L-importanza
tal-konservazzjoni tal-opri artistiċi li fihom
Bejn tmiem Mejju u l-bidu ta’ Ġunju f’ pajjiżna jibda –istaġun festiv, nibdew niċċelebraw il-festi titulari
tal-parroċċi tagħna. Nibdew naraw l-antarjoli jitwaħħlu u l-festuni tad-dawl jiddendlu.
Kollox jibda juri li waslu l-festi li tant ikun hemm min ilu jaħdem għalihom.
Tul is-snin li ilni nikteb f’ dan il-ġurnal, ma għaddietx sena li ma ktibtx
xi ħaġa dwar il-festi, għaliex dawn tant huma vasti li hemm ħafna x’ wieħed
jgħid fuqhom. Barraminhekk dan huwa argument li jolqot lil bosta Maltin. Xhieda
ta’ dan huwa artiklu tiegħi li kien jismu “Referendum dwar il-Festi” li deher
f’ dan il-ġurnal (25 ta' April 2015).
Meta poġġejt dan l-artiklu fuq il-blog tiegħi, in-numru ta’ persuni li daħlu
jaraw il-blog f’ nofstanhar qabeż in-numru li s-soltu jidħlu f’ xahar. Dan juri
l-interess li aħna l-Maltin għandna fejn jidħlu l-festi tagħna u dak kollu
marbut magħhom u kien għalhekk li tħajjart nerġa’ nikteb għax naf li hemm
interess qawwi fihom.
Festi titulari
Illum lanqas nimmaġinaw parroċċa tradizzjonali Maltija mingħajr festa.
Il-festa Maltija llum fiha tiżwieqa ta’ fidi, arti u kultura. Fl-Arċidjoċesi
ta’ Malta għandna madwar sebgħin parroċċa u fid-Djoċesi Għawdxija hemm
ħmistax-il waħda. Huma waħdiet dawk il-parroċċi li ma jiċċelebrawx il-festa
titulari tagħhom. Kien hemm żmien li dawn il-festi kienu jiġu ċċelebrati
fil-jum tal-festa tal-qaddis, imma maż-żmien il-festi bdew isiru fis-sajf meta
t-temp aktar jippermetti. Illum fadlilna żewġ festi parrokkjali li jiġu
ċċelebrati fix-xitwa: San Pawl tal-Belt u l-Kunċizzjoni ta’ Bormla. Minkejja li
llum il-poplu għandu fejn jiddeverti matul is-sena kollha, xorta waħda l-festa
titulari għadna insibuha fuq nett fil-lista tal-festi u okkażjonijiet oħrajn li
jsiru matul is-sena.
Ħela, lussu jew xiex?
Il-festa tal-patrun hija okkażjoni fejn il-Knisja ssir vetrina ta’ opri
artistiċi li missirijietna minn dejjem fittxew li jsebbħu t-tempju ta’Alla
bihom. Fided u dehbijiet, skultura, pittura u x’naf jien. Din il-ħaġa spiss
toħloq lok għal diskussjoni dwar jekk il-Knisja għandiex tbiegħ dawn l-opri
biex bil-flus tagħhom tagħmel karità. Tajjeb ngħidu li dawn l-opri bosta
minnhom huma antiki u l-ebda prezz ma jista’ jitħallas għalihom għax minn banda
għandhom is-snin fuqhom u mill-banda l-oħra dawk l-artisti li ħolquhom ma
għadhomx magħna u lanqas jekk isiru kopji tagħhom ma jkunu qatt ta’ preġju daqs
l-oriġinali. Tajjeb niftakru wkoll li l-benefatturi li ħallsu għal dawn l-opri
għamlu hekk biex dawn jitpoġġew fil-knisja. Jekk jinbiegħu jispiċċaw f’ xi
kollezzjoni privata fejn ikunu jistgħu jitgawdew minn ftit nies biss.
Fil-knisja jkun jista’ jarahom kulħadd.
Punt ieħor hu li dawn l-opri huma wirt kollettiv tal-parroċċa u
l-parruċċani u ħadd ma għandu dritt ibiegħhom jew jiddisponi minnhom għax huma
ta’ kulħadd. Mela nasal biex ngħid li min jgħid li l-opri artistiċi fil-knejjes
tagħna huma lussu, ikun qiegħed iwarrab minn moħħu li dak huwa patrimonju komuni.
Nibżgħu għall-patrimonju
Ladarba dan kollu huwa patrimonju wieħed għadnu jibża’ għalih. Kien proprju
għalhekk li anke l-Unjoni Ewropeja ġieli toffri fondi biex isiru xi restawri fi
knejjes jew xi opri li nsibu fihom. Hemm fejn ikunu l-parruċċani stess li
joħorġu l-flus għal xi proġett ta’ restawr bħal dan.
Min matul dawn l-aħħar xhur mar l-Imdina u għadda minn quddiem il-ħanut
tax-xogħol tal-induraturi li hemm fit-triq ewlenija li tieħdok lejn
il-Katidral, seta’ jinduna li kien qiegħed isir restawr fuq statwa. Forsi min
hu midħla tal-festi u l-knejjes intebaħ, għandu mnejn oħrajn baqgħu għaddejjin
bla ma taw każ. F’ dan il-ħanut tax-xogħol għal dawn l-aħħar xhur kienet qegħda
tiġi rrestawrata l-istatwa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi.
Ta’ Ħal Qormi biss?
Il-Qormin isejħu lil San Ġorġ “Ġorġi tagħna” imma meta jkollok ftit tagħrif
dwar din l-istatwa ta’ San Ġorġ kważi tasal tgħid li llum din l-istatwa ma
hijiex patrimonju tal-Qormin imma ta’ Malta kollha. Din hija statwa li riesqa
lejn it-tielet seklu tal-eżistenza
tagħha u għalhekk hija waħda mill-ewwel li saret. Aktarx hija t-tieni waħda
għax l-ewwel waħda hija dik ta’ San Nikola tas-Siġġiewi. Tnaqqxet ġewwa
pajjiżna stess minn artist Malti u għalhekk l-istess bħall-istatwa ta’ San
Nikola hija ta’ importanza għall-istorja tal-arti u l-kultura tagħna. Mingħajr
ma noffendu lil Qormin jew lis-Siġġiewin, ngħidu bla tlaqlieq li dak li huma
jgħidu li huwa tagħhom, illum sar patrimonju nazzjonali. Għalhekk tajjeb li
jitħares u jiġi rrestawrat.
Illum ħadt punt ċkejken dwar il-festi – l-importanza tal-konservazzjoni
tal-opri artistiċi li nsibu fihom. Trattajna punt wieħed biss, l-istatwa
titulari, għaliex bħala opri hemm baħar bla qies, opri li huma tiegħi u tiegħek
.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 30 ta' Mejju 2015
Nessun commento:
Posta un commento