Ħafna drabi nisimgħu
jew naqraw esperjenzi ta’ rġiel lhud li sofrew bil-liġijiet razzjali maħruġin fis-snin tletin
mir-regim Nażista fil-Ġermanja u minn dak Faxxista fl-Italja.[1] Sa
ftit snin ilu il-kitbiet kollha li kellna dwar l-oppressjoni tal-Lhud fil-pajjiżi b’liġijiet antisemitiċi u dwar dak li ġara fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu kollha
ta’ irġiel. Forsi din il-ħaġa kienet frott tal-mentalità sessista li għandu l-poplu
Lhudi u li kellha d-dinja
kollha sa ftit snin ilu. Sa ftit ilu forsi ftit li xejn
kollna naħsbu dwar dak li għaddew in-nisa Lhud fi żmien l-oppressjoni u aktar u
aktar fil-kampijiet ta’ konċentrament. Sa ħamsin sena wara t-tmiem tal-gwerra konna għadna nimmaġinaw li l-irġiel
Lhud kienu dawk li batew, dawk li mietu taħt in-Nażisti. Imma mhux hekk. Jekk inżommu li nofs is-sitt
miljun ruħ li mietu fl-olokawst kienu nisa, ma jistax jonqos li dawn batew
ukoll.
Nitolbok,
agħmel xi ħaġa,
tgħallem il-passi
ta’ żifna,
xi ħaġa li tiġġustifika l-eżistenza tiegħek,
xi ħaġa li tagħtik id-dritt
li tilbes ġildek u l-pil ta’ ġismek.
Tgħallem idħaq u imxi,
tgħallem għax mhux ħaġa
sewwa
li bosta mietu
u inti tgħix
u ma tagħmel xejn b’ħajtek.
Din hija poeżija ta’
Charlotte Delbo, Lhudija li rnexxielha tgħix wara l-esperjenza xejn sabiħa ġewwa l-kamp ta’
Auschwitz. Għaddew bosta snin sakemm Delbo bdiet tippubblika il-memorji koroh
tagħha. L-esperjenza qarsa tagħha riedet taqsamha mal-bnedmin l-oħra sabiex tħajjarhom jieħdu dak
kollu li
jistgħu minn ħajjithom. Delbo rat eluf
ta’ nisa Lhud, bħalha, li f’ Auschwitz ħallew ħajjithom u ma setgħux jiżfnu, jidħqu jew jimxu aktar.
Awtriċi Lhudija oħra
li rnexxielha tibqa’ ħajja wara l-moħqrija tal-getto ta’ Lodz fil-Polonja u tal-kampijiet
ta’ konċentrament ta’ Auschwitz, ta’
Neuengamme u ta’ Bergen-Belsen hija Lucille Iechengreen. Kellha tminn snin meta Hitler
sar mexxej tal-Ġermanja. Hija kienet tgħix f’ Hamburg. Kellha għoxrin sena meta
l-alleati ħelsu lilha u lil dawk li kienu għadhom ħajjin minn taħt idejn in-Nażisti.
Iechengreen, xebba Landau, tiddeskrivi dawn it-tnax-il sena bħala snin ta’
orruri, ta’ privazzjoni, ta’ umiljazzjoni u ta’ ġuħ. Forsi ħadd daqsha ma jista’
jiddeskrivi dak li għaddew minnu n-nisa Lhud taħt is-suldati tal-S.S.. Imwielda
minn ġenituri Polakki, tgħid illi
missierha, Beno, inqatel fl-1941 f’ Dachau filwaqt li ommha, Sala, mietet bil-ġuħ
fil-getto ta’ Lotz fl-1942. Kellha oħtha iżgħar minnha, Karen li kienet
mibgħuta f’ kamp ta’ konċentrament fejn inqatlet fl-1942.
