venerdì 26 giugno 2015

Verba volant, scripta manent

Ir-Rumani kellhom qawl li kultant għadna nużawh aħna wkoll: Verba volant, scripta manent. Nistgħu ngħidu li dan il-qawl ifisser li l-kliem itir, jiġifieri jintesa u jintilef imma l-miktub jibqa’ għal dejjem. Tabilħaqq huwa minnu dan il-qawl u tinduna bil-ħtieġa tal-kitba meta tkun qed tfittex xi tagħrif u ssib nuqqas ta’ kitba. Mhux ta’ b’ xejn, minkejja li l-mezzi għall-kitba fi żmien ir-Rumani ma kienux bħal dawk tal-lum, xorta kienu għorrief biżżejjed biex b’ mod jew ieħor isibu kif dak li huwa mportanti jiktbuh.

Aktarx li dan il-qawl kien qalu Caius Titus waqt li kien qiegħed jindirizza lis-Senat ta’ Ruma. Huwa qalilhom li l-kliem mitkellem aktarx jintesa imma dak miktub jibqa’ iddokumentat għal dejjem. Illum għadna nsegwu dan il-parir u meta żewġ persuni, jew aktar, ikunu ftehmu fuq xi ħaġa, dritt iniżżlu dak il-ftehim bil-miktub, jagħmlu kuntratt, għaliex ftehim bil-kliem biss ma jdumx ma jintesa.

Quod scripsi, scripsi
Meta tiġi iftħilha l-bieb ngħidu aħna l-Maltin u la bdejna bil-Latin ftakart fi frażi oħra famuża li kien qalha Ponzju Pilatu u nsibuha mniżżla fl-Evanġelju. Meta fit-tislib ta’ Ġesù, il-Lhud marru għand Pilatu u qaluli li ma kienx imissu kiteb li Ġesù hu s-Sultan tal-Lhud imma li qal li hu s-Sultan tal-Lhud, Pilatu weġibhom u qalilhomm “Quod scripsi, scripsi” – dak li ktibt ktibt! Dak li wieħed ikun kiteb jibqa’ u ma jitħassar ħadd u dak li tkun ktibt ktibt. Huwa għalhekk importatni ħafna li qabel niktbu naħsbu sew fuq dak li nkunu ser niktbu għax għadha mnejn il-kitba tagħna torbotna, għandha mnejn idaħħalna fi sqaq li ma nkunux nistgħu noħorġu minnu, għandha mnejn iġġibna fl-inkwiet. Kuntrarjament għall-kliem mitkellem bla ma jinkiteb, il-kitba hija prova, hija arma li tista’ tintuża favur jew kontra min ikun kitibha.

Nuqqas ta’ kitba
Kultant ikun hemm min ikun qiegħed jagħmel xi riċerka. Biċċa xogħol bħal din tirrikkjedi bosta qari ta’ dak li jkun inkiteb qabel. Jinfetħu kotba li għandu mnejn ikunu ilhom ma jinfetħu jew lanqas qatt ma jkunu nfetħu. Ċerti ħwejjeġ sirna nafuhom b’ kumbinazzjoni għax kien hemm xi ħadd li sab xi ħaġa miktuba fejn forsi qatt ħadd ma basar li se tkun. Fatt bħal dan ġara f’ pajjiżna meta instabet il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru – aktar poeżija antika miktuba bil-Malti li nafu biha. Kieku Mikiel Fsadni ma kienx qiegħed iqalleb faxxiklu b’ ktibiet notarli fuq xogħol ta’ riċerka li ma kellu x’ jaqsam xejn mal-letteratura, ma kienitx tinstab.

Sfortunatament ġieli jkollna nieqfu mir-riċerki tagħna għax ma nkunux nistgħu nsibu aktar kitba, aktar dokumenti li jitfgħu dawl fuq dak li nkunu qegħdin infittxu. Inġib eżempju wieħed biss. Kemm-il darba xi statwa titulari jew tal-Ġimga l-Kbira f’ Malta tkun attribwita lil xi artist għax ħadd ma jkun żgur minn min ikun ħadimha. Dan kollu jiġri minħabba n-nuqqas ta’ kitba. Ilum bosta tagħrif insibu billi nqallbu l-paġni tal-gazzetti antiki fil-bibljoteka, imma l-ħajja tal-gazzetti stampati ma nafx kemm fadliha f’ dinja li kollox sar diġitali! Għalhekk tajjeb li jkun hemm il-kitba għax in-nuqqas tagħha toħloq probelmi ’l quddiem. B’ hekk skantajt u bqajt b’ ħalqi miftuħ meta wieħed mis-superjuri tiegħi xi ftit xhur ilu qalli  li hu ma jqisx il-kitba bħala xogħol. Prosit x’ filosofija dik!

Il-Kavallieri
Pajjiżna huwa iffortunat li kien immexxi mill-Ordni ta’ San Ġwann fi żmien meta beda jsir progeress kbir fid-dinja ċċivilizzata. Il-kavallieri taw kultura Ewropeja lil Malta,  anke jekk forsi mhux lill-Maltin. Dawn il-mexxejja kienu jiktbu kollox u sal-lum għadna nistgħu nistudjaw dak li seħħ fi żmienhom grazzi għall-kitbiet li ħallew. Mhux għax kienu qegħdin jiktbu l-istorja imma kienu qegħdin jagħmlu x-xogħol normali tagħhom ta’ bnedmin iċċivilizzati. Imnalla li s-superjuri tagħhom ma kienux iqisu l-kitba bħala ħela ta’ żmien għax kieku llum għadna fid-dlam dwar dawk is-sekli li mexxewna.

Miż-żewġ naħat
Il-kitba tista’ tkun ukoll mod kif wieħed jirrilassa u kif jista’ jesprimi ħsibijietu, xewqatu, l-ideat u l-ideali tiegħu. Il-kitba tista’ tkun svog, tista’ tkun ta’ għajnuna lill-proxxmu li jkun iħobb jaqra. Jekk ma jkunx hawn min jikteb dak li jkun iħobb jaqra ma jsibx x’ jaqra. Mill-banda l-oħra kieku ma jkunx hemm il-qarrej, il-kittieb jikteb għalih biss.  Għalhekk din hija triq li minnha jgħaddi traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet. Il-wieħed għandu bżonn lill-ieħor. Hu x inhu it-tnejn għandhom bżonn il-kitba, wieħed biex iwassal ħsiebu u l-ieħor biex jara x’ inhu ħsieb ħaddieħor.


Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 27 ta' Ġunju 2015

Nessun commento:

Posta un commento