L-istemma araldika tal-Federazzjoni Russa
li naraw illum hija meħuda minn arma oħra, sewwasew dik
tal-Imperu Russu li ġie imneħħi mis-setgħa bir-Rivoluzzjoni Russa fl-1917 u
minn dak iż-żmien spiċċat ukoll l-arma tal-Imperu. Wara l-kriżi
kostituzzjonali tal-1993, ir-Russja biddlet l-arma tagħha u bdiet tuża arma
ġdida li tixbaħ lil dik ta’ qabel ir-rivoluzzjoni. Minkejja li sa minn żmien
Ivan III li mexxa r-Russja bejn l-1462 u l-1505, din l-arma kienet modifikata
aktar minn darba, l-istemma attwali hija derivata minn dik oriġinali. Din turi
ajkla b’żewġt irjus u tarka fuq sidirha, liema tarka ġġib fuqha lil San Ġorġ
fuq iż-żiemel. L-ajkla hija inkurunata u għandha l-ġwienaħ miftuħin u f’ sieq minnhom għandha
x-xettru u fl-oħra għandha globu imperjali. L-ajkla b’ żewġt irjus hija simbolu li nsibuh
użat sa minn żmien l-Imperu Biżantin (c. 330 – 1204). It-tifsira ta’ dan
is-simbolu huwa li l-Imperatur għandu s-setgħa kemm fuq ħwejjeġ materjali kif
ukoll fuq ħwejjeġ reliġjużi. Fil-fatt bosta imperaturi kienu jiddeċiedu huma
liema fidi jħaddnu is-sudditi tagħhom. Hekk għamel per eżempju Karlu Manju,
imperatur tas-Sagru Imperu Ruman bejn is-sena 800 u 815 u l-istess ħaġa ordna
r-Re Enriku VIII, li rrenja fuq l-Ingilterra bejn l-1509 sakemm miet fl-1547.
Dan meta kisirha ma’ Ruma u waqqaf il-Knisja Anglikana sar il-Kap
tal-Knisja u ordna li s-sudditti jidħlu f’ din i-Knisja ġdida.
Il-kuruna jew
aħjar it-tliet kuruni magħqudin li nsibu fuq l-irjus tal-ajkla, llum ma għadhomx
simboli imperjali imma jissimbolizzaw l-għaqda u s-sovranità tar-Russja fuq
ir-reġjuni kollha tal-federazzjoni. Ix-xettru u l-globu bis-salib fuqu, li
qabel kien iffisser is-setgħa tal-Kristjaneżmu, illum tħallew fl-arma għax huma simboli
tradizzjonali fl-araldika u jfissru awtorità u poter sovran. Dawn is-simboli
fis-sewwa kollha huma simboli ta’ monarkija u r-Russja llum ma hijiex aktar
monarkija. Għal dan il-fatt
oġġezzjonaw il-Komunisti Russi u qalu li l-arma ma għadniex ikollha simboli imperjalisti
jew monarkiċi. Madanakollu dawn is-simboli arardiċi baqgħu jidhru fl-arma.
Bejn l-1721 u l-1917, jiġifieri żmien l-Imperu Russu, kien hemm tliet
verżjonijiet ta’ din l-arma. L-ewwel waħda kienet l-aktar waħda elaborata li
kienet turi l-arma bl-ajkla sewda u San Ġorġ miżmuma minn żewġ anġli u mdawra
bil-ħmistax-il arma tat-territorji li kienu jiffurmaw l-Imperu. Fuq l-arma
ċentrali kien jidher baldakkin bil-kliem Съ Нами Богъ li jfisser “Alla huwa magħna”. It-tieni verżjoni
hija l-istess bħall-ewwel waħda imma mingħajr il-parti ta’ fuq. F’din l-arma
jidhru disa’ arem ta’ territorji Russi. Jidher ukoll il-kliem li jidher fuq
l-arma l-oħra. It-tielet verżjoni insibu l-ajkla b’ San Ġorġ u arem ta’ tmien
territorji li din id-darba ma humiex imdawrin mal-arma imma nsibuhom fuq
il-ġwienaħ tal-ajkla. Hemm xi varjanti oħrajn li għandhom xi differenzi żgħar
skont iż-żmien jew l-artist tal-araldika li jkun pittirhom imma dejjem jidhru
l-ajkla u San Ġorġ.
Fl-1918, bil-ħolqien tar-Repubblika Soċjalista Federali Sovjetika l-arma tar-Russja bdiet turi l-minġel u
l-martell u l-istilla ħamra. Wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika fl-1991,
l-arma Russa reġgħet bdiet turi lil San Ġorġ fuq iż-żiemel jissielet
mad-dragun. Minkejja li l-Komuniżmu ħadem biex ineħħi kull sens reliġjuż minn
qalb u ruħ il-poplu, xorta waħda meta dan spiċċa, il-poplu għażel simbolu li
fih element reliġjuż, il-qaddis Ġorġi.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa San Gorg Ħal Qormi 2015, tal-Għaqda tan-Nar 23 ta' April
Nessun commento:
Posta un commento