L-ewwel memorji ta’
Iechengreen kienu ppubblikati fl-1994 (kważi ħamsin sena wara t-tmiem tat-tieni gwerra dinjija) fil-ktieb tagħha Ashes to Life.[2]
Hija tirrakkonta l-attroċitajiet li saru man-nisa Lhud fil-getto ta’ Lotz fil-Ktieb tagħha Romkowski and the orphan of Lodz.[3]
It-tielet ktieb tagħha jiddeskrivi tajjeb ħafna t-tbatija fil-getto ta’
Lods u aktar tard fil-kampijiet ta’ konċentrament li soffrew bosta nisa. Dan
il-ktieb igib l-isem Haunted Memories.
[4]
Meta l-Lhud bdew
ikunu imġegħlin iħallu djarhom u jinġabru f’żona magħluqa għalihom, f’dak li jissejjaħ il-getto, il-ħajja tagħhom
bdiet kull ma jmur tmur għall-agħar. Minkejja li kienu jkunu Lhud bejniethom,
il-ħajja xejn ma kienet pjaċevoli. Fil-getto, il-Lhud kien ikollhom jgħixu fi djar żgħar u ġieli l-istess kamra kien ikollha tinqasam ma’ nies oħra.
[...] Ix-xemx kienet tiżreġ, it-toroq kienu
dojoq, dojoq ħafna, mimlijin trab u l-ilma
maħmuġ kien jiġri mal-ġnub tat-triqat. Kien il-bidu tal-ħarifa u s-sħana kienet
qegħda tagħmel tagħha waqt li kienu qegħdin ikaxkruna lejn il-getto. (ta’ Lodz)
Tlabna ftit ilma u ħallewna nieqfu ftit
f’ bitħa sakemm nixorbu. Ersaqna
lejn il-vit tal-ilma u bdejna nixorbu direttament minn idejna magħmulin forma
ta’ bieqja.[5]
Din hija x-xhieda
ta’ Iechengreen ta’ meta hija flimkien ma’ ommha u oħtha kienu meħudin mis-suldati Nażisti
fil-getto. Dan ma kienx il-bidu. F’ Ottubru tas-sena 1938 missierha kien
arrestat u minn Hamburg kien deportat lejn il-Polonja. Mar lura lejn daru f’
Mejju tas-sena ta’ wara. Ma damx wisq igawdi l-familja għax f’ Settembru kien
mibgħut f’ Dachau. Martu u ż-żewġ uliedu bniet spiċċaw waħedhom imma kellhom it-tama li għad jerġgħu jingħaqdu bħala familja.
It-tama baqgħet fiergħa għax Beno miet fil-bidu tas-sena 1941 bla ma kellu
x-xorti jerġa’ jara lil martu jew lil uliedu.
Il-ħajja fil-getto
ta’ Lodz xejn ma kienet waħda faċli. L-awtriċi tgħid li kien hemm ċertu Chaim Rumkowski li jmexxi kollox fil-getto. Jekk
kien jikteb isem xi ħadd fuq il-lista tad-deportati kien ifisser mewt garantita.Kien Lhudi huwa wkoll. In-Nażisti kienu poġġew lilu bħala mexxej tal-getto u ftit li xejn kienu jħabblu moħħhom x’kien jiġri. In-Nażisti qatt
ma taw widen għall-kliem il-Lhud magħluqin fil-getto; miżmumin hemm ġew bil-forza
tal-armi. « [...] kien spazju żgħir imdawwar minn fildiferru jxewwek, bi kmamar
ċkejkna
tal-għassiesa, miżbugħin ħomor u bojod, madwar il-getto: is-suldati Ġermaniżi jimxu dritti ’l quddiem u lura
bl-azzarini wara daharhom, b’għajnehom miftuħin għal kull ċaqlieqa tagħna. »[6]
«Malajr kbirt f’ dawk it-tliet snin. Tgħallimt
xi tfisser tbati. Sirt naf xi tfisser il-forza, il-ħbiberija, il-biża’ il-ġuħ. Il-Ġermaniżi kienu ħallewna f’din
