martedì 23 giugno 2015

Min fejn ħa ismu in-naħa tal-każin

Il-knisja ta’ San Franġisk ta’ Paola f’ Ħal Qormi, kappella li tat l-isem liż-żona magħrufa bħala Fejn San Franġisk. Ninnutaw il-kelma ‘Caritas’ fuq il-fontispizju tal-knisja, il-motto ta’ San Franġisk ta’ Paola.
Fl-ibliet u l-irħula tagħna niltaqgħu ma’ żoni partikolari li jingħataw isem. Ir-raħal tagħna ma huwiex eċċezzjoni u nsibu żoni bħal ‘Ta’ Farsina’, ‘Fejn il-Vitorja’, ‘Fuq tal-blat’, ‘Fejn l-għajn tal-bhejjem’,’ il-Ħandaq’ u nistgħu nibqgħu sejrin. Iż-żona li fiha jinsab il-każin tagħna hija magħrufa bħala ‘Fejn San Franġisk’.

Bla dubju ta’ xejn din l-akkwata ħadet isimha mill-kappella iddedikata lil San Franġisk ta’ Paola. Din hija kappella li nbniet fl-1707 minn ċertu Franġisk Casha li kellu ibnu qassis bl-isem ta’ Ġorġ. Inbniet fuq pjanta ta’ mastru Indri Psaila. Il-bini ta’ din il-kappella kien awtorizzat b’ digriet maħruġ mill-Isqof  ta’ Malta Davide Cocco Palmieri, O.S.Io.Hieros. Il-kappella għadha sal-lum propjetà tal-familja ta’ Franġisk Casha li ħallasha. Knisja li tkun proprjetà privata tissejjaħ ġuspatronat, mil-Latin; jus patronatus, dritt ta’ familja fuq altar, kappella jew knisja bl-obligu li tħarisha, jew aħjar li tieħu ħsieb dak kollu li jkun jeħtieġ.

Din iż-żona hija l-qalba antika tar-raħal ta’ Ħal Qormi u fil-fatt sa ftit snin ilu konna naraw li l-ħajja tar-raħal tagħna ddur kollha kemm hija madwar din il-pjazza. Jingħad li l-ewwel lampa elettrika fit-toroq ta’ raħal twelidna kienet proprju f’ din il-pjazza fl-1927. Il-partiti politiċi kienu jorganizzaw il-mass meetings f’ din il-pjazza u x-xandir tal-aħbarijiet kien jasal permezz ta’ tromba tar-Rediffusion li kien hemm f’ dan il-misraħ. Dan biex ma nsemmux l-armar li bih tkun mimlija l-pjazza fil-jiem tal-festa. Minkejja li l-każin ma jinsabx eżattament fil-pjazza, xorta ngħidu li jinsab ‘Fejn San Franġisk. Ejjew naraw min hu dan il-qaddis li għalih insejħu n-naħa tagħna.

Ngħidu mill-bidu li dan ma huwiex San Franġisk ta’ Assisi imma San Franġisk ta’ Poala. Paola huwa raħal fil-Kalabrija li llum jagħmel mal-provinċja ta’ Cosenza u li llum jgħixu fih ftit aktar minn sittax-il elf ruħ. Il-qaddis li tiegħu ġġib isimha x-xaqliba tal-każin, twieled hawnhekk fis-27 ta’ Marzu tas-sena 1416.

Sa minn ċkunitu Franġisku kien miġbud lejn il-ħajja reliġjuża u għalhekk daħal fil-kunvent tal-Franġiskani ta’ Cosenza. Hemmhekk huwa għadda sena li fiha ħa l-fama ta’ bniedem qaddis. F’ għeluq is-sena l-patrijiet rieduh jibqa’ magħhom imma huwa ried jesperimenta ħajjiet reliġjużi oħra.
Fl-1430 Franġisku mar pellegrinaġġ ġewwa Assisi mal-familja tiegħu. minn Assisi huma marru Loreto, Ruma u Montecassino, postijiet li wkoll jiġbdu bosta pellegrini. Fl-1435 huwa beda l-bini ta’ kappella u tliet dormitorji u beda jgħix ħajja ta’ eremita. Miegħu ingħaqdu xi żgħażagħ oħrajn u dan kien il-bidu tal-ordni reliġjuz imwaqqaf minn Franġisku, l-ordni li jissejjaħ Il-Patrijiet Minimi. L-ordni ħareġ il barra mill-Kalabrija imma qatt ma nxtered wisq. Matul l-ewwel snin tiegħu kien preżenti fl-Italja, fi Franza, fi Spanja u fil-Ġermanja. Illum il-patrijiet Mininmi ta’ San Franġisk ta’ Poala insibuhom fl-Italja, fir-Repubblika Ċeka, fi Spanja, fl-Ukraina, fil-Brażil, fil-Messiku u fil-Kolumbja. Jidher li Malta qatt ma kien hemmpreżenza ta’ dawn il-patrijiet. In-numru ta’ patrijiet fl-Ordn llumi huwa ta’ madwar 180, numru ċkejken meta mqabbel ma’ n-numru ta’ patrijiet f’ordnijiet oħrajn bħall-Franġiskani jew id-Dumnikani. B’ kollox għandhom 21 dar jew kunvent f’ dawn il-pajjiżi li semmejna. Il-motto ta’ San Franġisk ta’ Paola u tal-Ordni tal-patrijiet imwaqqaf minnu,  huwa il-kelma ‘Caritas’ . Fil-fatt din il-kelma insibuha minquxa fil-fontispizju tal-knisja tiegħu li għandna f’ Ħal Qormi.

Iċ-ċoqqa ta’ dawn il-patrijiet hija sewda jew kannella skura ħafna bil-kapoċċ u b’ċinglu iswed ma’ qaddhom li jkun fih ħames għoqiedi. Fuq għandhom skapular qasir. Dan huwa l-abitu li ried li jilbsu San Franġisk ta’ Paola u hekk għadhom jilbsu l-patrijiet tiegħu llum.

San Franġisk miet fil-belt Franċiża ta’ Lyon fit-2 ta’ April tas-sena 1507.

Hekk rajna fuq fuq min huwa dak li nirreferu għalih kull darba li nsemmu x-xaqliba ta’ Ħal Qormi magħrufa bħala ‘Fejn San Franġisk’.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa San Ġorġ Ħal Qormi 2015, maħruġ mill-għaqda Mużikali San Ġorġ Martri 





Nessun commento:

Posta un commento