ġenova, u l-kelma LIBERTAS. Din hija l-istess arma li konna nsibu
fil-knisja l-antika, ovvjament ġiet irrestawrata. L-istained glass tat-twieqi juru siltiet mill-passjoni ta’ Kristu
filwaqt li l-pitturi monocromatiċi ta’ bejn it-twieqi juru siltiet mill-ħajja
ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Katerina. Xi opri li kien hemm fil-knisja l-antika u
li ma tkissrux bil-gwerra ġew trasportati għal din il-knisja ġdida. Fl-2008 sar
artal ġdid tal-irħam u kien ikkonsagrat fis-26 ta’ April mill-Arċisqof Giuseppe
Mani. Fil-kappelli ta’ mad-dawra tal-knisja insibu xi opri bħall-istatwa
ċkejkna tal-Madonna magħrufa bħala ta’ Adam – statwa li hija vvenerata ħafna.
Xi opri oħrajn li kienu salvati mill-knisja l-antika llum jinsabu fil-mużew
parrokkjali.
Minkejja li l-istil
ta’ din il-knisja ġdida huwa modern ħafna, xorta hija iddedikata lil qaddis
antik. Dan jixhed il-kobor u l-qima ta’ San Ġorġ madwar id-dinja kollha.
Fr. Reno Muscat
Artiklu li deher fil-progreamm maħruġ mill-Għaqda Mużikali u Soċjali Anici - Qormi, Festa 2016
Fr. Reno Muscat
Artiklu li deher fil-progreamm maħruġ mill-Għaqda Mużikali u Soċjali Anici - Qormi, Festa 2016
Nessun commento:
Posta un commento