il-biċċa
art minsija minn Alla sabiex iħalluna mmutu. Fil-getto ta’ Lodz konna naħdmu għalihom. Kienu
jwegħduna l-ikel imma s-sehem tal-ikel li kienu jagħtuna kien kemm wieħed jgħix. Jum wara
jum kienu jmutu bit-tifojder, bid-disenterija, u l-parti l-kbira minna, anke jekk
tajjeb jew ħażin għadna ħajjin, konna nbatu l-ġuħ. »[7]
Ix-xhieda ta’ bosta
vittmi li għexu fil-getto ta’
Lodz u li rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara l-olokawst turi kemm kien
bniedem bla qalb dan Rumkowski. Qabel ma nħoloq il-getto ta’ Lodz, huwa
kien direttur ta’ orfanatrofju. Jingħad li kien jabbuża b’mod regolari mit-tfal żgħar, subien u
bniet. Kien Lhudi wkoll u għalhekk in-Nażisti poġġew lilu bħala kap tal-getto
sabiex joħolqu aktar mibgħeda u firda bejn l-imsejkna kreaturi ta’ ġewwa l-getto.
Forsi l-ktieb ta’ Iechengreen, Rumkowski
and the Orphan of Lods, jiffoka fuq l-atti krudili ta’ din il-persuna, imma
ma kienx hu biss li japprofitta ruħu min-nisa tal-getto. Kienu Lhud stess li japprofittaw minn ħuthom Lhud. Araw
kemm spjegat sewwa din is-sitwazzjoni Iechegreen:
In-nisa fl-Ewropa, fis-snin tletin u anke
wara, kienu ċittadini tat-tieni klassi.
Kienu jaħdmu bħala infermiera, segretarji, għalliema, nisa tad-dar, imma qatt ħadd
ma kien jaħseb li jara mara tmexxi uffiċċju
jew fabbrika jew li tkun kap ta’ ġemgħa ħaddiema.
Madanakollu fil-getto ta’ Lodz, bejn l-1940 u
l-1944, ħin bla waqt inbidel kollox ta’ taħt
fuq. Għall-ewwel darba, daqs li kieku xejn, in-nisa sabu rwieħhom mexxejja ta’ fabbriki, uffiċċji, kċejjen u ta’ kull qasam ieħor fil-ħajja
tal-getto. Kienu nisa kapaċi, intelliġenti, ħabrieka u
ambizjużi. Riedu
jibqgħu ħajjin. Riedu li tal-anqas ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq parti minn ħajjithom, f’kondizzjonijiet li
kienu ’l bogħod ħafna minn dawk normali. U rnexxielhom. Saħansitra l-irġiel, b’attenzjoni u kontra qalbhom,
ikollhom jammettu li dawk in-nisa li jilħqu
f’xi post ta’ tmexxija, jispiċċaw biex
imexxu b’ mod aktar effiċjenti,
isiru esperti u jsiru kapaċi jaħdmu aħjar minnhom.
Eżatt bħall-irġiel,
huma wkoll kienu jimxu bil-favoriżmi, imma
lil dawk li kienu jipproteġu kienu
aktarx dejjem irġiel u rari li dawn in-nisa kienu jgħinu jew iduru ma’ nisa oħrajn.
Intbaħt meta kelli sittax-il sena, kont bdejt
infittex xi xogħol f’ xi fabbrika. Xogħol ikun xi jkun. In-nisa lanqas biss
kienu jaħlu l-ħin jisimgħu xi rrid. Id-diriġenti rġiel bil-kontra, dlonk kienu jkunu lesti li jħaddmuni
magħhom. Il-mistoqsija waħdanija li
kienu jagħmuli kienet: «X’lesta ttini bi tpattija?» Bla esperjenza u bla ħażen ta’
xejn, kont inwiegeb: «Ma għandix
flus, ma għandix ġojjelli.
