sabato 16 maggio 2015

Etika u edukazzjoni

Etika hija kelma ġejja mill-Grieg antik li tfisser il-karattru, id-drawwiet, il-mod kif wieħed iġib ruħu. Etika hija wkoll fergħa tal-filosofia li tistudja l-morali. Mill-etika joħorġu bosta friegħi oħra bħal pereżempju il-Bioetika, li hija l-mod li wieħed għandu jġib ruħu dwar il-ħajja. Edukazzjoni jew il-verb teduka ġej mill-kelma Latina educere li tfisser toħroġ dak li hemm ġewwa. Ma tridx wisq biex tinduna li hemm rabta bejn l-etika u l-edukazzjoni.

Influwenza Brittanika
F’ pajjiżna, kull fejn iddawwar wiċċek għandek tara xi ħaġa li tfakkrek li għal 164 sena konna kolonja Brittanika. Minkejja li ftit għadhom jintuża it-telefon pubbliku, għax illum kulħadd bil-mobile, għadna naraw xi gabbana tat-telefon ħamra ’l hawn u ’l hemm. Il-kaxxi tal-posta għadhom ħomor u xi wħud minnhom għad għandhom fuqhom l-arma tar-re jew ir-reġina tal-Ingilterra. Biżżejjed tara s-sewqan tal-karozzi, insuqu fuq ix-xellug tat-triq mhux bħal bosta pajjiżi oħrajn. Kliemna fih bosta Ingliżati, mhux bi ksuħat imma għax hekk imdorrijin. In-numru tal-karozza tal-linja, in numri tat-telefon u l-prezzijiet kollha bl-Ingliż inlissnuhom. Dan ma nagħmluhx bi ksuħat imma għax hekk joħorġu b’ mod spontanju.

Xi ħbieb tiegħi, li ma humiex Maltin, spiss jiċċajtaw u jgħiduli li aħna Brittaniċi u mhux Maltin. Wieħed minnhom meta ġie l-ewwel darba Malta, ftit wara l-wasla tiegħu staqsieni fejn hu l-Big Ben għax kollox kien qisu l-Ingilterra. Ħabib ieħor qalli li ma kienx jaf li aħna nsuqu fuq “in-naħa żbaljata tat-triq”, bħalma jagħmlu fl-Ingilterra. Ċajt ħelu li jġiegħlek tifhem li hemm influwnza Brittanika qawwija f’ pajjiżna u li għandna mnejn lanqas nindunaw biha għax aħna mdorrijin fiha.

Etika Brittanika
Il-mod kif persuna Brittanika normalment iġġib ruħha nafuh sewwa u ma hemmx għalfejn noqgħodu ngħidu wisq dwar il-gentleman Ingliż. Minkejja t-temprament mediterranju tagħna, minkejja li aħna l-Maltin inġenerali qatt ma lħaqna l-livell tal-gentleman Ingliż, lanqas nistgħu ngħidu li ċertu komportament ma tgħallimnihx minn dawk li mexxewna għal tant snin. Il-gentleman Ingliż jinża’ l-kappell biex isellem, il-Malti ma jġorrx kappell allura ma jistax jinżgħu, imma jaf isellem bl-akbar edukazzjoni xorta waħda. Fejn jidħol etikett fil-pubbliku ħadna ħafna mill-Ingliżi.

Fil-pubbliku
Fi ċkuniti, minkejja li ma konniex għadna kolonja, kellna bosta tagħlim dwar kif għandna nġbu ruħna fil-pubbliku. Lil min għandna nirrispettaw aktar minn ħaddieħor u ħwejjeġ minn dawn. Kienu jgħallmuna li meta tkun qiegħed tistenna fil-kju, għandek toqgħod wara min imissek. Ma nistgħux ngħidu li l-kju Malti xi darba kien perfett bħall-kju Ingliż, imma nsomma, kien hemm min jipprova. Kienu jgħidulna li jekk inkunu fuq tal-linja għandna nċedu postna lill-persuni adulti, lill-anzjani jew lin-nisa tqal.

Illum donnhom dawn id-drawwiet ma għadhomx moda f’ pajjiżna. Tkun fejn tkun, tkun ġo liema kju tkun dejjem issib lil min jipprova jaqbżek. Tkun f’ tal-linja tara anzjani bilwieqfa għax il-postijiet riservati għalihom jittieħdu minn min jiflaħ joqgħod bilwieqfa.
Ma’ każi bħal dawn iltqajt bil-bosta. Tkun tistenna tal-linja, tkun l-ewwel wieħed, tagħmel xi għoxrin minuta u tiġi tal-linja, ikun hemm post għal passiġġier wieħed u jieħdu ħaddieħor li jkun għadu kif wasal u li bil-wiċċ tost kollu jaqbżek. 

Naħseb li anke lilkom ġieli ġralkom hekk.

Maltin u barranin
Din in-nuqqas ta’ etika issir mhux biss mill-Maltin. Bosta barranin jaslu l-aħħar fuq l-istejġ u jitilgħu l-ewwel bil-konsegwenza li jkun hemm min jibqa’ l-art minkejja li jkun wasal qabilhom. Min jaħseb li qiegħed nirreferi għal barranin ta’ karaġġjon skur ikun qiegħed jiżbalja bil-kbir. Ġieli kont fuq stejġ u waqqaft lil xi persuni milli jitilgħu qabel ħaddieħor. Naf li jħarsuli bl-ikrah, imma dik hija l-ġustizzja, dik hija l-etika. Tiskanta kif anke bosta studenti Maltin saru jaġixxu b’ dan il-mod, edukazzjoni ta’ xejn.
Forsi naħsbu li huma l-Afrikani li jmorru kontra dak li aħna mdorrijin bih. Rajt jiena stess Afrikani jċedu posthom lil nies anzjani. Mhux kollha tabilħaqq, imma ma nistgħux niġġeneralizzaw. Rajt ukoll Maltin li jpoġġu fil-post riservat għall-anzjani u ma jqumux meta jkun hemm anzjan bilwieqfa.
Inħoss li f pajjiżna qegħdin nitilfu bosta u bosta minn dak li tgħallimna fi ċkunitna. Hemm bżonn ta’ edukazzjoni mill-ġdid. Hemm bżonn ta’ kampanji edukattivi biex ma mmorrux lura.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 15 ta' Mejju 2015



Nessun commento:

Posta un commento