
Il-belt ta’ Piran
hija waħda b’ arkittetura medjevali, toroq dojoq u djar tipiċi, belt li llum
saret waħda mill-aktar atrazzjonijiet turistiċi tas-Slovenja. Hija tinsab
sewwasew fil-ponta tal-golf ta’ Trieste fil-baħar Adrijatiku. Fil’belt tinħass
sewwa l-influwenza Venezjana u din il-ħaġa tagħmel lil Piran belt differenti
minn tant oħrajn fis-Slovenja, hija belt li kienet imdawra bis-swar biex tilqa’
mill-ħbit tal-għadu u llum għadna naraw xi ftti min dawn il-ħitan. Iċ-ċentru
tal-blet hija l-pjazza imsemmija għal Gużeppi Tartini, vjolinist u kompożitur
Taljan li għex bejn l-1692 u l-1770. Qrib tal-pjazza nsibu d-dar ta’ dan
il-kompożitur kif ukoll munument għalih. Minn din il-pjazza wieħed jilmaħ
il-kampnar għoli tal-aktar knisja importanti tal-belt, il-knisja ta’ San Ġorġ
Martri.

Il-knisja minn
ġewwa fiha navata waħda b’ saqaf tal-injam impitter b’ siltiet mill-ħajja ta’
San Ġorġ. Lejn nofs il-knisja hemm l-istatwa kbira ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel,
xogħol tal-injam tas-seklu XVII ta’ skultur mhux magħruf. Faċċata ta’
din l-istatwa nsibu statwa ta’ San Nikola. Fil-knisja nsibu statwa oħra,
żgħira, maħduma fil-fidda xogħol ta’ arġentier li ma nafux ismu imma nafu li
huwa minn Piran stess. Bħala pitturi nsibu xogħol ta’ artisti ta’ skola
Venezjana, xogħol tas-seklu XVII tal-artist
Angelo De Coster, pittur Taljan li għex bejn l-1680 u l-1736. Dawn juru
l-patroċinju ta’ San Ġorġ fuq Piran u l-miraklu ewkaristiku li sar fil-knisja
ta’ San Ġorġ f’ Bolsena (l-Italja) fl-1263. Insibu wkoll pittura oħra li turi l-martirju
tal-qaddis impittra mill-artist Taljan ukoll, Giovanni Pagliarini li għex bejn
l-1809 u l-1878.

L-aħħar parti minn dan il-kumpless huwa l-battisterju f’
forma ottagonali. Dan huwa mibni wara l-kampnar u nbena fis-seklu XVII minflok
ieħor li kellu l-istess forma. Dan huwa l-uniku bini ta’ dan it-tip li fadal
fis-Slovenja. Huwa fih stil barokk u l-banju tan-nofs huwa sarkofagu Ruman.
Mal-ħajt tal-battisteru nsibu kurċifiss tal-injam tas-sena 1310 maħdum f’ ħanut ġewwa Venezja.
Il-belt ta’
Venezja minbarra li hija fil-qrib,
ma għenitx biss biex ittieħdu l-aspetti karatteristiċi imma xerdet fuq kollox
id-devozzjoni lejn San Ġorġ Martri li huwa l-Patrun ta’ Piran.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Ġorġ Ħal Qormi maħruġ mill-Għaqda Soċjo Mużikali Anici
Nessun commento:
Posta un commento