Tassew ma għandi xejn ta’ valur.» Id-daħq
li kienu jidħqu wara t-tweġiba tiegħi kienet tħallinni mħawda. Ma
kontx nista’ nifhem. Kellha tgħaddi sena fil-getto sabiex tgħallimt kif jimxu l-affarijiet: jekk titlob pjaċir, trid tkun lesta tintelaq biex tagħmel is-sess.
Sempliċi.
[...] Fost niesna, minn Rumkowski sa sid il-ħanut taż-żebgħa, is-sess issa kien meqjus bħala mezz ta’
tpartit. Imma mhux ilkoll kellhom xewqa li ‘jpartu’. Xi wħud minna preferew imutu bil-ġuħ. [8]
Bosta nisa Lhud li wara
l-gwerra irnexxielhom isalvaw mill-ħruxija Nażista, jgħidu li baqgħu jħossu s-sens ta’ ħtija ġewwa fihom ta’ dak li għamlu. Imma
għall-mara
Lhudija
tal-getto l-għażla kienet waħda: jew toffri ġisimha għall-użu ta’ dawk li jikkmandaw jew tmut bil-ġuħ u magħha jmutu wliedha.
Il-ħajja tan-nisa
fil-getto kienet waħda miżera, imma meta titqabbel mal-ħajja fil kamp ta’ konċentrament wieħed
jista’ jgħid li kienet ward u zahar. Araw kif tiddeskrivi Auschwitz l-awtriċi tal-ktieb Haunted Memories: «Auschwitz. L-aktar magħruf,
l-aktar imsemmi fost il-kampijiet tal-qerda: kmamar tal-gass; fran krematorji;
it-tabib Mengele u l-esperimenti mediċi diżumani tiegħu. Ma hemmx kliem li jfisser dak il-post.
Tkellmu ħafna dwaru, inkiteb ħafna dwaru. Kien saħansitra ffilmat. Madanakollu l-ebda lsien ma jista’ jirrakkonta.....»[9]
Il-vjaggi mill-getti
sal-kampijiet ta’ konċentrament kienu vjaggi tal-biża’. Il-Lhud kienu jitgħabbew
fuq karrijiet tal-ferrovija li normalment kienu jġorru l-bhejjem. Elie Wiesel
fil-ktieb tiegħu La Nuit jiddeskrivi
b’ mod ħaj
il-vjagg tiegħu u ta’ eluf ta’ Lhud oħra mill-getto ta’ Sighet fl-Ungerija sa Auschwitz:
L-għada filgħodu imxejna
sal-istazzjon, fejn kien hemm jistennewna għadd ta’ karrijiet li jġorru
l-annimali. Is-suldati Ungeriżi bdew itellgħuna tmenin tmenin f’ kull karru. Ħallewlna
ftit ħobż u xi bramel bl-ilma. Raw li l-istaneg tat-twieqi kienu jagħlqu sew.
Ingħalqu l-karrijiet. Fuq kull karru inħatar wieħed responsabbli, jekk xi ħadd
jaħrab kien jinqatel hu.
Fuq il-bankina kien hemm
żewġ uffiċċjali tal-Gestapo mexjin, kollhom tbissim: il-komplott kien miexi
sewwa.
Tisfira twila ġriet
fl-arja. Ir-roti bdew iduru. Bdejna mexjin.
Ma kienx possibbli li
wieħed jintedd jew li noqgħodu lkoll bilqiegħda. Iddeċidejna li npoġġu
bilqiegħda skont meta jkun imissna. Kien hemm ftit arja. Xortihom tajba dawk li
nzertaw qrib xi tieqa: raw l-irħula mwarrda għaddejjin.
Wara jumejn vjaġġ l-għatx
beda jkiddna. Is-sħana kienet kbira.
