Wara li l-grupp
leġġendarju The Beatles sfaxxa, il-membri ta’ dan il-grupp baqgħu popolari u
baqgħu attivi fil-qasam mużikali. Forsi l-aktar wieħed mill-erba’ membri li
baqa’ popolari kien John Lennon. Fl-1971 Lenon ħareġ id-diska “Imagine”. F’ din
id-diska l-awtur jipprova jpinġi dinja fejn ma teżisti l-ebda firda, fejn
in-nies kollha tad-dinja jgħixu fis-sliem bejniethom, fejn ma hemmx fruntieri
ta’ ċittadinanza, kulur, qagħda soċjali jew twemmin. Lennon stess stqarr f’ din
id-diska stess li hemm min jaħseb li qiegħed joħlom.
Bla twemmin
Kemm tabilħaqq
nistgħu ngħixu f’ dinja fejn ma jkun jeżisti l-ebda twemmin? Il-bniedem
fin-natura tiegħu huwa spiritwali. Minn skavi li l-bniedem modern sab, sar jaf
kif kien jgħix il-bniedem pre-storiku. Sibna li l-bniedem dejjem kellu kilba
għal-ispiritwalità u għalhekk dejjem fittex dak li hemm il fuq minnu. B’ hekk
twieldu r-reliġjonijiet. Il-bniedem fittex dejjem dak l-essere suprem li huwa
aqwa minnu. Dan l-essere suprem, aħna nsejħulu Alla, ħaddieħor isejjaħlu xi
ħaġa oħra imma huwa dak l-essere li l-bnedmin kollha jħossu li hemm fuqhom.
Għalhekk dlonk
naraw li l-bniedem ma jistax jgħaddi bla twemmin. Xi wħud li jiċħdu l-fidi
tagħhom u jgħidu li ma jemmnu f’ xejn, bosta drabi jagħmlu għadd ta’
kontradizzjonijiet. Wieħed li ma baqgħax jemmen f’ Alla,u ddikjara li ma jemmen
f’ xejn aktar, beda jġorr speċi ta’ midalja tal-ħġieġ marbuta ma’ lazz,
imdendla ma’ għonqu biex skont hu tbiegħdu mir-riżq ħażin u ġġiblu l-fortuna. Kif
jista’ jkun bniedem bħal dan jgħid li ma jemmen f’ xejn? Bniedem bħal dan
jemmen f’ alla li dendel ma’ għonqu.
Il-qrun
Dan ifakkarni
meta dahri spis skonna naraw xi qrun ta’ barri mdendel f’ xi razzett jew f’ xi
bitħa ta’ dar. Konna nemmnu li dan il-qarn seta’ jbiegħdna mill-għajn. Dan
ukoll huwa twemmin popolari li min jaf fejn huma l-għeruq tiegħu. Din tal-qrun
ma hijiex xi ħaġa tagħna l-Maltin biss għaliex anke t-Taljani spiss jagħmlu
forma ta’ qrun bis-swaba ta’ jdejhom biex skont huma jinħelsu mill-mal occhio.
Dan huwa twemmin
li nsibu f’ kull poplu u ġens, min f’ forma u min oħra. Allura jkollna ngħidu
li bniedem bla twemmin ma jistax jinstab għax kulħadd għandu xi forma jew oħra
ta’ alla għalih. Min jipprova jgħid bil-kontra jkun qiegħed jinsa dan l-element
importanti fin-natura tal-bniedem, ikun qed jinsa li l-bniedem fin-natura
tiegħu huwa spiritwali.
Twemmin tal-massa
Maż-żmien
it-twemmin beda jkun organizzat u żviluppaw ir-reliġjonijiet. Illum insibu li
l-akbar reliġjonijiet huma:
Il-Kristjaneżmu, fid-diversi friegħi tiegħu. L-Islam, f’ kull tip tiegħu,
il-Ħinduiżmu u l-Buddiżmu. Kull forma ta’ reliġjon għaqqdet lil dawk li kienu
jħaddnu l-istess twemmin.
Iżda dak li
suppost jgħaqqadna bosta drabi kien l-okkażjoni li jifridna. L-istorja
tgħallimna li kien hemm bosta battalji, ġliediet u gwerer hekk imsejħina
“qaddisa”. Dawn jissejħu hekk sempliċiment għaliex saru f’ isem xi twemmin,
għalkemm l-iskop aħħari aktarx li dejjem kien il-ħtif ta’ xi art, il-konkwista
tal-ġid ta’ xi poplu li jinzerta ma jkollux it-twemmin ta’ xi qawwa akbar
minnu.
Ma jfissirx li
kollox huwa ħażin bejn dawn ir-reliġjonijiet. Illum daħlet sewwa fosta l-idea
tal-ekumeniżmu. Bosta minna niftakru l-laqgħa li kienet saret ġewwa Assisi f’
Ottubru tal-1986. Kienet laqgħa bejn il-mexxejja tar-reliġjonijiet tad-dinja.Dakinhar
kien hemm preżenti il-Papa San Ġwanni Pawlu II.
Laqgħa oħra bħal din saret fl-2011, ġewwa Assisi wkoll, u fiha kien
attenda il-Papa Benedettu XVI. L-għan ewlieni ta’dawn il-laqgħat huwa s-sliem
bejn il-popli kollha tad-dinja. Dlonk naraw ix-xebħ bejn il-ħsieb ta’ John
Lennon u l-iskop tal-laqgħat ekumeniċi.
Fuq skala iżgħar
Il-fridiet ma
jeżistux biss bejn ir-reliġjonijiet iżda anke bejn membri tal-istess twemmin.
Ma mmorrux il bogħod imma nibqgħu Malta. Kemm piki, tgħajjir, insulti u ġlied
ġieli jinqala’ bejn membri ta’ partiti ta’ festi rivali. Il-qaddisin tagħna
suppost jgħaqqduna imma ġieli jintużaw biex jifirdu. Grupp fi ħdan parroċċa
Maltija kiteb messaġġ fuq il-media soċjali biex jawgura l-festa t-tajba
lill-parruċċani tal-parroċċa l-oħra li hemm fl-istess raħal. Imma f’ dan
il-messaġġ isem il-qaddis tal-parroċċa l-oħra qatt ma ssemma. Ftakart
fil-bojkott li kellu isem Eddie Fenech Adami fuq il-mezzi tax-xandir fis-snin
80! Messaġġ bħal dan huwa kosmetiku u juri li fil-qiegħ ta’ qalb dak li jkun
mhux tassew ikun hemm xewqa ta’ festa tajba. Każi bħal dawn aktar jifirdu milli
jqarrbuna lejn xulxin.
Lennon qal li
joħlom li l-popli kollha jgħixu fis-sliem. Oħlom oħlom Ġann! Mhux għax ma
nixtieqx jien ukoll li jkun hawn il-paċi fid-dinja kollha, imma jien forsi realistiku
ftit aktar minn Lennon. Nerġa’ nistaqsi: ir-reliġjon tgħaqqad jew tifred? Tista’
tgħaqqad u tista’ tifred, jalla dejjem tgħaqqad!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 23 ta' Mejju, 2015
Nessun commento:
Posta un commento