venerdì 24 novembre 2017

Ir-rispett lejn il-Pulizija

Persuna li fi tfultina kellha rispett kbir minna kienet dik tal-membru tal-Korp tal-Pulizija. Il-kbar kienu jgħallmuna li għandu jkollna rispett lejn dawn il-persuni għax bis-saħħa tagħhom tinżamm l-ordni fil-pajjiż. Kienu jgħidulna li jekk jinqala’ xi ħaġa għandna morru għandhom, jekk inkunu f’xi post iffullat u nintilfu għandna nfittxu pulizija biex jerġa’ jsibilna lill-ġenituri tagħna. Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li fina tnissel sens ta’ rispett lejn l-uniformi. Mhux lejn il-libsa imma lejn il-persuna li tilbisha u lejn il-ħidma li twettaq.

Niftakar li meta konna żgħar kellna anke ktieb, wieħed minn sensiela, li tiddiskrivi għadd ta’ xogħlijiet, li kien iddedikat lill-pulizija. Dan kien ikompli jkabbar fina is-sens ta’ rispett lejn min ikun f’dan il-mestier.

Storja fl-isem
Il-kelma pulizija ġejja mill-kelma Griega πολιτεία  (politeía). Kelma Griega oħra, qrib din il-kelma hija πόλις (pólis). Minkejja li dawn iż-żewġ kelmiet jixxiebħu ma jfissrx li huma l-istess. L-ewwel waħda tfisser gvern, mexxej ċivili filwaqt li t-tieni kelma tfisser belt-stat. Billi ma humiex l-istess ħaġa xorta hemm rabta bejn il-mexxej u l-belt għax huwa l-persuna li jmexxi l-ordni fil-belt jew il-pajjiż. Minn din il-kelma Griega ħarġet il-kelma Latina politia, li bejn wieħed u ieħor għandha l-istess tifsira u maż-żmien nibtet il-kelma pulizija, police bl-Ingliz, polizia bit-Taljan, police bil-Franċiż, polizei bil-Ġermaniż, policía bl-Ispanjol u nistgħu nibqgħu sejrin hekk. Kważi l-ilsna kollha ħadu terminu għal dak il-mestier li qegħdin nitkellmu dwaru mill-kelma Griega.

Nistgħu ngħidu li llum fid-dinja kollha, fil-pajjiżi kollha, mhux dawk biss żviluppati, insibu l-korp tal-pulizija għaż-żamma tal-ordni. Id-data uffiċjali tat-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija f’ Malta hija t-12 ta’ Lulju 1814.

Għaqda
Minħabba n-natura ta’ dan ix-xogħol mhux kulħadd jaqbel li huma jkunu f’union. Il-ħidma tal-pulizija mhix strettament militari imma lanqas huma Boy Scouts. (Bir-rispett kollu lejn l-Iscouts – għaqda li tant għandi għal qalbi u li fiha għaddejt uħud mill-isbaħ snin ta’ żgħożiti!) Wara kollox dan huwa xogħol li minkejja li huwa differenti minn xogħlijiet oħra, xorta għandek bniedem tad-demm u l-laħam taħt il-qoxra tal-uniformi, xorta għandek lill-persuna umana li għalkemm bħala pulizija tibqa’ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, xħin tlesti dmirha, tmur id-dar u ssib il-familja, lill-omm u l-aħwa jekk ġuvni jew xebba, issib lill-mara jew lir-raġel u lit-tfal jekk dak li jkun ikollu l-familja tiegħu. Għalhekk personalment naqbel li l-pulizija jkollhom union. Tajjeb ukoll li ma jkunx hemm il-monopolju, sewwasew bħal fil-każ ta’ Malta, fejn hemm żewġ unions fejn jistgħu jissieħbu l-pulizija.

Pulizija agrediti
Fi tfulitna meta konna nisimgħu li xi ħadd ħebb għal xi pulizija konna nqisu dan l-att bħala wieħed gravi. Mhux biss attakk fiżiku imma anke jekk persuna ttajjar il-beritta ta’ pulizija kien meqjuż bħala offiża. Ma nafx jekk kienx hemm xi penali għal min iwettaq dan l-att u jekk kien hemm ma naħsibx li din tneħħet. Iżda llum ma għadniex nisimgħu b’persuni li jtajru l-beritta minn fuq ras xi kuntistabbli, illum l-atti huma wisq aktar gravi, illum l-attakki huma fiżiċi u gravi.

Xbajna nisimgħu u naqraw b’każi fejn membri tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta jiġu aggrediti għax ikunu qed jagħmlu xogħolhom. Xbajna naqraw b’pulizija li spiċċat l-isptar għall-kura għax xi ħadd għoġbu jieħu l-liġi b’idejh u jidrob lill-kuntistabbli li waqt ħidmietu jiġbidlu l-attenzjoni għal xi kontravinzjoni jew għal xi ksur tal-liġi li jkun għamel. X’nippretendu li kulħadd jieħu l-liġi b’idejh u jagħmel li jrid? Niġu sewwa għax nispiċċaw bħall-ġungla.

Edukazzjoni
Dan l-aħħar qrajna li membru tal-Korp spiċċat l-isptar wara inċident quddiem il-Junior College fl-Imsida. Xi studenti kienu qed jifirħu, kienu qed jiċċelebraw, imma ejjew inkunu rġiel: biex tiċċelebra hemm għalfejn tispiċċa ċċappas iċ-ċelebrazzjoni tiegħek? Kieku ma seħħx dak li seħħ ma kienx ikun aħjar? Hu x’inhu dak li ġara ġara u se jibqa’ miktub bla ma jista’ jitħassar qatt.

Biss jiena ma nagħtix it-tort kollu lill-istudenti f’dan il-każ. It-tort il-kbir huwa tal-istruttura kollha, fejn il-poplu kollu ma għadux iħoss ripsett lejn il-membri tal-korp. Illum ma għadniex inħarsu lejn l-uniformi imma qed inneżżgħu lill-kuntistabbli u narawh bħala bniedem bħalna. Tassew li huwa bniedem bħalna imma bniedem b’missjoni!

Hemm bżonn li l-pulizija terġa’ tingħata d-dinjità li kellha darba. Hemm bżonn li l-affarijiet jitranġaw minn fuq, anzi minn fuq nett. Hemm bżonn li jekk pulizija jaqdi dmiru u jiġi agredit (u anke jekk le), isib min jagħtih appoġġ, min ikun ta’ spalla għalih, min ikun warajh. B’hekk dak il-pulizija, li wara kollox qiegħed fuq xogħlu mhux b’passatemp imma biex jaqla l-biċċa tal-ħobż, jagħmel dmiru sewwa: kif jixraq lilu u kif jixraq lilna ċittadini ta’ pajjiż ċivilizzat.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 25 ta' Novembru 2017





Nessun commento:

Posta un commento