Ħielsa minn kull ċensura
soċjali, iż-żgħażagħ tkaxxkru mill-istinti tagħhom u fid-dalma tal-lejl
innamraw f’ nofsna, bla ma biss qagħdu jħabblu rashom minn ħadd, daqslikieku
kienu waħedhom fid-dinja. L-oħrajn għamlu tabirruħom li ma raw xejn.
Kien fadal ftit ikel,
imma ħadd ma kiel sakemm xeba’. Dan kien il-prinċipju tagħna, erfa’ għal għada.
Għada jista’ jkun agħar.
Il-ferrovija waqfet
Kashau, belt żgħira fil-fruntiera taċ-Ċekoslovakkja. Allura fhimna li ma
konniex għadna l-Ungerija. Ftaħna għajnejna imma issa tard wisq.
Infetħet il-bieba
tal-karru. Deher quddiemna uffiċċjal Ġermaniż ma’ suldat Ungeriż li beda
jittraduċi dak li kien qiegħed jgħid.
‘Minn issa sejrin tgħaddu
taħt l-awtorità tal-armata Ġermaniża. Min fadallu deheb, flus, arloġġi irid
jgħaddihom f’ idejna issa. Min jinqabad b’ dawn l-oġġetti wara jiġi maqtul
fil-post. Min ikun iħossu mhux f’ siktu jittieħed fil-vaġun-sptar. Dak kollox.’
Is-suldat Ungeriż għadda
minn nofsna b’ ċistun sabiex jiġbor l-aħħar ġid ta’ dawk li ma riedux jisimgħu
aktar bit-togħma morra tat-terrur.
‘Qegħdin tmenin f’ kull
karru’ qal l-uffiċċjal Ġermaiż. ‘Jekk jonqos xi ħadd, tmutu lkoll, bħal
klieb...’
Telqu. Il-bibien ingħalqu
mill-ġdid. Dħalna f’ nassa. Id-dinja kolla spiċċat fuq dan il-karru magħluq.[10]
Wiesel, dak iż-żmien tfajjal ta’ ħmistax-il sena, jiddeskrivi fuq fuq
il-wasla f’ Auschwitz:
L-oġġetti għeżież li
ġarrejna magħna ħallejniehom fil-karru, u magħhom ħallejna it-tamiet kollha
tagħna.
Kull żewġ metri kien hemm
suldat tal-S.S., bl-azzarin ippuntat lejna. Hemm id f’ id imxejna wara l-folla.
Wasal uffiċċjal tal-S.S.
bil-lembuba f’ idu. Ordnalna:
‘L-irġiel fuq ix-xellug u
n-nisa fuq il-lemin!’
Erba’ kelmiet
indifferenti, bla ebda emozzjoni. Erba’ kelmiet qosra u sempliċi. Imma kien
il-waqt li ħallejt lil ommi. Lanqas biss kelli l-ħin naħseb li ma ħassjetx id
missieri fuq spallti; bqajna waħedna. Għal sekonda stajt nara lil ommi, lil
ħuti sejrin lejn il-lemin. Zipporà żammet id ommi. Rajthom jitbiegħdu, ommi
tmelles ix-xagħar isfar ta’ oħti, donna biex tipproteġiha, u jien miexi ma’
missieri, mal-irġiel. U ma kontx naf li dak il-ħin, f’ dak il-post, kont
qiegħed nitlaq lil ommi u lil Zipporà għal dejjem. Komplejna nimxu. Missieri
żammli idi.[11]
Kif il-priġunieri kienu jaslu fil-kamp ta’ konċentrament kienu jitneżżgħu
minn ħwejjiġhom u jekk ikun fadal min għandu xi ħaġa ta’ valur kienet tittieħidlu.
