Il-benniena
tal-kultura mużikali f’ Malta
Bla ebda dubju, l-akbar għajn ta’ kultura mużikali f’ Malta hija l-każin
tal-banda. Dan ma jfissirx li il-każini tal-banda huma l-uniċi postijiet fejn
tiġi pprattikata l-arti mużikali f’pajjiżna, għaliex għandna l-orkestra
nazzjonali, għandna orkestri oħrajn li jieħdu sehem f’ ċelebrazzjonijiet varji,
għandna gruppi mużikali li xi żmien ilu kienu aktar popolari mil-lum u kont
issibhom f’ kull restaurant f’ Malta. Iżda l-akbar numru ta’ mużiċisti narawh
dejjem fil-baned. Bosta drabi jkunu l-baned li jwelldu l-imħabba lejn il-mużika
u fi ħdanhom bosta jibdew l-ewwel tagħlim mużikali tagħhom. Dan huwa wirt kbir.
Baned

Mhux tat-titular biss
Għandna każi fejn baned ma humiex involuti fil-festa parrokkjali imma huma
l-baned tal-festa sekondarja li toħroġ mill-parroċċa. Għandna mbagħad parroċċi
b’ aktar minn banda waħda li jieħdu sehem fl-istess festa. Għandna realtà oħra
fejn baned kienu mwaqqfin għal festa li ssir fi knisja konventwali li ma hijiex
parroċċa. Għandna każ fejn banda twaqqfet f’parroċċa u bit-twaqqif ta’ parroċċa
ġdida sabet ruħha fil-konfini tal-parroċċa ġdida u għalhekk biddlet il-qaddis
patrun tagħha. It-twaqqif ta’ baned ġodda ma waqafx u sa llum insibu baned li
għadhom fil-bidu tal-ħajja tagħhom.
Nistgħu ngħidu li kull banda Maltija tistenna l-ġimgħa tal-festa sabiex
toffri lill-pubbliku mhux biss il-marċi imma wkoll il-programm mużikali fuq
il-planċier. Bosta drabi dawn il-programmi jsiru lejlet il-festa, imma hemm
każi fejn isiru fl-aħħar jum tat-tridu. Dan il-programm huwa l-post fejn wieħed
jista’ jitpaxxa b’ siltiet mużikali mhux
biss lokali imma anke dawk internazzjonali. Xi drabi f’ dawn il-programmi
jieħdu sehem anke kantanti jew korijiet. Huma l-parti “gala” tal-festa tagħna,
huma s-serati li juru t-talenti tal-mużiċist Malti.
Għaqda Każini tal-Banda
Fl-1947 twaqqfet l-Għaqda Każini tal-Banda biex torganizza aħjar lil dan
is-settur lokali li joffri opportunità fejn wieħed jista’ jiżviluppa t-talenti
mużikali tiegħu. Kull sena din l-għaqda tieħu ħsieb torganizza l-festa ta’
santa Ċeċilja, qaddisa patruna tal-mużika u l-mużiċisti. Din issir fix-xahar
ta’ Novembru u ssir kemm f’ Malta kif ukoll f’ Għawdex. F’ Malta wara li tkun iċċelebrata
quddiesa, jsir marċ minn waħda mill-baned membri fl-għaqda. F’ Għawdex issir
il-quddiesa imma ma jsirx marċ. Mhux il-baned Maltin kollha huma imsieħba f’
din l-għaqda iżda 95% tal-għaqdiet mużikali huma membri.
Nisa fil-banda

Attivitajiet mhux mużikali
Illum il-baned ma għadhomx attivi biss fil-jiem tal-festa. L-ewwel ħaġa
biex jinġabru l-flus għas-servizzi li jsiru fil-festa jkollhom isiru
attivitajiet is-sena kollha u t-tieni ħaġa hi li llum il-każini tal-banda saru
għaqdiet soċjali. Isiru wkoll għadd ta’ attivitajiet ta’ benefiċenza
organizzati minn dawn is-soċjetajiet. Il-każini huma l-benniena tal-mużiċisti
Maltin, imma mhux biss, huma jagħtu opportunità fejn bosta jistgħu jiżviluppaw
it-talenti kulturali tagħhom anke jekk ma jkunux talenti mużikali. Hija ħasra
li xi kultant jiġru xi inċidenti li jitfgħu dell ikrah fuq dawn is-soċjetajiet
imma 99% tal-każi, dawn l-inċidenti ma jsirux ħtija ta’ membri tal-każin imma
minn min qatt ma jkun jersaq lejn is-soċjetà.
Dan huwa parti mill-wirt kulturali ta’ pajjiżna għalhekk tajjeb nibżgħu
għalih sewwa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 6 ta' Ġunju 2015
Nessun commento:
Posta un commento