Il-logħob
tan-nar f’ pajjiżna
Xi ftit ġimgħat ilu, f’ Malta ħareġ rapport li jgħid li l-ammont ta’
perklorat fit-trab ta’ pajjiżna jiżdied fix-xhur tas-sajf, jiġifieri matul
ix-xhur li fihom ikunu ċċelebrati l-festi. Fil-festi tagħna jinħaraq ammont
konsiderevoli ta’ nar u l-perklorat huwa ingredjent importanti fix-xogħol
pirotekniku. Bosta jgħidulek li festa bla nar ma hijiex festa. U tabilħaqq hu
hekk għax illum mhux il-festi parrokkjali biss jaħarqu n-nar imma ma jkollniex
xi attività nazzjonali li fiha ma jkunx hemm il-logħob tan-nar.
Nar
L-arti piroteknika ta’ Malta għadna sal-lum nassaoċjawha mal-festa
titulari. Sa minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, iċ-ċelebrazzjonijiet il-kbar
kienu jkunu akkumpanjati mill-isparar tal-kanuni. Il-Maltin ikkuppjaw din
l-idea u fil-festi tagħhom bdew jisparaw il-maskli. Dawn kienu jkunu
kontenituri tal-metal li jimtlew bil-porvli u jinħarqu waqt il-purċissjoni.
Biż-żmien il-Maltin bdew jitgħallmu s-sengħa tal-piroteknika mingħand sħabhom
Sqallin. Din l-arti tant ipperfezzjonaw fiha d-dilettanti Maltin li naslu
ngħidu qabżu lill-Isqallin.
Bit-teknoloġija moderna din l-arti wkoll kompliet tissebbaħ u llum nistgħu
naraw wirjiet ta’ nar sinkronizzat mal-mużika grazzi għall-apparat
kompjuterizzat li l-għaqdiet tan-nar jinvestu fih.
Ma hemmx warda bla xewka, u f’din l-arti wkoll hemm il-waqtiet tan-niket.
Ġieli nisimgħu bi traġedji fost ħaddiema tan-nar. Dlonk jibdew
id-diskussjonijiet, min jgħid ħaġa u min jgħid oħra. Tajjeb li ma ninsewx kemm
dawn it-talin ikun paxxewna b’xogħolhom.
Ipaxxi l-għajn
Hemm min igorr minħabba l-ħsejjes esegerati li ċerti murtali jagħmlu. Dawn
it-talin spiss ikollhom raġun għaliex mhux kulħadd ikun jiflaħ għal dawk
il-ħsejjes. Meta wieħed ikun għadu b’ saħtu tista’ tgħid li xejn ma jdejqu,imma
meta wieħed jikber u ma jibqax li jkun, kull ħoss jibda jdejqu. Imma l-arti
piroteknika toffri spettaklu ta’kuluri li ma jagħmilx storbju. Il-murtali
tal-kulur huma xi ħaġa li kulħadd jitpaxxa jħares lejhom u dawn ma jagħmlux
storbju bħal mutali oħrajn.
Tant huwa minnu dan li qiegħed ngħid li kull meta jkun hemm xi spettaklu
tan-nar, bħal fil-każ tal-festi nazzjonali li ċċelebrajna s-sena l-oħra kif
ukoll fil-festival tan-nar, dejjem ikun hemm eluf kbar li jmorru biex jaraw dan
ix-xogħol jinħaraq. Illum qisna sirna nistennew li fil-festi jkun hemm xi nar
x’ jinħaraq. In-nar donnu jagħti timbru Malti lill-festi tagħna.
L-ewwel tas-sena
Sa ftit snin ilu f’ pajjiżna ma kellniex il-kultura li l-bidu ta’ sena
ġdida niċċelebrawh fil-pjazez. F’ pajjiżi barranin din id-drawwa hija waħda
antika. Tista’ tgħid li kull fejn ikun hemm ċelebrazzjoni bħal din, issib
il-logħob tan-nar. New Zealand u l-Awstralja huma l-ewwel artijiet li
jiċċelebraw il-bidu tas-sena. Hemmhekk ukoll jinħaraq għadd ta’ nar biex joħloq
atmosfera festiva f’ dan il-lejl. Fl-Italja dan il-lejl ikun iċċelebrat
bil-kbir u fi Sqallija ssir il-festa tan-nar – fejn ovvjament ikun hemm ħafna u
ħafna logħob tan-nar. U xi ngħidu għal Napli. Darba inzertajt f’ din il-belt
fl-ewwel tas-sena. Sa nofsilejl kollox kien kwiet, kultant tisma’ xi tfaqqiegħa
ta’ xi stoppin, f’nofsilejl sewwa jiftħu x-xampajna u minuta wara jibda
spettaklu ta’ nar artifiċjali li ma tistax tiddeskrivih bil-kitba. Qatt f’ħajti
ma rajt daqstant nar. Minn fuq kull bejt jibda jinħaraq nar ikkulurit li fi
ftit sekondi jibdel is-sema mudlam f’ qawsalla ta’ kuluri – xi ħaġa li trid
tkun hemm biex tifhem sewwa. Darba kont Durazzo l-Albanija u tħajjart immur
fiċ-ċentru biex nara kif tibda s-sena hemmhekk. In-nar ma naqasx u kulħadd
kellu f’ idu stoppini li bdew jinħarqu mal-ewwel tokki li ħabbru s-sena
l-ġdida. Il-Millennju bdejtu ġewwa Budapest, l-Ungerija. Xi ġmiel ta’ spettaklu
pirotekniku kien hemm! Ma nistax ninsa l-ispettaklu ta’ dak il-lejl – dawl u
logħob tan-nar. Lejl li ma ninsa qatt - bħalma ma nistax ninsa wkoll li dak
il-lejl kelli nistenna 5 sigħat biex qbadt taxi
biex mort lura l-lukanda għax minħabba l-biża’ tal-millennium bug,
il-ferroviji kienu twaqqfu kollha!
Perklorat
Ir-rapport li sar dwar it-trab f’ Malta jgħid li fis-sajf il-perklorat
jiżdied. Mela dan ir-rapport qiegħed jgħid li l-perklorat jinstab magħna anke
meta ma jkunx qiegħed jinħaraq nar. Allura din il-kimika tinstab ukoll fi
prodotti oħra minbarra x-xogħol pirotekniku. Fl-2008 instab li fuq il-pjaneta
Mars hemmukoll traċċi ta’ perklorat, u fuq Mars ma naħsibx li jinħarqu murtali.
Ma rridx innaqqas il-mertu ta’ dawk li wettqu l-istudju biex taw ir-rapport
dwar it-trab f’ Malta. Anzi, dawn fetħu tieqa fuq din il-problema. Iżda ma
nemminx li għandna nallarmaw iżżejjed lin-nies u lanqas għandna naħsbu li
din hija xi problema tagħna biss.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 13 ta' Ġunju 2015
Nessun commento:
Posta un commento