Imbagħad kienu jintgħażlu; min jiflaħ jaħdem kien jintbagħat fil-kamp u min ma
jiflaħx kien jispiċċa fil-kamra tal-gass. Il-Ġermaniżi ma kienux sejrin iħallu
nies mhux tajba għax-xogħol jieklu ta’ xejn. Anke n-naqra ilma b’ biċċtejn ġidra
fiha, li kienet tissejjaħ soppa, kienet biss għal min jiflaħ jaħdem. Wara l-eżami
mediku kienu jinħaslu u jitqaxxrilhom xagħarhom. Dan ir-ritwal kien isir ma’
kull min kien jasal f’kamp ta’ konċentrament u ma kienx hemm distinzjoni bejn irġiel
u nisa. Forsi it-tqaxxir tax-xagħar tal-irġiel kien ħaġa aċċettata imma fuq
in-nisa kienet ukoll sinjal ta’ umiljazzjoni. Xi nisa kienu jakkwistaw privileġġ
li xagħarhom ma jitqaxxarx sal-qurriegħa bħal ta’ nisa oħra imma kien
jinqatalhom sa nofs għonqhom. Ovvjament dan il-pjaċir kien jitħallas bi pjaċiri
oħrajn. Araw kif jiddeskrivi lill-bniedem ġewwa kamp ta' konċentrament Primo
Levi, awtur Lhudi ieħor li bħal Wiesel huwa meqjus bħala klassiku
fil-letteratura tax-Shoa, fil-ftuħ tal-ktieb tiegħu: Se questo è un
uomo.[12]
Intom li tgħixu mkennija
Ġewwa djarkom imsaħħnin.
Intom li x’ħin terġgħu
lura filgħaxija ssibu
Ikel sħun u wċuħ maħbuba:
Li jaħdem fit-tajn
Li ma jafx bi sliem
Li jissielet għal-loqma
ħobz
Li jmut minħabba Iva jew
Le.
Aħseb ftit jekk din hijiex
mara,
Bla xagħar u bla isem
Mingħajr saħħa li
tiftakar.
Vojta għajnejha u biered
il-ġuf
Donnha żrinġ fix-xitwa.
Aħseb sew fuq dak li
ġara:
Qiegħed ngħidilkom dan
il-kliem.
Onqxuh f’ qalbkom
Id-dar, fit-triq,
X’ħin torqod, x’ħin tqum;
Tennieh lill-uliedek
Għax jekk tispiċċa darek,
Jew ’k iżommok il-mard
Uliedek għad idawru
wiċċhom minnek.
Lucille Iechengreen fid-deskrizzjoni tagħha ta’ Auschwitz semmiet lit-tabib
Mengele, magħruf bħala l-anglu tal-mewt. Huwa kien jagħmel esperimenti diżumani
fuq nisa tqal, tewmin, inkapaċitati. Hu biss kien jiddeċiedi min kellu jgħix u
min kellu jintbagħat fil-kamra tal-gass.
«F’ Auschwitz l-akbar żball li mara setgħet tagħmel kien li
tinqabad tqila. Jien (it-tabiba Gisa) kont nagħmel parti minn grupp ta’ ħames
tobba u erba’ infermiera. Kemm sogħob
bija li mort ngħid x’kienet il-professjoni tiegħi! [...] Dak il-monstru
kien jordnali niktiblu min kienu n-nisa li kienu ħarġu tqal. L-għan waħdieni
tiegħu kien li jużahom għall-esperimenti mediċi tiegħu, u fl-aħħar jispiċċaw
maqtulin kemm l-omm kif ukoll it-tarbija.»[13]
L-awtriċi tkompli tgħidlina li darba waħda ġriet
il-kelma li tfajla fil-kamp ta’ Auschwitz ħarget tqila aktarx minn suldat
tal-S.S. It-tabiba Gisa wettqitilha abort sabiex tevita li kemm hi kif ukoll
it-tarbija jispiċċaw taħt idejn it-tabib Mengele u wara it-tnejn mejtin. L-operazzjoni
kienet riskjuża minn kull naħa. Kieku kellha tinqabad it-tabiba twettaq abort
kienet tiġi fi nkwiet kbir, u l-akbar inkwiet kien jitħallas bil-mewt. Min-naħa
l-oħra l-operazzjoni klandestina kienet issir f’ xi post xejn nadif, fejn la
kien ikun hemm tajjar la garez u lanqas faxex. Mara li kienet tgħaddi minn
abort bħal dan kienet titniżżel li għandha bornkite sabiex tagħmel jumejn
fis-sodda, imma mat-tielet jum kienet terġa lura lejn xogħolha. Aborti bħal dan
saru ħafna. Mara tqila f’ Auschwitz kienet taf x’ kien it-tmiem tagħha u
tat-tarbija tagħha.
