Meta ngħidu “Edukazzjoni” nistgħu nkunu qed nirreferu għal żewġ ħwejjeġ
differenti. Bniedem jista’ jkun edukat għax iġib ruħu sewwa, jaf u jimxi
mal-manjieri t-tajba u bniedem jista’ jkun edukat għax ikollu livell ta’ skola.
Etikett
Il-kelma etikett, kif ukoll it-tifsira tagħha, għandhom l-oriġini tagħhom
fix-xogħol miktub minn Monsinjur Giovanni Della Casa, ippubblikat wara mewtu
fl-1558 u intitolat, preċiżament, Galateo overo de' costumes. Tajjeb
ngħidu li l-etikett bit-Taljan jissejjaħ ukoll Galateo. F’dan it-trattat, li
għandu l-forma ta’ djalogu Platoniku bejn l-awtur innifsu u n-neputi żgħir
tiegħu Annibale, il-monsinjur jitkellem dwar id- drawwiet tajbin kollha,
ir-regoli li sa issa ma kinux għadhom miktuba dwar l-imġieba u d-drawwiet li
raġel tal-klassi tiegħu kellu jsegwi, il-manjieri tajbin kollha li tgħallem
matul ħajtu bħala diplomatiku u bniedem tal-Knisja. Illum il-ġurnata, l-etikett
kif isemmih Monsinjur Della Casa ma jeżistix: id-drawwiet evolvew u, mal-medda
taż-żmien, kull parir miktub minn dan il-bniedem jidher li ġie sostitwit jew
mitmum. Dan, madankollu, ma jfissirx li m'għadx hemm xi regoli li għandek
issegwi: l-etikett qed jevolvi kontinwament u jirnexxilu jgħaqqad kemm
esperjenzi ġodda kif ukoll użanzi qodma. Jekk, għalhekk, jinbidel fis-sustanza
tiegħu, l-iskop tal-etikett huwa dejjem l-istess: rispett għall-oħrajn,
koeżistenza pjaċevoli bejn l-individwi u soċjetà aktar armonjuża għall-ħajja
tajba ta' kulħadd.
Fil-ħajja ta’ kuljum
Għal xiex japplika l-etikett illum? Anke skont it-tifsira l-ġdida tiegħu,
l-etikett għandu jiġi adottat għal kull azzjoni tal-ħajja ta' kuljum, billi
tibda minn fuq il-mejda: kif tiekol, kif tuża l-pożati, x'għandek tagħmel meta
tkun mistieden u kif iżżomm konversazzjonijiet bejn il-ħbieb. Dawn kollha
jaqgħu f'din il-kategorija. Ma jonqsux ukoll regoli għal kull aspett soċjali,
mir-relazzjoni mal-ġirien għal diversi avvenimenti bħal ngħidu aħna tiġijiet
l-ewwel nett. Fil-fatt, it-tiġijiet huma wieħed mis-suġġetti li għalihom ħafna
nies jagħtu attenzjoni akbar minn avvenimenti oħrajn. Biss f'ambjenti aktar
informali ma għandux jintesa lanqas l-etikett.
Tagħlim
L-edukazzjoni tfisser ukoll dik il-bagalja ta’ tagħlim li bniedem jakkumula
permezz tal-istudju. Il-kelma edukazzjoni ġejja mill-verb Latin educĕre
li jfisser tiġbed il barra. It-terminu edukazzjoni huwa marbut mill-qrib ma’
dak tal-pedagoġija, dixxiplina li, skont it-tifsira moderna, tittratta
l-istudju sistematiku. Fil- Greċja tal-qedem, jiġifieri madwar 400 qabel
Kristu, is-sistema edukattiva msejħa paideia f'Ateni u agoghé fi
Sparta, kienet tinvolvi mhux biss istituzzjonijiet edukattivi iżda kienet
tikkonċerna dwar il-parteċipazzjoni fil-kultura Griega kollha kemm hi. Skont
il-filosofija Sokratika - Platonika, it-tagħlim mhu xejn ħlief li “jiġbed”
għarfien, li diġà jeżisti fl-individwu u li jrid “jinħareġ” permezz ta’ proċess
xieraq. Mela għalhekk educĕre, tiġbed il barra t-tagħlim mill-individwu.
Edukazzjoni bi dritt
L-edukazzjoni hija dritt rikonoxxut universalment. Għall-edukazzjoni formali b'mod partikolari, hemm regoli li jistabbilixxu garanziji preċiżi. Fuq livell globali, l- istati membri tal-Ġnus Magħquda ffirmaw id- Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1948 li, bl-artikolu 26, tiggarantixxi d-dritt għall-edukazzjoni. Il-UNESCO stabbiliet fl-1960 li parti importanti mid-dritt għall-edukazzjoni tikkonsisti fin - nuqqas ta' diskriminazzjoni. F-1966 il-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICESCR) jafferma mill-ġdid id-dritt għall-edukazzjoni għal kulħadd. Fuq livell Ewropew mill-1953 il-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali bl-artiklu 2 tal-ewwel protokoll, jobbliga lill-pajjiżi firmatarji kollha li jiggarantixxu forom xierqa ta’ edukazzjoni għaċ-ċittadini tagħhom. Dan id-dritt huwa wkoll garantit mill-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmata fl-1961 u riveduta fl-1996. Fuq livell nazzjonali, kważi l-pajjiżi kollha għandhom leġiżlazzjoni li tiggarantixxi forom fundamentali ta’ edukazzjoni liċ-ċittadini tagħhom, anke jekk mhux kollha kapaċi japplikawhom bis-sħiħ. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid hekk: “L-edukazzjoni primarja għandha tkun obbligatorja u fl-iskejjel tal-Istat għandha tkun bla ħlas. L-istudenti kapaċi u meritevoli, ukoll jekk mingħajr risorsi finanzjarji, għandhom dritt li jilħqu l-ogħla gradi ta’ edukazzjoni.” Dan insibuh f’Kapitlu II tal-Kostituzzjoni fejn jiġu trattati il-prinċipji tal-istat Malti.
Edukazzjoni u Edukazzjoni
Rajna ż-żewġ tifsiriet ta’ Edukazzjoni u rajna kif waħda mhux bil-fors
tiġbed lill-oħra. Fil-verità ġieli ngergru li jkun hemm nuqqas ta’ edukazzjoni
minn ċerti persuni ta’ livell ta’ edukazzjoni. Le dan mhux logħob bil-kliem,
imma ħsieb profond. Importanti li dawn iż-żewġ karattri ta’ edukazzjoni jimxu
id f’id, dejjem flimkien.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Novembru 2024
Nessun commento:
Posta un commento