In-nisa
fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu wkoll imġiegħlin jaħdmu manwalment, ħafna drabi xogħol
iebes. Mhux biss kienu jieħdu ħsieb inaddfu l-kwarteri tagħhom u tas-suldati, imma Iechengreen
tgħidilna wkoll li bosta drabi wara xi ħbit mill-ajru mill-qawwiet tal-aleati, kienu jittieħdu fil-post fejn
ikun ġarrab
l-attakk sabiex ineħħu min-nofs il-ġebel u t-terrapien li jkunu waqgħu. Dan ix-xogħol kien isir kollu
bl-idejn u mingħajr għodda kif ukoll mingħajr ilbies adattat. Tkompli tgħid l-awtriċi li ġieli wettqu xogħol bħal
dan waqt li kien nieżel is-silġ, u ovvjament bl-istess ċraret li kienu jilbsu fil-kamp ta’ konċentrament.
Ma nistgħux nitkellmu dwar nisa fil-kampijiet ta’ konċentrament u ma
nsemmux mara li saret magħrufa fil-Knisja Kattolika bħala martri tal-mibgħeda
razzista. Qegħdin nirreferu għal Santa Tereża Benedetta tas-Salib, aktar magħrufa
bl-isem propju tagħha, Edith Stein. Imwielda f’ familja Lhudija fit 12 ta’
Ottubru, 1891, ġewwa Breslavia, dak iż-żmien parti mill-Ġermanja, illum
il-Polonja, studjat taħt il-filosofu magħruf Edmund Hussler. Fl-1916 kisbet
dottorat fil-filosofija. Kienet tammira bil-kbir il-ġenjalità ta’Heidegger u
spiss kienet titkellem dwar il-filosofija tiegħu u meta ħasset li kellha
tikritika l-ideat tiegħu ma ddejqitx tagħmel dan. Bdiet tistudja sewwa lil San
Tumas ta’ Akwinu u dan kien pass deċiżiv sabiex tħalli l-fidi Lhudija u tħaddan
dik Nisranija. Tgħammdet f’ Jannar tal-1922. Ħdax-il sena wara daħlet soru
Karmelitana. Fl-1936 kienet lestiet il-kitba filosofika tagħha, Essere finit u Essere etern, imma l-ebda
dar tal-pubblikazzjoni ma riedet tippubblika xogħol waħda Lhudija. Li dan
ix-xogħol ikun ippubblikat b’isem falz kienet ħaġa inaċċettabbli. Fl-1938
is-sitwazzjoni fil-Ġermanja kienet gravat ħafna u lanqas il-ħitan għolja
tal-monasteru Karmelitan ma kienu qegħdin joffru kenn biżżejjed għall-imsejkna
soru ta’ nisel Lhudi. Intbgħatet f’ monasteru ġewwa Echt l-Olanda sabiex taħrab
mill-persekuzzjoni Nażista. F’ Lulju tal-1942 l-isqfijiet Olandiżi ħarġu
stqarrija kontra l-persekuzzjoni tal-Lhud. Ir-risposta għal dan id-dokument
min-naħa tal-gvern ta’ Hitler kienet id-deportazzjoni tal-Insara Olandiżi ta’
nisel Lhudi. Ma’ dawn kien hemm Stein! Telqet flimkien ma’ bosta Lhud oħra minn
Echt nhar is-7 ta’ Awwissu. Waslu Auschwitz jumejn wara. Mal-wasla tagħhom,
Stein flimkien mal-parti l-kbira tan-nisa li keinu għadhom kif waslu hemm
ittieħdu fil-kamra tal-gass. Kien id-9 ta’ Awwissu, 1942. Is-soru kellha ħamsin
sena. Fil-11 ta’ Ottubru, 1998, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjaraha qaddisa,
martri tal-fidi u sena wara kienet iddikjarata ko-patruna tal-Ewropa flimkien
ma’ Santa Katarina ta’ Siena u Santa Brigida tal-Isvezja. [14]
Miljuni ta’ nisa
Lhud għaddew minn dawn it-tbatijiet. Statistika uffiċċjali ma għandniex għax
l-iskop ewlieni tan-Nażisti mmexxijin minn Adolf Hitler kien li jeqred il-ġens Lhudi minn wiċċ id-dinja u mhux li
jżomm
statistika ta’ kemm naqqas minnhom. Imma jekk nofs dawk li nqatlu fl-olokawst kienu
nisa allura n-numru jitla’ għal madwar tliet miljuni jew fuqhom. Ftit kienu
dawk li ħelsuha, u llum xi wħud minnhom qegħdin jiktbu dak li għaddew minnu sabiex id-dinja tkun taf
kemm soffrew in-nisa fil-kampijiet tal-qerda. Angela Bianchini, Marina Jarre, Giacoma Limentani, Lia Levi, Edith Bruck, Liana
Millu, Lidia Beccarla Rolfi huma nisa Lhud kittieba tal-esperjenzi tagħhom
fil-kampijiet ta’ konċentrament.[15] Kitbu
jew qegħdin jiktbu llum sabiex jagħtu xhieda tat-tbatija li għaddew minnha
ħtija ta’ filosofija żbaljata, ħtija ta’ ideoloġija ta’ qerda. Kitbu jew qegħdin
jiktbu llum għax għada jkun tard wisq. Kitbu jew qegħdin jiktbu huma għax huma kienu
hemm. Kienu huma li daqu l-imrar tal-mibgħeda razzista, kienu huma li raqdu u
qamu mal-mewt. Kitbu jew qegħdin jiktbu llum għax għada d-dinja ma temminx.
[1] […] nel 1933, la
legislazione nazista negò ai “non ariani” (ebrei in prima linea) il pieno
godimento dei diritti politici, l’ammissione ai pubblici uffici, il diritto di
unirsi in matrimonio con i tedeschi “ariani” e così via. Anche nell’Italia
fascista, a partire dal 1938, vennero introdotti discriminazioni antisemitiche:
allontanamento dall’insegnamento e dagli uffici pubblici degli ebrei italiani,
espulsione degli ebrei stranieri, ecc. A. Boroli, <RAZZISMO>, in
Universo, De Agostini S-p.A., Novara, 1966, vol X, p 290.
[3] Ippubblikat l-ewwel
darba minn Mercury House Publications ġewwa San Francisco, California fis-sena
2000.
[5] Iechengreen L., Le donne e
l'Olocausto - Ricordi dall'inferno die lager, Trad. Buonanno E., Marsilio
Editori, Venezia, 2012, p. 53.
[14] http://www.filosofico.net/edithstein.htm
[15] SERKOWSKA, H. La Shoah ha un genere? Il caso di alcune scrittrici ebree di lingua Italian, Utrecht Publishing &
Archiving Services, 2007. P. 201‐216.
Fr. Reno Muscat OP
Dan l-Artiklu deher fil-perjodiku Knisja 2000, Pubblikazzjoni Dumnikana numru 101
Nessun commento:
Posta un commento